21.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/52


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 415/2009

tal-20 ta’ Mejju 2009

li jemenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/68/KE li temenda l-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti ingredjenti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/68/KE (2) tistabbilixxi lista ta’ ingredjenti jew sustanzi tal-ikel esklużi mir-rekwiżiti tal-ittikkettjar.

(2)

Minħabba li l-bidliet fit-tikkettjar jaffettwaw l-industrija, prinċipalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jridu perjodu ta' adattazzjoni biex iwittu t-triq għal tranżizzjoni mingħajr tfixkil lejn rekwiżiti tat-tikkettjar ġodda, id-Direttiva 2007/68/KE tipprovdi għal miżuri temporanji biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda billi titħalla l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu ttikkettjati qabel il-31 ta’ Mejju 2009 li jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/26/KE (3) sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta' April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/1986 u (KE) Nru 1493/1999 (4) jorganizza mill-ġdid il-mod kif jiġi mmaniġjat is-suq tal-inbid tal-UE. Skont l-Artikolu 129(1)(e) ta’ dak ir-Regolament, il-Kapitoli II, III, IV, V u VI tat-Titolu III, l-Artikoli 108, 111 u 112 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti b'mod partikolari fl-Annessi rilevanti għandhom japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2009 ħlief jekk ikun previst xort'oħra bħala regolament li għandu jiġi adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 113(1). Ir-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament, li inter alia jipprovdi għal regoli speċifiċi ta' tikkettjar applikabbli lis-settur tal-inbid, qed jitħejjew bħalissa u, minħabba l-applikabbilità tagħhom sa mill-1 ta’ Awwissu 2009, huwa previst perjodu ta' tranżizzjoni sabiex titħaffef it-tranżizzjoni mil-leġiżlazzjoni ta' qabel tas-settur tal-inbid, notevolment ir-Regolamant tal-Kunsill Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (5) għar-Regolament (KE) Nru 479/2008 biex l-operaturi ekonomiċi jitħallew jikkonformaw mar-rekwiżiti ġodda ta’ tikkettjar.

(4)

Minħabba li l-operaturi tal-inbid ikunu suġġetti għal żewġ ġabriet ta’ rekwiżiti ta’ tikkettjar, dawk previsti skont id-Direttiva 2007/68/KE u dawk tar-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 u sakemm il-perjodi tagħhom ta’ tranżizzjoni ma jikkoinċidux, hekk skont id-Direttiva 2007/68/KE, l-oġġetti tal-ikel imqiegħda fis-suq jew ittikkettjati qabel il-31 ta’ Mejju 2009 li jikkonformaw mad-Direttiva 2005/26/KE jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u biex jiġu evitati piżijiet bla ħtieġa fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll fuq l-operaturi ekonomiċi, għandha tiġi stabbilita data għall-applikazzjoni obbligatorja tas-settur tal-inbid fid-Direttiva 2007/68/KE u tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 479/2008.

(5)

Fir-rigward ta’ prodotti koperti bir-Regolament (KE) Nru 479/2008, l-aħħar tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fid-Direttiva 2007/68/KE għandu għalhekk jiġi stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2010.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/68/KE jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“B’deroga mit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-inbejjed, hekk kif definit fl-Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (*), li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu ttikkettjati qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, u li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/26/KE, jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 109,6.5.2000, p. 29.

(2)  ĠU L 310, 28.11.2007, p. 11.

(3)  ĠU L 75, 22.3.2005, p. 33.

(4)  ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.