21.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 126/13 |
REGOLAMENT (KE) Nru 401/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ April 2009
dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent
(verżjoni kkodifikata)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar l-istabbiliment tal-Aġenzija tal-Ambjent Ewropew u n-netwerk tal-informazzjoni u l-osservazzjoni tal-ambjent Ewropew (3) ġie emendat kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat. |
(2) |
It-Trattat jipprovdi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika tal-Komunità dwar l-ambjent, u jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji li għandhom jirregolaw din il-politika. |
(3) |
Il-ħtiġiet ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu komponent tal-politika l-oħra tal-Komunità. |
(4) |
Skond l-Artikolu 174 tat-Trattat, fit-tħejjija tal-azzjoni tagħha li għandha x’taqsam mal-ambjent, il-Komunità għandha tagħti kas, inter alia, tad-dejta xjentifika u teknika disponibbli. |
(5) |
Il-ġbir, l-ipproċessar u l-analiżi tad-dejta ambjentali fuq livell Ewropew huma meħtieġa sabiex tigi pprovduta, informazzjoni oġġettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli li tgħin lill-Komunità u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-ambjent, biex jiġu stmati r-riżultati ta’ dawk il-miżuri u biex jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb dwar l-istat tal-ambjent. |
(6) |
Fil-Komunità u fl-Istati Membri diġà jeżistu faċilitajiet li jipprovdu informazzjoni u servizzi bħal dawn. |
(7) |
Dawn għandhom jagħmlu parti mill-bażi tan–netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent ikkoordinat fuq livell Komunitarju mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. |
(8) |
Il-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti, previsti fl-Artikolu 225 tat-Trattat, ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5). |
(9) |
L-Aġenzija għandha tikkopera mal-istrutturi eżistenti fil-livell tal-Komunità biex tagħti lill-Kummissjoni l-poter li tiżgura l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent. |
(10) |
L-istatus u l-istruttura ta’ Aġenzija bħal din għandhom jikkorrispondu mal-karattru oġġettiv tar-riżultati li hija maħsuba li tipproduċi u għandhom jippermettula li twettaq il-funzjonijiet tagħha b’koperazzjoni mill-qrib mal-faċilitajiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti. |
(11) |
L-Aġenzija għandha tingħata awtonomija legali waqt li żżomm rabta mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri. |
(12) |
Huwa mixtieq li jkun hemm dispożizzjoni għall-Aġenzija sabiex din tkun miftuħa għal pajjiżi oħra li jaqsmu l-istess interessi tal-Komunità u tal-Istati Membri għall-għanijiet tal-Aġenzija taht il-ftehim li għandhom jiġu konklużi bejniethom u l-Komunità, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dan ir-Regolament jipprovdi għal Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, minn hawn il-quddiem msejħa bħala “l-Aġenzija”, u għandu l-għan li jistabbilixxi Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent.
2. Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ħarsien u t-titjib tal-ambjent imsemmija fit-Trattat u fi programmi suċċessivi ta’ azzjoni mill-Komunità dwar l-ambjent, kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli, l-objettiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent għandu jkun li jipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b’dan li ġej:
(a) |
informazzjoni oġġettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli f’livell Ewropew li tippermetti li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, biex jiġu valutati r-riżultati ta’ tali miżuri u biex jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb bl-istat tal-ambjent, u għal dak il-għan, |
(b) |
l-appoġġ tekniku u xjentifiku meħtieġ. |
Artikolu 2
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, il-kompiti tal-Aġenzija għandhom ikunu li:
(a) |
tistabbilixxi, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, u tikkoordina in-netwerk imsemmi fl-Artikolu 4; f’dan il-kuntest, l-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-ġbir, ipproċessar u analiżi tad-dejta, b’mod partikolari fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3; |
(b) |
tipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b’informazzjoni oġġettiva meħtieġa għat-tħejjija u l-implimentazzjoni soda u effettiva tal-politiki ambjentali; għal dak il-għan, b’mod partikolari biex tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tkun tinħtieġ biex twettaq b’suċċess id-doveri tagħha biex tidentifika, tħejji u tagħmel valutazzjoni ta’ miżuri u leġislazzjoni fil-qasam tal-ambjent; |
(c) |
tgħin fis-sorveljar ta’ miżuri ambjentali permezz ta’ sostenn xieraq għall-ħtiġijiet ta’ rappurtaġġ (inkluż permezz ta’ involviment fl-iżvilupp tal-kwestjonarji, l-ipproċessar ta’ rapporti minn Stati Membri u tad-distribuzzjoni ta’ riżultati), bi qbil mal-programm ta’ xogħol tagħha multi-annwali u mal-għan ta’ koordinament tar-rappurtaġġ; |
(d) |
li tagħti pariri lill-Istati Membri individwali, wara t-talba tagħhom u meta din tkun konsistenti mal-programm ta’ xogħol annwali tal-Aġenzija, dwar l-iżvilupp, it-twaqqif u l-espansjoni tas-sistemi tagħhom għal sorveljar ta’ miżuri ambjentali, sakemm tali attivitajiet ma jipperikolawx it-twettiq bis-sħiħ tad-doveri l-oħra stabbiliti b’dan l-Artkolu. Parir bħal dan jista’ jinkludi wkoll reviżjonijiet ugwali minn esperti fuq talba speċifika minn Stati Membri; |
(e) |
li tirreġistra, tiġbor u tistudja d-dejta dwar il-qagħda tal-ambjent, tħejji rapporti minn esperti dwar il-kwalità, is-sensittività u l-pressjoni fuq l-ambjent fit-territorju tal-Komunità, biex tipprovdi kriterji ta’ studju uniformi għall-informazzjoni ambjentali li għandha tkun applikata fl-Istati Membri kollha, sabiex ikun żviluppat aktar u miżmum ċentru ta’ referenza dwar dejta fuq l-ambjent; il-Kummissjoni għandha tuża din l-informazzjoni fit-twettiq tad-doveri tagħha biex tassigura l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent; |
(f) |
tgħin biex tiżgura li d-dejta dwar l-ambjent fil-livell Ewropew tkun kumparabbli u, jekk meħtieġ, biex tinkorraġġixxi b’mezzi xierqa, armonizzazzjoni mtejjba ta’ metodi ta’ kejl; |
(g) |
tippromwovi l-inkorporazzjoni tal-informazzjoni Ewropea ambjentali fil-programmi internazzjonali ta’ sorveljar ambjentali bħal dawk stabbiliti mill-Ġnus Magħquda u l-aġenziji speċjalizzati tagħha; |
(h) |
li tippubblika rapport dwar l-istat ta’, tendenzi fi u prospetti dwar l-ambjent kull ħames snin, issupplimentati b’rapporti indikaturi li jiffukaw dwar suġġetti speċifiċi; |
(i) |
li tistimula l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ tekniċi ta’ tbassir ambjentali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni adegwati fil-waqt it-tajjeb; |
(j) |
li tistimula l-iżvilupp tal-metodi ta’ stima tal-ispejjeż tal-ħsara għall-ambjent u l-ispejjeż tal-politika għall-prevenzjoni, protezzjoni u restawr ambjentali; |
(k) |
li tistimula l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar teknoloġiji disponibbli għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-ħsara għall-ambjent; |
(l) |
li tikkopera mal-korpi u l-programmi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15; |
(m) |
li tassigura d-disseminazzjoni wiesgħa ta’ informazzjoni ambjentali ta’ min joqgħod fuqha u komparabbli, b’mod partikolari dwar il-qagħda tal-ambjent, lill-publiku ġenerali u, għal dan il-għan, li tkabbar l-użu ta’ teknoloġija telematika ġdida għal dan l-iskop; |
(n) |
li tkun ta’ sostenn għall-Kummissjoni fil-proċess ta’ tpartit ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ studju ambjentali u l-aħjar prattiċi; |
(o) |
li tgħin lill-Kummissjoni fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati tar-riċerka ambjentali rilevanti u f’għamla li tgħin l-aħjar il-politika għall-iżvilupp. |
Artikolu 3
1. L-oqsma prinċipali tal-attività tal-Aġenzija għandhom, sakemm ikun possibbli, jinkludu l-elementi kollha li jippermettulha li tiġbor l-informazzjoni biex tagħmilha possibbli li tiddeskrivi l-istat preżenti u dak imbassar tal-ambjent mill-opinjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-kwalità tal-ambjent; |
(b) |
il-pressjonijiet fuq l-ambjent; |
(c) |
is-sensittività tal-ambjent; |
inkluż it-tqegħied ta’ dawn fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.
2. L-Aġenzija għandha tforni informazzjoni li tista’ tintuża direttament fl-implementazzjoni tal-politika ambjentali tal-Komunità.
Għandha tingħata prijorità għall-oqsma ta’ xogħol li ġejjin:
(a) |
il-kwalità tal-arja u l-emmissjonijiet atmosferiċi, |
(b) |
il-kwalità tal-ilma, affarijiet li jniġġsu u riżorsi tal-ilma, |
(c) |
l-istat tal-ħamrija, tal-fawna u tal-flora, u tal-bijotipi, |
(d) |
l-użu tal-art u tar-riżorsi naturali, |
(e) |
immaniġġar tal-iskart, |
(f) |
emmissjonijiet tal-ħsejjes, |
(g) |
sostanzi kimiċi li huma ta’ ħsara għall-ambjent, |
(h) |
ħarsien kostali u marittimu. |
B’mod partikolari, fenomeni li jaffettwaw aktar minn pajjiż wieħed, fenomeni plurinazzjonali u fenomeni globali għandhom ikunu koperti wkoll.
Id-dimensjoni soċjo-ekonomika għandha titqies ukoll.
3. L-Aġenzija għandha wkoll tikkopera fl-iskambju ta’ informazzjoni ma’ korpi oħra, inkluż mal-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi tal-Ambjent (in-Netwerk IMPEL).
Fl-attivitajiet tagħha l-Aġenzija għandha tevita li tidduplika l-attivitajiet eżistenti ta’ xi istituzzjonijiet u korpi oħra.
Artikolu 4
1. In-Netwerk għandu jinkludi:
(a) |
l-elementi komponenti prinċipali tan-netwerks ta’ informazzjoni nazzjonali, |
(b) |
il-punti fokali nazzjonali, |
(c) |
iċ-ċentri topiċi. |
2. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Aġenzija infurmata bl-elementi komponenti prinċipali tal-qafas nazzjonali tagħhom dwar l-informazjoni ambjentali, b’mod speċjali fiż-żoni ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 3(2), inklużi kwalunkwe istituzzjonijiet li fil-fehma tagħhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għax-xogħol tal-Aġenzija, waqt li jqisu l-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista’ jkun l-akbar kopertura ġeografika possibbli tat-territorju tagħhom.
L-Istati Membri għandhom, kif xieraq, jikkooperaw mal-Aġenzija u jikkontribwixxu għax-xogħol tan-Netwerk Ewropew għal Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent skont il-programmi tax-xogħol tal-Aġenzija bil-ġbir, tqabbil u l-analiżi ta’ informazzjoni nazzjonali.
L-Istati Membri jistgħu wkoll jissieħbu biex jikkoperaw f’dawn l-attivitajiet fuq livell transnazzjonali.
3. L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jaħtru minn fost l-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew minn fost organizzazzjonijiet oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom bħala “punt fokali nazzjonali” għall-koordinament u/jew it-trasmissjoni tal-informazzjoni li għandha tkun fornuta f’livell nazzjonali lill-Aġenzija u lill-istituzzjonijiet jew korpi li jiffurmaw parti min-Netwerk, inklużi ċentri topiċi msemmija fil-paragrafu 4.
4. L-Istati Membri jistgħu wkoll, sat-30 ta’ April 1994, jidentifikaw l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet l-oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom li jistgħu speċifikament jiġu fdati bil-biċċa xogħol li jikkooperaw mal-Aġenzija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti suġġetti ta’ interess partikolari.
Istituzzjoni identifikata b’dan il-mod għandha tkun f’qagħda li tikkonkludi ftehim mal-Aġenzija sabiex taġixxi bħala ċentru topiku tan-Netwerk għal ħidmiet speċifiċi.
Dawn iċ-ċentri għandhom jikkooperaw ma’ istituzzjonijiet oħra li jifformaw parti min-Netwerk.
5. Iċ-ċentri topiċi għandhom ikunu nominati mill-Bord ta’ Mmaniġġjar kif definit fl-Artikolu 8(1), għal perjodu li ma jeċċedix it-tul ta’ kull programm ta’ xogħol multi-annwali msemmi fl-Artikolu 8(4). Kull desinjazzjoni tista’, b’danakollu, tkun imġedda.
6. L-allokazzjoni ta’ ħidmiet speċifiċi għaċ-ċentri topiċi għandha tidher fil-programm tax-xogħol multi-annwali tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 8(4).
7. Fid-dawl b’mod partikolari tal-programm tax-xogħol multiannwali, l-Aġenzija għandha b’mod perjodiku teżamina mill-ġdid l-elementi komponenti tan-Netwerk kif hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u għandha tagħmel tibdil bħal dan kif jista’ jiġi deċiż mill-Bord ta’ Mmaniġġjar, billi jingħata kas ta’ ħatriet ġodda magħmula mill-Istati Membri.
Artikolu 5
L-Aġenzija tista’ taqbel mal-istituzzjonijiet jew korpi li jiffurmaw parti min-Netwerk, kif imsemmija fl-Artikolu 4, mal-arranġamenti meħtieġa, b’mod partikolari kuntratti, għat-twettieq b’suċċess tal-ħidmiet li hija tista’ tafda lilhom.
Stat Membru jista’ jipprovdi, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali fit-territorju tiegħu, li arranġamenti bħal dawn mal-Aġenzija għandhom isiru bi qbil mal-punt fokali nazzjonali.
Artikolu 6
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.
2. Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman Ewropew jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.
Artikolu 7
L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika. Għandha tgawdi fl-Istati Membri kollha l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.
Artikolu 8
1. L-Aġenzija għandha jkollha Bord ta’ Mmaniġġjar li jikkonsisti minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ukoll rappreżentant wieħed għal kull pajjiż li jipparteċipa fl-Aġenzija, bi qbil mad-dispożizzjonijiet relevanti.
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jista’ jaħtar, bħala membri fil-Bord ta’ Mmaniġġjar, żewġ personalitajiet xjentifiċi kwalifikati partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, li għandhom jiġu magħżula fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni personali li huma aktarx li jagħtu lix-xogħol tal-Aġenzija.
Kull membru tal-Bord ta’ Mmaniġġjar jista’ jkun irrappreżentat minn membru alternattiv.
2. Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu jeleġġi l-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin u għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Kull membru tal-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu jkollu vot.
Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu jeleġġi bureau li jista’ jiddelegalu deċiżjonijiet eżekuttivi, skont ir-regoli li hu għandu jadotta.
3. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Mmaniġġjar għall-adozzjoni tagħhom għandhom jinħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord.
4. Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu jadotta programm ta’ xogħol multi-annwali ibbażat fuq l-oqsma ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 3(2), filwaqt li juża bħala bażi l-abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv msemmi fl-Artikolu 9, wara li jikkonsulta lill-kumitat xjentifiku, msemmi fl-Artikolu 10, u jirċevi l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm ta’ xogħol multi-annwali għandu, mingħajr preġudizzju għall-proċedura tal-baġit annwali tal-Komunità, jinkludi estimi baġitarji ta’ nfiq multi-annwali.
5. Taħt il-programm multi-annwali, il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu kull sena jadotta il-programm ta’ xogħol tal-Aġenzija fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv wara li jikkonsulta lill-kumitat xjentifiku u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm jista’ jiġi aġġustat matul is-sena permezz tal-istess proċedura.
6. Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jibagħtu l-iktar tard sal-15 ta’ Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Istati Membri.
7. L-Aġenzija għandha tibgħat kull sena lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-riżultat tal-proċeduri tal-valutazzjoni.
Artikolu 9
1. L-Aġenzija għandha tkun immexxija minn Direttur Eżekuttiv maħtur mill-Bord ta’ Mmaniġġjar fuq proposta mill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin, liema ħatra tista’ tiġġedded.
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentat legali tal-Aġenzija.
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli:
(a) |
għat-tħejjija xierqa u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-programmi adottati mill-Bord ta’ Mmaniġġjar; |
(b) |
għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Aġenzija; |
(c) |
għat-twettieq tal-ħidmiet definiti fl-Artikoli 12 u 13; |
(d) |
għat-tħejjija u l-pubblikazzjoni tar-rapporti speċifikati fl-Artikolu 2(h); |
(e) |
għas-suġġetti kollha dwar l-impjegati, għat-twettiq tad-doveri li hemm referenza dwarhom fl-Artikoli 8(4) u 5. |
Għandu jikseb l-opinjoni tal-kumitat xjentifiku, msemmi fl-Artikolu 10, għall-għanijiet tal-impjegar tal-persunal xjentifiku tal-Aġenzija.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandhu jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu lill-Bord ta’ Mmaniġġjar.
Artikolu 10
1. Il-Bord ta’ Mmaniġġjar u d-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu megħjuna minn kumitat xjentifiku li għandu jagħti opinjoni meta dan hu previst f’dan ir-Regolament u dwar kull materja xjentifika li jkollha x’taqsam mal-attività tal-Aġenzija li l-Bord ta’ Mmaniġġjarjew id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitolbu.
L-opinjonijiet tal-kumitat xjentifiku għandhom jiġu ppubblikati.
2. Il-kumitat xjentifiku għandu jkun magħmul minn membri kwalifikati b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent, maħtura mill-Bord ta’ Mmaniġġjar għal perijodu ta’ erba’ snin li jiġġeded darba, billi jitqiesu, inter alia, l-oqsma xjentifiċi meħtieġa biex ikunu rappreżentati fil-kumitat sabiex jassistu lill-Aġenzija fl-oqsma tal-attività tagħha. Għandu jiffunzjona kif stabbilit bir-regoli tal-proċedura skont id-dispożizzjoni fl-Artikolu 8(2).
Artikolu 11
1. Għandhom jiġu mħejjija estimi dwar id-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għal kull sena finanzjarja, li għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jiġu inklużi fil-baġit tal-Aġenzija.
2. Id-dħul u l-infieq murija fil-baġit għandhom ikunu f’bilanċ.
3. Id-dħul tal-Aġenzija għandu, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, jkun magħmul minn sussidju mill-Komunità mdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u mill-pagamenti għas-servizzi mwettqa.
4. L-infiq tal-Aġenzija għandu jinkludi, inter alia, ir-rimunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali, l-ispejjeż tat-tħaddim u l-ispiża marbuta ma’ kuntratti konklużi ma’ istituzzjonijiet jew korpi li jifformaw parti min-Netwerk u ma’ partijiet terzi.
Artikolu 12
1. Kull sena l-Bord ta’ Mmaniġġjar, fuq il-bażi ta’ abbozz imfassal mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jippreżenta rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara. Dan ir-rendikont dwar l-estimi finanzjarji, li għandu jinkludi abbozz tal-pjan tal-istabbiliment, għandu jintbagħat mill-Bord ta’ Mmaniġġjar lill-Kummissjoni l-iktar tard sal-31 ta’ Marzu.
2. Ir-rendikont dwar l-estimi għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa’ l quddiem imsemmija bħala l-awtorità baġitarja) flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Fuq il-bażi tar-rendikont dwar l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej l-estimi li jidhrilha meħtieġa għall-pjan tal-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jiġi impost fuq il-baġit ġenerali, li l-Kummissjoni għandha tippreżenta quddiem l-awtorità baġitarja skont l-Artikolu 272 tat-Trattat.
4. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprijazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija.
L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan tal-istabbiliment għall-Aġenzija.
5. Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord ta’ Mmaniġġjar. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Meta xieraq, għandu jiġi aġġustat kif jixraq.
6. Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu, malajr kemm jista’ jkun, jinnotifika lill-awtorità baġitarja dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kull proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit, b’mod partikolari kull proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà bħalma huma l-kiri jew ix-xiri tal-bini. Għandu jgħarraf b’dan lill-Kummissjoni.
Meta fergħa tal-awtorità baġitarja tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Ta’ Mmaniġġjar fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.
Artikolu 13
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.
2. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6).
3. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja għas-sena finanzjarja għandhom ukoll jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
4. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija fuq ir-responsabbiltà tiegħu nnifsu u jissottomettihom lill-Bord Ta’ Mmaniġġjar għal opinjoni.
5. Il-Bord Ta’ Mmaniġġjar għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.
6. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju ta’ wara kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Ta’ Mmaniġġjar.
7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha l-iktar tard sat-30 ta’ Settembru. Għandhu jibgħat it-tweġiba tiegħu lill-Bord ta’ Mmaniġġjar ukoll.
9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja fil-kwisjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
10. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill huwa u jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, għandu, qabel it-30 ta’ April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
Artikolu 14
Ir-regoli finanzjarji li japplikaw għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord Ta’ Mmaniġġjarwara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Dawn għandhom ikunu konformi mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7) għajr jekk in-non konformità tkun meħtieġa speċifikament għall-ħidma tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem.
Artikolu 15
1. L-Aġenzija għandha tfittex b’mod attiv il-kooperazzjoni ta’ korpi u programmi oħra tal-Komunità, u l-aktar taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) u l-programmi tar-riċerka u tal-iżvilupp ambjentali tal-Komunità. B’mod partikolari:
(a) |
kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandha tinkludi l-ħidmiet stabbiliti fl-Anness I taħt A, |
(b) |
il-kordinament ma’ Eurostat u l-programm statistiku tal-Komunitajiet Ewropej għandhom isegwu l-linji ta’ gwida stabbiliti fl-Anness I taħt B. |
2. L-Aġenzija għandha tikkopera wkoll b’mod attiv ma’ korpi oħra bħalma huma l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija kif ukoll il-Ġnus Magħquda u l-aġenziji speċjalizzati tagħhom, b’mod partikolari il-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda, l-Organizzazzjoni Metereoloġika Dinjija u l-Awtorità Internazzjonali tal-Enerġija Atomika.
3. L-Aġenzija tista’ tikkoopera fl-oqsma ta’ interess komuni ma’ dawk l-istituzzjonijiet f’pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità li jistgħu jipprovdu dejta, informazzjoni u esperjenza, metodoloġiji ta’ ġbir ta’ dejta, analiżi u studju li jkunu ta’ interess reċiproku u li huma meħtieġa għat-twettiq b’suċċess tax-xogħol tal-Aġenzija.
4. Il-kooperazjoni msemmija f’paragrafi 1, 2 u 3 għandhom iqisu b’mod partikolari l-ħtieġa li tkun evitata xi duplikazzjoni tal-isforzi.
Artikolu 16
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.
Artikolu 17
Il-persunal tal-Aġenzija għandu jkun suġġett għar-Regolamenti u għar-Regoli applikabbli għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.
L-Aġenzija għandha teżerċita f’dak li għandu x’jaqsam mal-persunal tagħha, il-poteri mogħtija mill-Awtorità ta’ Ħatra.
Il-Bord ta’ Mmaniġġjar għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli implimentattivi xierqa.
Artikolu 18
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandhha tiġi rregolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti verdett bis-saħħa ta’ klawsola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.
2. Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, bi qbil mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal xi danni mwettqa mill-Aġenzija jew mill-impjegati tagħha fit-twettieq tal-ħidmiet tagħhom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni bħal dawn.
3. Ir-responsabilità personali tal-impjegati lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.
Artikolu 19
L-Aġenzija hija miftuħa għal pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità iżda li jikkondividu l-impenn tal-Komunità u tal-Istati Membri għall-għanijiet tal-Aġenzija taħt ftehimiet konklużi bejniethom u l-Komunità skont il-proċedura fl-Artikolu 300 tat-Trattat.
Artikolu 20
Ir-Regolament (KEE) Nru 1210/90, kif emendat bir-Regolamenti elenkati fl-Anness II, hu mħassar.
Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 21
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ April 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
P. NEČAS
(1) ĠU C 162, 25.6.2008, p. 86.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2009.
(3) ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1.
(4) Ara l-Anness II.
(5) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
ANNESS I
A. |
Koperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka
|
B. |
Koperazzjoni mal-Eurostat
|
(1) Koperazzjoni f’dawn l-oqsma għandha tqis ukoll ix-xogħol imwettaq mill-Istitut ta’ Materjali ta’ Referenza u Kejl.
ANNESS II
Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu
(li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 20)
Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 |
|
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 933/1999 |
|
Regolament (KE) Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
ANNESS III
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Regolament (KEE) Nru 1210/90 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(2), kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 1(2), kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 1(2), l-ewwel inċiż |
Artikolu 1(2)(a) |
Artikolu 1(2), it-tieni inċiż |
Artikolu 1(2)(b) |
Artikolu 2, kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 2, kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 2, punt (i) |
Artikolu 2, punt (a) |
Artikolu 2, punt (ii), l-ewwel inċiż |
Artikolu 2, punt (b) |
Artikolu 2, punt (ii), it-tieni inċiż |
Artikolu 2, punt (c) |
Artikolu 2, punt (ii), it-tielet inċiż |
Artikolu 2, punt (d) |
Artikolu 2, punt (iii) |
Artikolu 2, punt (e) |
Artikolu 2, punt (iv) |
Artikolu 2, punt (f) |
Artikolu 2, punt (v) |
Artikolu 2, punt (g) |
Artikolu 2, punt (vi) |
Artikolu 2, punt (h) |
Artikolu 2, punt (vii) |
Artikolu 2, punt (i) |
Artikolu 2, punt (viii) |
Artikolu 2, punt (j) |
Artikolu 2, punt (ix) |
Artikolu 2, punt (k) |
Artikolu 2, punt (x) |
Artikolu 2, punt (l) |
Artikolu 2, punt (xi) |
Artikolu 2, punt (m) |
Artikolu 2, punt (xii) |
Artikolu 2, punt (n) |
Artikolu 2, punt (xiii) |
Artikolu 2, punt (o) |
Artikolu 3(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 3(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 3(1), punt (i) |
Artikolu 3(1), punt (a) |
Artikolu 3(1), punt (ii) |
Artikolu 3(1), punt (b) |
Artikolu 3(1), punt (iii) |
Artikolu 3(1), punt (c) |
Artikolu 3(1), kliem tal-aħħar |
Artikolu 3(1), kliem tal-aħħar |
Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, kliem tal-bidu |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, kliem tal-bidu |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (a) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (b) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (c) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, ir-raba’ inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (d) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, il-ħames inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (e) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, is-sitt inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (f) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, is-seba’ inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (g) |
Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, it-tmien inċiż |
Artikolu 3(2) it-tieni subparagrafu, punt (h) |
Artikolu 3(2), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 3(2), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 3(2), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 3(2), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 4(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 4(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 4(1), l-ewwel inċiż |
Artikolu 4(1), punt (a) |
Artikolu 4(1), it-tieni inċiż |
Artikolu 4(1), punt (b) |
Artikolu 4(1), it-tielet inċiż |
Artikolu 4(1), punt (c) |
Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, minn “Sabiex” sa “netwerks” |
— |
Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, minn “B’mod speċjali” sa “tagħhom” |
Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu kliem tal-aħħar |
Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 4(2), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4(4), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu |
Artikolu 4(5), l-ewwel subparagrafu |
— |
Artikolu 4(5), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 4(6) u (7) |
Artikolu 4(6) u (7) |
Artikolu 5 |
Artikolu 5, l-ewwel u t-tieni subparagrafu |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 6(2) |
— |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 6(2) |
Artikoli 7 u 8 |
Artikoli 7 u 8 |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza |
Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu, kliem tal-bidu |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu, punt (a) |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu punt (b) |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu punt (c) |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, ir-raba’ inċiż |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu punt (d) |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, il-ħames inċiż |
Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu, punt (e) |
Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 9(1), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
Artikolu 12 |
Artikolu 12 |
Artikolu 13 |
Artikolu 13 |
Artikolu 14 |
Artikolu 14 |
Artikolu 15(1), kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 15(1), kliem ta’ introduzzjoni |
Artikolu 15(1), l-ewwel inċiż |
Artikolu 15(1), punt (a) |
Artikolu 15(1), it-tieni inċiż |
Artikolu 15(1), punt (b) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 15(2a) |
Artikolu 15(3) |
Artikolu 15(3) |
Artikolu 15(4) |
Artikolu 16 |
Artikolu 16 |
Artikolu 17 |
Artikolu 17 |
Artikolu 18 |
Artikolu 18 |
Artikolu 19 |
Artikolu 19 |
Artikolu 20 |
— |
— |
Artikolu 20 |
Artikolu 21 |
Artikolu 21 |
Anness |
Anness I |
— |
Anness II |
— |
Anness III |