|
21.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL Nru 319/2009
tas-16 ta’ April 2009
li jiċċara l-ambitu tad-dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 fuq importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazz-jonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri anti-dumping
|
(1) |
Wara l-bidu tal-proċediment anti-dumping f’Ottubru 2004 (2), il-Kummissjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 628/2005 (3) imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja fil-forma ta’ dazju ad valorem. |
|
(2) |
Fl-1 ta’ Lulju 2005, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1010/2005 (4), il-Kummissjoni biddlet il-forma tad-dazji proviżorji għal prezz minimu ta’ importazzjoni (“PMI”). |
|
(3) |
Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 85/2006 (5) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja (l-“investigazzjoni oriġinali” u “Regolament definittiv”) Id-dazju definittiv kien impost f’forma ta’ PMI. |
|
(4) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 685/2008 (6), wara reviżjoni interim limitata fl-ambitu tal-aspetti ta’ dumping bl-għan li jivvaluta l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emendar tal-miżuri eżistenti, il-Kunsill ħassar il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament definittiv. |
2. Bidu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni
|
(5) |
Inbdiet reviżjoni interim parzjali fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess wara li l-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn għamlet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni jekk ix-xewk tad-dahar tas-salamun (ix-xewk bil-laħam miegħu) meta ffriżat (“xewka tad-dahar tas-salamun”) jaqax taħt waħda mill-kodiċi Taric imsemmijin fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv. L-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv jimponi miżuri f’livelli differenti skont il-preżentazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Waħda minn dawn il-preżentazzjonijiet hija “Ieħor (inkluż dak imnaddaf minn ġewwa, bir-ras maqtugħa), frisk, imkessaħ jew iffriżat”. |
|
(6) |
Għalhekk, kien ikkunsidrat xieraq li jiġi eżaminat jekk ix-xewk tad-dahar ffriżat tas-salamun jaqax fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, u b’mod partikolari fi ħdan il-preżentazzjoni “Ieħor (inkluż dak imnaddaf minn ġewwa, bir-ras maqtugħa), frisk, imkessaħ jew iffriżat”, bil-konklużjoni dwarha possibbilment b’effett retroattiv sa mid-data tal-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping rilevanti. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, ħabbret permezz ta’ avviż (“l-avviż ta’ inizjazzjoni”) ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7) il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għas-salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tal-ambitu tal-prodott. |
B. L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI
|
(8) |
Il-Kummissjoni informat uffiċjalment bil-bidu tal-investigazzjoni lill-awtoritajiet tan-Norveġja, l-assoċjazzjoni ta’ produtturi Norveġiżi, l-importaturi magħrufa fil-Komunità, utenti magħrufa fil-Komunità, l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-Komunità u produtturi oħra magħrufa fil-Komunità. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ tnedija. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet li taf li huma konċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li mmanifestaw ruħhom fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-ambitu tar-reviżjoni parzjali, ma ġie stabbilit l-ebda perjodu ta’ investigazzjoni għall-iskop ta’ din ir-reviżjoni parzjali. It-tagħrif li wasal fir-risposti tal-kwestjonarji kopra l-perjodu mill-2005 sal-2007 (il-perjodu meqjus). Għall-perjodu meqjus, ġie mitlub tagħrif dwar xiri tal-volumi, volumi tal-bejgħ u valur. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati ntalbu jikkummentaw dwar xi differenzi jew similaritajiet li hemm bejn ix-xewk tad-dahar tas-salamun u s-salamun tat-trobbija fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u/jew karatteristiċi bijoloġiċi, l-użu finali, l-interkambjabbiltà u l-kompetizzjoni ma’ xulxin. |
|
(11) |
Żewġ importaturi fil-Komunità u l-assoċjazzjoni tal-produtturi Norveġiżi kkooperaw fl-investigazzjoni preżenti, u ssottomettew l-informazzjoni bażika mitluba. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat kull informazzjoni meqjusa neċessarja għall-għan tal-kjarifika tal-ambitu tal-miżuri anti-dumping eżistenti u wettqet investigazzjonijiet fil-bini tal-importaturi li ġejjin:
Saret żjara wkoll lill-proċessur tax-xewk tad-dahar tas-salamun li ġej:
|
|
(12) |
Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet preżenti. Skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ingħataw perjodu li matulu jistgħu jressqu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tal-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn dan kien f’loku, il-konklużjonjiet ġew modifikati kif meħtieġ. |
C. PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(13) |
Il-prodott eżaminat hu l-istess bħal dak tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri salamun tat-trobbija (aktar milli dak li jgħix fl-ambjent naturali), kemm bix-xewk jew mingħajru, frisk, imkessaħ jew iffriżat li joriġina fin-Norveġja (il-prodott ikkonċernat). Id-definizzjoni tinkludi prodotti oħra ta’ ħut tat-trobbija bħat-trota (salamun) kbira, il-bijomassa (salamun ħaj) kif ukoll is-salamun li jgħix fi stat naturali u tipi oħra pproċessati bħas-salamun affumikat. |
|
(14) |
Il-prodott attwalment hu kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM ex 0302 12 00 , ex 0303 11 00 , ex 0303 19 00 , ex 0303 22 00 , ex 0304 19 13 u ex 0304 29 13 li jikkorrispondu mal-preżentazzjonijiet differenti tal-prodott (ħut frisk jew imkessaħ, fletti friski jew imkessħa, ħut iffriżat u fletti ffriżati). |
D. RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
1. Metodoloġija
|
(15) |
Sabiex jiġi evalwat jekk ix-xewk tad-dahar tas-salamun għandux jaqa’ fl-ambitu tal-prodott tal-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv, ġie eżaminat jekk ix-xewk tad-dahar tas-salamun u salamun tat-trobbija jaqsmux l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u/jew bijoloġiċi u jekk għandhomx l-istess użu finali. F’dan ir-rigward, l-interkambjabbiltà u l-kompetizzjoni bejn ix-xewk tad-dahar tas-salamun u salamun tat-trobbija ieħor fil-Komunità ġew evalwati wkoll. |
2. Karatteristiċi fiżiċi bażiċi
|
(16) |
Ix-xewka tad-dahar tas-salamun, li normalment tiżen madwar 10 % ta’ ħuta sħiħa, hija prodott sekondarju li jirriżulta mill-proċess tal-iffilettjar tas-salamun. Wara l-operazzjonijiet tat-tindif minn ġewwa u l-qtugħ tar-ras, il-fletti huma miksuba mit-tqattigħ tas-salamun fi tliet biċċiet separati: żewġ fletti u x-xewka tad-dahar li magħha jkun hemm imwaħħal xi ftit tal-laħam. Livell ogħla ta’ qtugħ jista’ jinkiseb bit-twettiq ta’ ħidma oħra bħat-tneħħija tax-xewk ta’ wara, ix-xewka tal-għonq, ix-xewka “pin”, il-“belly flaps” u l-ġilda. |
|
(17) |
L-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv jirriferi għal diversi tipi ta’ preżentazzjoni ta’ salamun tat-trobbija, inklużi ħut sħiħ, ħut sħiħ imnaddaf bir-ras u fletti f’preżentazzjonijiet differenti (piż, bil-ġilda jew mingħajrha). |
|
(18) |
M’hemm l-ebda dubju li x-xewk tad-dahar tas-salamun ma jaqax fit-tipi ta’ preżentazzjoni li jirriferu għall-ħut sħiħ, imnaddaf bir-ras, imnaddaf bir-ras maqtugħa, jew xi wieħed mit-tipi ta’ preżentazzjoni li jirriferu għal fletti elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv. Tabilħaqq, safejn dawn it-tipi ta’ preżentazzjoni huma kkonċernati, ix-xewk tad-dahar tas-salamun huwa distint b’mod ċar u b’mod faċli minħabba li għandu, kif spjegat hawn taħt, karatteristiċi fiżiċi ċari differenti. |
|
(19) |
Id-domanda tqum jekk ix-xewk tad-dahar tas-salamun jaqax fil-kategorija “Oħrajn” fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv, li tinkludi salamun imnaddaf bir-ras maqtugħa (frisk, imkessaħ jew iffriżat) iżda mhux esklussivament riservata għal dan it-tip ta’ preżentazzjoni. |
|
(20) |
F’dan il-rigward, kien ikkunsidrat li r-Regolament iddistingwa biss bejn żewġ tipi ta’ prodotti; jiġifieri salamun iffillettjat jew mhux iffillettjat, u li tal-aħħar tirriferi għas-salamun sħiħ. Dan jirriżulta mill-investigazzjoni oriġinali fejn l-informazzjoni miġbura kienet tikkonċerna biss il-ħut sħiħ u l-fletti, iżda mhux partijiet oħra tal-ħut. Konsegwentement, il-P.M.I. applikabbli ġew ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni biss. Għalhekk, jidher li għalkemm ix-xewk tad-dahar tas-salamun ma kienx espliċitament eskluż, l-investigazzjoni f’dak iż-żmien ma kellhiex fil-mira tagħha x-xewk tad-dahar. |
|
(21) |
Kif imsemmi fuq, xi ftit laħam ikun għadu mwaħħal max-xewka tad-dahar u parti minn dan il-laħam huwa wkoll destinat għall-konsum uman. Madankollu, ix-xewk tad-dahar, kif issuġġerit mill-isem, huwa prinċipalment ikkaratterizzat mill-għadam waqt li s-salamun tat-trobbija, sew jekk iffillettjat kif ukoll jekk mhux, huwa kkaratterizzat prinċipalment mill-laħam Tabilħaqq, ix-xewka tad-dahar tas-salamun tirrappreżenta madwar l-10 % tal-piż sħiħ tas- salamun, u l-laħam fuq ix-xewka tad-dahar jirrappreżenta bejn il-25 % u l-40 % tal-piż tax-xewka tad-dahar. B’hekk il-laħam imwaħħal max-xewka tad-dahar jirrappreżenta biss it-2,5 % sal-4 % tal-piż sħiħ tal-ħuta filwaqt li laħam tas-salamun tal-ħuta kollha igħodd għal aktar minn 65 % tal-piż sħiħ tal-ħuta. |
|
(22) |
Għalhekk, ġie konkluż li x-xewk tad-dahar tas-salamun u salamun tat-trobbija kif definit mir-Regolament definittiv ma jaqsmux l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi. |
3. L-użu finali bażiku u l-interkambjabbiltà
|
(23) |
L-investigazzjoni wriet ukoll li s-salamun tat-trobbija kif definit fir-Regolament definittiv għandu diversi użi ta’ kwalità għolja. Tabilħaqq dan il-prodott jitqiegħed fis-suq fi preżentazzjoni imnaddfa bir-ras/bir-ras maqtugħa, bħala flett, stejk jew ikun iffillettjat qabel ma jkun affumikat jew immarinat. Prodotti bħal dawn huma normalment mibjugħa fis-supermarkits jew ipproċessati iktar u offruti fir-restoranti jew ħwienet speċjalizzati. Minħabba l-livell tal-prezz, huma jiġu mxandra bħala prodotti ta’ kwalità għolja u jistgħu jitqiesu bħala prodotti ta’ lussu sekondarju. |
|
(24) |
Ħafna drabi x-xewk tad-dahar tas-salamun hu meqjus bħala skart u mneħħi matul il-proċess tal-iffillettjar. Meta x-xewk tad-dahar tas-salamun ma jiġix mormi fil-post fejn isir l-iffillettjar, fil-parti l-kbira tiegħu jiġi mibjugħ bħala prodott ta’ kwalità baxxa u użat prinċipalment fl-għalf tal-annimali kif ukoll bħala ingredjenti fis-sopop, “patties” tal-ħamburger u “pâtés”. F’ċerti każi limitati biss ix-xewk tad-dahar tas-salamun jiġi wkoll affumikat u mibjugħ bħala tali (jiġifieri mingħajr it-tneħħija tal-laħam minn qabel) għall-konsum uman. Madankollu il-laħam affumikat fuq ix-xewka tad-dahar ikun aktar limitat fil-piż. |
|
(25) |
L-informazzjoni miġbura turi li x-xewk tad-dahar tas-salamun jiġi mogħti l-prezz fuq livell ħafna aktar baxx minn salamun tat-trobbija. Filwaqt li s-salamun tat-trobbija qatt ma kien importat b’inqas minn 2,88 Eur/kg matul il-perjodu ta’ Jannar 2006 sa Lulju 2008, ix-xewk tad-dahar tas-salamun kien importat f’medja ta’ 0,50 EUR/kg fl-istess perjodu. Għandu jiġi osservat ukoll li waqt li l-prezz tas-salamun tat-trobbija varja b’mod sinifikanti fil-perjodu msemmi hawn fuq, l-evoluzzjoni tal-prezz għax-xewk tad-dahar tas-salamun kienet waħda fissa. |
|
(26) |
Minħabba dan, ġie konkluż li ż-żewġ prodotti m’għandhomx l-istess użu finali bażiku u huma mmirati lejn swieq differenti. Filwaqt li s-salamun tat-trobbija huwa prodott ta’ kwalità għolja, ix-xewk tad-dahar tas-salamun huwa prodott derivat mis-salamun iddestinat għal suq ta’ kwalità baxxa u użat prinċipalment bħala ingredjent fl-għalf tal-annimali jew fl-industrija tal-ipproċessar tal-ikel. |
|
(27) |
Minn dan kollu jirriżulta li s-salamun tat-trobbija u x-xewk tad-dahar tas-salamun m’għandhomx l-istess użu finali bażiku u m’humiex interkambjabbli. |
E. KONKLUŻJONIJIET DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT
|
(28) |
Il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq juru li x-xewk tad-dahar tas-salamun u s-salamun tat-trobbija kif definiti fir-Regolament definittiv ma jaqsmux l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u m’għandhomx l-istess użu finali bażiku. Dawn m’humiex interkambjabbli u ma jikkompetux kontra xulxin fis-suq Komunitarju. Abbażi ta’ dan, huwa konkluż li x-xewk tad-dahar tas-salamun u s-salamun tat-trobbija kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv huma żewġ prodotti differenti. Peress li x-xewk tad-dahar tas-salamun ma jaqax fl-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali d-dazju anti-dumping ma kellux jiġi applikat għall-importazzjonijiet tax-xewk tad-dahar tas-salamun. |
|
(29) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ambitu tal-miżuri eżistenti għandu jiġi ċċarat permezz ta’ emenda lir-Regolament definittiv. |
F. APPLIKAZZJONI RETROATTIVA
|
(30) |
Billi din l-investigazzjoni tar-reviżjoni hija limitata għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott, u billi x-xewk tad-dahar tas-salamun ma kienx kopert mill-investigazzjoni oriġinali u mill-miżura anti-dumping konsegwenti, huwa meqjus xieraq li l-konklużjonijiet jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament definittiv, inkluż kull importazzjoni suġġetta għal dazji proviżorji. |
|
(31) |
Konsegwentement, id-dazji proviżorji miġbura definittivament u d-dazji anti-dumping definittivi imħallsa skont ir-Regolament (KE) Nru 85/2006 fuq importazzjonijiet ta’ xewk tad-dahar tas-salamun fil-Komunità għandhom jiġu rimborsati jew remissi. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skont il-leġiżlazzjoni doganali nazzjonali applikabbli, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 huwa b’dan sostitwit b’li ġej:
“1. dan huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija (li mhux selvaġġ), disponibbli jew le bħala flett, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 0302 12 00 , ex 0303 11 00 , ex 0303 19 00 , ex 0303 22 00 , ex 0304 10 13 u ex 0304 20 13 (minn hawn ’il quddiem salamun tat-trobbija) li joriġina min-Norveġja. Ix-xewk tad-dahar tas-salamun, kompost minn xewka tad-dahar parzjalment mgħottija bil-laħam, peress li hu prodott sekondarju tal-industrija tas-sajd li jista’ jittiekel, u li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 0302 12 00 , ex 0303 11 00 , ex 0303 19 00 , ex 0303 22 00 , m’għandux ikun kopert mid-dazju anti-dumping definittiv bil-kundizzjoni li l-laħam mehmuż max-xewka tad-dahar jirrappreżenta mhux aktar minn 40 % tal-piż tax-xewka tad-dahar tas-salamun.”
Artikolu 2
Għal oġġetti mhux koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 kif emendat minn dan ir-Regolament, id-dazji anti-dumping definittivi imħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji anti-dumping proviżorji miġbura b’mod definittiv skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.
Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. F’każijiet debitament ġustifikati, il-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (8) għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ sentejn.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika retroattivament mill-21 ta’ Jannar 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 16 ta’ April 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
K. SCHWARZENBERG
(2) ĠU C 261, 23.10.2004, p. 8.
(3) ĠU L 104, 23.4.2005, p. 5.
(6) ĠU L 192, 19.7.2008, p. 5.