27.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/54


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 437/2009

tas-26 ta’ Mejju 2009

li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwota tariffarja Komunitarj għall-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira maħsuba għat-tismin

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 144(1) u l-Artikolu 146 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-lista CXL tad-WTO tirrikjedi li l-Komunità tiftaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta’ 169 000 annimal bovin maskili ta’ età żgħira għat-tismin. Madankollu, b’riżultat tan-negozjati li wasslu għall-Ftehim taħt forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 (2), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/333/KE (3), il-Kummissjoni ntrabtet li ddaħħal fil-lista tagħha għall-Istati Membri kollha aġġustament ta’ dik il-kwota ta’ importazzjoni b’24 070 ras.

(2)

Ir-regoli ddettaljati ta’ implimentazzjoni għall-ġestjoni ta’ dawn il-kwoti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 558/2007 tat-23 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u [jipprovdi għall-]amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni tal-annimali bovini maskili ta’ età żgħira għat-tismin (4), għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

(3)

L-użu tal-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” irriżulta pożittiv f’setturi agrikoli oħra, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li l-kwota relatata mal-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira għat-tismin tiġi ġestita skont il-metodu indikat fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (5).

(4)

Fid-dawl tal-partikularitajiet marbutin mat-trasferiment minn sistema ta’ ġestjoni għal oħra, huwa importanti li l-kwota koperta minn dan ir-Regolament titqies “mhux kritika” fit-tifsira tal-Artikolu 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(5)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 450/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6) jipprovdi, fl-Artikolu 166 tiegħu, superviżjoni doganali għall-merkanzija rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa b’dazju mnaqqas minħabba l-użu tagħha għal skopijiet partikulari. Jeħtieġ li jiġu sorveljati, għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ, l-annimali importati taħt il-kwota tariffarja msemmija koperta minn dan ir-Regolament, bil-għan li jiġi garantit li jissemmnu għal tal-anqas mija u għoxrin jum fl-unitajiet ta’ produzzjoni indikati.

(6)

Jeħtieġ li tiġi kkostitwita garanzija biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan l-obbligu ta’ tismin. L-ammont tal-garanzija għandu jkopri d-differenza bejn id-dazju tat-Tariffa Komuni tad-Dwana (CCT) u d-dazji mnaqqsa applikabbli fid-data tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-annimali kkonċernati.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 558/2007 għandu jitħassar u jinbidel b’Regolament ġdid.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kwota tariffarja għall-importazzjoni ta’ 24 070 annimal bovin maskili ta’ età żgħira li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0102 90 05, 0102 90 29 jew 0102 90 49 u li huma maħsuba għat-tismin fil-Komunità qiegħda b’dan tinfetaħ kull sena għal perjodi mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara (“perjodi tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni”).

Din il-kwota tariffarja għandu jkollha n-numru tas-serje 09.0113.

2.   Il-kwota msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ġestita skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308c(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ma għandux applika.

3.   Id-dazju tad-dwana fuq l-importazzjoni applikabbli fil-kuntest tal-kwota tariffarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ 16 % ad valorem flimkien ma’ EUR 582 għal kull tunnellata netta.

Ir-rata tad-dazju prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika bil-kundizzjoni li l-annimali jissemmnu għal perjodu ta’ mill-anqas mija u għoxrin jum fl-Istat Membru fejn ikunu ġew importati.

Artikolu 2

1.   Skont l-Artikolu 166 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, l-annimali importati għandhom ikunu soġġetti għal supervizjoni biex jiġi ggarantit li jissemmnu matul perjodu ta’ mill-anqas 120 jum f’unitajiet ta’ produzzjoni li għandhom jiġu indikati mill-importatur fix-xahar wara dak tar-rilaxx tal-annimali għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

2.   Sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-obbligu ta’ tismin imsemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll ir-riċeviment tad-dazji mhux imħallsa fil-każ li dan l-obbligu ma jinqediex, l-importaturi għandhom jiddepożitaw garanzija mal-awtoritajiet kompetenti tad-dwana. L-ammont ta’ din il-garanzija għal kull kodiċi NM eliġibbli huwa indikat fl-Anness.

3.   Għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi rrilaxxata biss jekk tingħata prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-annimali bovini ta’ età żgħira:

(a)

ikunu ssemmnu fl-azjenda jew fl-azjendi indikati skont il-paragrafu 1;

(b)

ma jkunux ġew maqtula qabel ma jkun għadda perjodu ta’ 120 jum mid-data tal-importazzjoni tagħhom; jew

(ċ)

ikunu ġew maqtula qabel ma jkun għadda dan il-perjodu għal raġunijiet ta’ saħħa jew mietu minħabba mard jew inċident.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 558/2007 għandu jitħassar. Madankollu, ikompli japplika għad-dazji mnissla miċ-ċertifikati maħruġin qabel l-1 ta’ Lulju 2009 u sal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 124, 11.5.2006, p. 15.

(3)  ĠU L 124, 11.5.2006, p. 13.

(4)  ĠU L 132, 24.5.2007, p. 21.

(5)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(6)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.


ANNESS

L-AMMONTI TA’ GARANZIJA

Annimali bovini maskili għat-tismin (kodiċi NM)

Ammont f’EUR/ras

0102 90 05

28

0102 90 29

56

0102 90 49

105