13.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 498/2009

tat-12 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2003 li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 170 tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 (2) jirreferi għall-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasportazzjoni tagħhom bħala kundizzjoni għall-ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni.

(2)

B’segwitu għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta’ Jannar 2008 fil-Kawżi Konġunti C-37/06 u C-58/06 u tat-13 ta’ Marzu 2008 fil-Kawża C-96/06, għandha tiġi ċċarata r-rabta bejn ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (3).

(3)

Ir-regoli dwar il-benesseri (welfare) tal-annimali tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 li huma indirizzati lejn l-operaturi u li jwasslu, fi kwalunkwe każ ta’ ksur ta’ dawn irregoli, għat-telf tar-rifużjoni relatata mal-ksur ikkonċernat, għandhom jiġu stipulati b’mod ċar. F’dak il-kuntest, l-Artikoli 2 u 3 u l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament(KE) Nru 1/2005 u l-Annessi msemmija fihom għandhom l-għan li jispeċifikaw dispożizzjonijiet li jkunu indirizzati lejn l-operaturi, u li jkollhom x’jaqsmu direttament mal-għan tal-protezzjoni tal-annimali filwaqt li dispożizzjonijiet oħra ta’ dak ir-Regolament jikkonċernaw ir-regoli amministrattivi.

(4)

L-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-Regolament (KE) Nru 639/2003 jipprovdu li l-ħarsien tar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali huwa kundizzjoni għall-ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi stipulat b’mod ċar li, mingħajr preġudizzju għal kawżi ta’ force majeure rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali twassal għat-telf tar-rifużjoni tal-esportazzjoni u mhux għal tnaqqis tagħha, skont l-għadd ta’ annimali li għalih ma jkunux ġew imħarsa r-rekwiżiti tal-benesseri. Bl-istess mod, kemm minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mir-regoli dwar il-benesseri tal-annimali li huma inklużi fl-Artikoli 2 u 3 u l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jirriżulta li r-rifużjoni għandha tintilef fil-każijiet ta’ dawk l-annimali li għalihom ma jiġux imħarsa r-regoli dwar il-benesseri, irrispettivament mill-kundizzjonijiet fiżiċi reali tal-annimali.

(5)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal annimali tal-ifrat ħajjin li jaqgħu fil-kodiċi NM (Nomenklura Magħquda) 0102 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘l-annimali’), skont l-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandu jkun suġġett għall-konformità, waqt it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 u l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (*1) u l-Annessi msemmija fihom, u mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(*1)   ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.”;"

(2)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrufu 1 tal-Artikolu 5 hu mibdul b’dan li ġej:

“Is-somma totali tar-rifużjoni tal-esportazzjoni għal kull annimal li tiġi kkalkolata skont it-tieni subparagrafu ma għandhiex titħallas għal:

(a)

annimali li jmutu waqt it-trasport, għajr kif previst fil-paragrafu 2;

(b)

annimali li jwelldu jew ikollhom abort waqt it-trasport qabel l-ewwel ħatt tagħhom fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali;

(c)

annimali li għalihom, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) u/jew l-elementi l-oħra kollha disponibbli għaliha li jikkonċernaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tqis li ma tkunx inżammet konformità mal-Artikoli 2 u 3 u l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Annessi msemmija fihom.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni aċċettati wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 93, 10.4.2003, p. 10.

(3)   ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.