|
17.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 98/26 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 314/2009
tas-16 ta’ April 2009
li jadotta miżura ta’ appoġġ temporanja u eċċezzjonali għas-suq tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga fil-forma ta’ skema ta’ rimi f’parti mir-Renju Unit
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Wara s-sejbiet reċenti ta’ livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs) li nstabu fil-laħam tal-majjal li ġej mill-Irlanda, is-sitwazzjoni tas-suq tal-laħam tal-majjal fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ fuq kienet partikolarment kritika. L-awtoritajiet kompetenti ħadu diversi miżuri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni. |
|
(2) |
L-għalf kontaminat kien ikkonsenjat fl-irziezet tal-majjali u tal-baqar fl-Irlanda. L-għalf kontaminat jikkostitwixxi porzjon kbir ħafna tad-dieta tal-majjali u jirriżulta f’livelli elevati ta’ diossini fil-laħam mill-majjali mill-irziezet affettwati. Minħabba d-diffikultajiet biex il-laħam tal-majjal fl-irziezet jiġi ttraċċat lura u minħabba l-livelli elevati ta’ diossini li nstabu fil-laħam tal-majjal affettwat, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li bħala miżura ta’ prekawzjoni jiġbru lura l-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-majjal kollha mis-suq. |
|
(3) |
Minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u d-diffikultajiet prattiċi li qed jesperjenza s-suq tal-majjal fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1278/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jadotta miżuri għall-appoġġ ta’ emerġenza għas-suq tal-majjal fil-forma ta’ għajnuna għall-ħżin privat fl-Irlanda (2) u r-Regolament (KE) Nru 1329/2008 tat-22 ta’ Diċembru 2008 li jadotta miżuri għall-appoġġ ta’ emerġenza għas-suq tal-majjal fil-forma ta’ għajnuna għall-ħżin privat f’parti mir-Renju Unit (3). |
|
(4) |
Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Diċembur 2008 stieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa bdiewa u biċċeriji fl-Irlanda permezz ta’ miżuri kofinanzjati biex jitneħħew il-bhejjem u l-prodotti rilevanti mis-suq. |
|
(5) |
F’dan il-kuntest, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 94/2009 tat-30 ta’ Jannar 2009 li jadotta miżuri ta’ appoġġ temporanji u eċċezzjonali għas-suq tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga fil-forma ta’ skema ta’ rimi fl-Irlanda (4) jipprovdi skema ta’ rimi ta’ ċerti majjali u baqar li jkunu ġejjin minn irziezet li jkunu użaw għalf kontaminat kif ukoll għal prodotti tal-laħam tal-majjal li huma bblukkati fi, jew taħt ir-responsabbiltà ta’ biċċeriji fl-Irlanda. |
|
(6) |
Barra dan, fit-23 ta’ Diċembru 2008 l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni kontra skema ta’ għajnuna mill-Istat dwar miżuri eċċezzjonali marbuta ma’ prodotti tal-laħam li joriġina mill-bhejjem minn ħnieżer wara kontaminazzjoni bid-diossina fl-Irlanda (5) (minn hawn ‘il quddiem “skema ta’ għajnuna mill-Istat N 643/2008”) Dik l-iskema tipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, kumpens għal-laħam tal-majjal li jkun ġie rkuprat minn Stati Membri oħra. |
|
(7) |
Parti konsiderevoli tal-majjali li jinqatlu ġewwa l-Irlanda ta’ Fuq joriġinaw mill-Irlanda. F’dan ir-rigward, il-kontaminazzjoni tal-għalf fl-Irlanda bla dubju għandha wkoll riperkussjonijiet għas-suq tal-laħam tal-majjal fl-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, il-laħam tal-majjal li jkun ġej minn majjali maqtula fl-Irlanda huwa eliġibbli għall-kumpens taħt l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat Nru 643/2008, u b’hekk jiġi eskluż mill-kumpens taħt dik l-iskema kwalunkwe laħam li jkun ġej minn majjali maqtula fl-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(8) |
Is-settur taċ-ċanga fl-Irlanda ta’ Fuq kien affettwat ukoll mill-kontaminazzjoni tal-għalf fl-Irlanda. Partikolarment, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, huwa stabbilit li xi rziezet tal-baqar fl-Irlanda ta’ Fuq irċevew konsenji ta’ għalf kontaminat. B’riżultat ta’ dan, ċerti baqar qed jinżammu magħluqa fl-irziezet fl-Irlanda ta’ Fuq fejn eżami ta’ kampjuni minn baqar oħrajn irriżultaw pożittivi għal livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs); Barra minn hekk, ċertu kwantità ta’ ċanga li tkun ġejja mill-bhejjem maqtula fl-Irlanda ta’ Fuq mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2008 u li hi maħżuna fir-Renju Unit, oriġinat minn merħliet fejn eżami ta’ kampjuni minn baqar oħra f’dawn il-merħliet irriżultaw pożittivi għal livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs). |
|
(9) |
Fil-livell ta’ rziezet fl-Irlanda ta’ Fuq, l-għalf kontaminat u l-applikazzjoni ta’ kontrolli li jipprojbixxu li l-baqar konċernati jidħlu fil-katina tal-ikel biex jitnaqqsu r-riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, ħolqu sitwazzjoni fejn l-attivitajiet tan-negozju tagħhom qegħdin f’riskju serju. Barra minn hekk, il-problemi marbuta mal-benesseri tal-bhejjem jippersistu peress li l-baqar konċernati tqalu eċċessivament. Barra minn hekk, ċertu bdiewa konċernati qed ikollhom diffikultajiet finanzjarji konsiderevoli biex iżommu l-kreditu tagħhom għall-għalf. |
|
(10) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit, għalhekk talbu lill-Kummissjoni tipprovdi aktar miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-suq tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga fl-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(11) |
It-Taqsima I tal-Kapitolu II tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tipprovdi għal miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ. B’mod partikolari, l-Artikolu 44 tiegħu jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ appoġġ speċjali għas-suq fil-każ ta’ mard tal-bhejjem u l-Artikolu 45 jipprovdi li, fir-rigward tas-setturi tal-laħam u l-bajd tat-tjur, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq sabiex jittieħed kont ta’ disturbi serji fis-suq attribwiti direttament għal telf ta’ fiduċja tal-konsumatur minħabba riskji għas-saħħa pubblika, jew għas-saħħa tal-bhejjem. Biex jissolvew il-problemi prattiċi li ġejjin mis-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga fl-Irlanda ta’ Fuq, huwa xieraq li tittieħed miżura temporanja u eċċezzjonali ta’ appoġġ għal dak is-suq, simili għal dawk stipulati fit-Taqsima I tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u simili għal dawk adottati għall-Irlanda skont ir-Regolament (KE) Nru 94/2009. |
|
(12) |
Dik il-miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għandha tkun fil-forma ta’ skema ta’ rimi ta’ ċerti baqar li qed jinżammu magħluqa fl-irziezet fl-Irlanda ta’ Fuq fejn eżami ta’ kampjuni minn baqar oħrajn irriżultaw pożittivi għal livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs). Barra minn hekk, huwa xieraq ukoll li tiġi pprovduta skema ta’ rimi ta’ prodotti taċ-ċanga u tal-laħam tal-majjal li huma miżmuma fi, jew taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll ta’ biċċeriji fir-Renju Unit, u li dwarhom hemm l-inċertezza jekk dawn il-prodotti ġewx minn baqar jew majjali li ġew minn irziezet li użaw għalf kontaminat. |
|
(13) |
Dik il-miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għandha għalhekk tindirizza r-riskji dejjem akbar għas-saħħa u l-benesseri tal-bhejjem, u fl-istess ħin telimina l-possibbiltà li prodotti minn bhejjem li jista’ jkollhom livelli elevati ta’ kontaminazzjoni jidħlu fil-katina tal-ikel jew tal-għalf. Barra minn hekk, dik il-miżura għandha tevita li s-suq taċ-ċanga u l-laħam tal-majjal fl-Irlanda ta’ Fuq ikun fi żvantaġġ kompetittiv distint meta mqabbel ma’ dak fl-Irlanda, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-iskema ta’ rimi taħt ir-Regolament (KE) Nru 94/2009 u dawk taħt l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat N 643/2008. |
|
(14) |
Il-miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għandha tkun iffinanzjata parzjalment mill-Komunità. Il-kontribut Komunitarju għall-kumpens għandu jiġi espress bħal ammonti medji massimi għal kull bhima jew għal kull tunnellata ta’ ċanga jew laħam tal-majjal, għal kwantità limitata ta’ prodotti konċernati, waqt li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jintalbu jiddeterminaw il-prezz ta’ kumpens u għalhekk l-ammont tal-finanzjament parzjali abbażi tal-valur tal-bhejjem u l-prodotti fis-suq ikkumpensati fil-limiti speċifikati. |
|
(15) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-kontrolli u l-miżuri ta’ sorveljanza kollha meħtieġa għall-applikazzjoni xierqa tal-miżura eċċezzjonali pprovduta f’dan ir-Regolament u jinfurmaw lill-Kummissjoni skont dan. |
|
(16) |
Billi għal raġunijiet ta’ benesseri tal-bhejjem, saħħa pubblika u provvista tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jibdew ir-rimi tal-bhejjem kif ukoll tal-prodotti konċernati mill-14 ta’ Frar 2009, id-data tar-rikjesta mir-Renju Unit, hemm il-ħtieġa tal-provvediment li dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data. |
|
(17) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
1. Miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għal parti mis-suq tar-Renju Unit qiegħda hawnhekk tiġi introdotta fil-forma ta’ skema ta’ rimi għal:
|
(a) |
baqar li ilhom fl-irziezet mis-6 ta’ Diċembru 2008 fi rziezet fl-Irlanda ta’ Fuq fejn kampjuni minn baqar oħrajn urew riżultati pożittivi ta’ livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs); |
|
(b) |
ċanga friska, imkessħa jew iffriżata li tkun ġejja mill-bhejjem maqtula fl-Irlanda ta’ Fuq mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2008 u li hi maħżuna fl-Irlanda ta’ Fuq u ġejja minn merħliet fejn kampjuni minn baqar oħra f’dawn il-merħliet irriżultaw pożittivi għal livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs). |
|
(c) |
laħam tal-majjal frisk, imkessaħ jew iffriżat li ġej minn bhejjem li oriġinaw mill-Irlanda u li nqatlu fl-Irlanda ta’ Fuq mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2008. Il-laħam tal-majjal huwa maħżun fir-Renju Unit:
|
Artikolu 2
Rimi ta’ bhejjem u laħam
1. L-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit huma awtorizzati biex jikkumpensaw għar-rimi tal-bhejjem u l-laħam imsemmi fl-Artikolu 1, bil-għan li jinqatlu u jinqerdu għal kollox dawn il-bhejjem u l-prodotti sekondarji rilevanti tagħhom u li l-laħam jinqered f’konformità mal-leġiżlazzjoni veterinarja rilevanti.
Il-qerda tal-bhejjem ħajjin għandha ssir billi jinġarru lejn biċċerija, u wara li jingħaddu u jintiżnu, il-karkassi kollha jiġu ttrasportati lejn impjant ta’ trattament, fejn jiġu ttrattati l-materjali kollha.
Meta l-bhejjem ma jistgħux jiġu ttrasportati lejn biċċerija, jistgħu jinqatlu fir-razzett.
Il-qerda tal-laħam issir wara l-użin u t-trasport lejn impjant ta’ trattament, fejn jiġu ttrattati l-materjali kollha.
Dawn l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu taħt is-sorveljanza permanenti tal-awtoritajiet kompetenti, bl-użu ta’ listi standardizzati ta’ kontroll li jinkorporaw paġni ta’ wżin u għadd.
2. Il-kumpens li se jitħallas mill-awtoritajiet kompetenti għar-rimi tal-bhejjem imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-prodotti msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ dak l-Artikolu ma għandux jaqbeż il-valur tas-suq tal-bhejjem u l-prodotti konċernati fil-mument ta’ qabel id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Irlandiżi li jiġbru lura, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal kollha mis-suq.
Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, il-kumpens imħallas mill-awtoritajiet kompetenti għandu jqis kwalunkwe tip ieħor ta’ kumpens li l-fornituri tal-bhejjem jew biċċeriji jistgħu jkunu intitolati għalih.
3. Il-kumpens għall-prodotti li se jintremew skont dan ir-Regolament għandu jitħallas mill-awtoritajiet kompetenti wara li l-impjant ta’ trattament jirċievi l-prodotti u wara l-kontrolli skont l-Artikolu 4(1)(c). Il-kumpens imħallas skont dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun eliġibbli għal finanzjament parzjali mill-Komunità wara li tkun ġiet stabbilita l-qerda kompluta tal-prodotti konċernati abbażi tal-verifiki dokumentarji u fiżiċi kollha meħtieġa.
Il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (6) għandu japplika mutatis mutandis.
Għandu jkun eliġibbli biss għal finanzjament parzjali mill-Komunità dak l-infiq iddikjarat sa mhux aktar tard minn dak għall-Lulju 2009.
Artikolu 3
Finanzjament
2. Għall kull annimal jew laħam li jinqered kompletament, il-Komunità għandha tipprovdi finanzjament parzjali ekwivalenti għal 50 % tal-infiq imġarrab skont l-Artikolu 2(1). Dan il-finanzjament parzjali għandu jkun ekwivalenti għal mhux aktar minn ammont medju massimu ta’:
|
(a) |
EUR 468,62 għal kull ras għal mhux iktar minn 5 196 baqra; |
|
(b) |
EUR 3 150,00 għal kull tunnellata ċanga għal mhux iktar minn 40 tunnellata ċanga; |
|
(c) |
EUR 1 133,50 għal kull tunnellata ta’ laħam tal-majjal għal mhux iktar minn 1 034 tunnellata ta’ laħam tal-majjal. |
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw l-ammont tal-finanzjament parzjali għall kull annimal u prodott tal-laħam ikkumpensat abbażi tal-valur fis-suq imsemmi fl-Artikolu 2(2) u jirrispetta l-ammonti medji massimi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
5. Ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2009, bit-total tal-infiq kumpensatorju, billi jindika l-għadd u l-kategoriji ta’ baqar kif ukoll il-volum u t-tipi ta’ ċanga jew laħam tal-majjal li ntremew skont dan ir-Regolament.
6. Jekk jiġi stabbilit li l-benefiċjarju tal-ammont imħallas skont l-Artikolu 2(3) jkun irċieva wkoll kumpens taħt polza ta’ assigurazzjoni jew kumpens imħallas minn persuna terza, ir-Renju Unit għandu jirkupra dak l-ammont u jikkredita 50 % tiegħu lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija bħala tnaqqis tal-infiq korrispondenti. Jekk l-ammont imħallas skont l-Artikolu 2(3) kien ogħla mill-kumpens riċevut, ir-Renju Unit għandu jirkupra ammont ugwali għal dak il-kumpens.
Artikolu 4
Kontrolli u komunikazzjoni
3. Ir-Renju Unit għandu jadotta l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżgura l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, partikolarment billi:
|
(a) |
jiżgura li ebda prodott kumpensat skont l-Artikolu 2 ma jidħol fil-katina tal-ikel u l-għalf billi jipprevedi sorveljanza adattata fuq il-post, aġenti ta’ denaturazzjoni kif jixraq u siġilli fuq il-konsenji; |
|
(b) |
iwettaq kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà, mill-anqas darba kull xahar, f’kull impjant ta’ trattament parteċipanti biex jiżgura li l-karkassi, iċ-ċanga u l-laħam tal-majjal kollha ttrasportati mill-bidu tal-iskema jew mill-aħħar tali kontroll ikunu ġew ittrattati; |
|
(c) |
iwettaq kontroll tal-inventarju fuq il-post, rigward ċanga u laħam tal-majjal frisk, imkessaħ jew iffriżat maħżun f’lokalitajiet għajr minn biċċeriji, kif imsemmi fl-Artikolu 1(c)(ii), biex jistabbilixxi l-kwantità ta’ ċanga u ta’ laħam tal-majjal derivat mill-bhejjem maqtula mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2008, biex jiżgura li dik iċ-ċanga u dak il-laħam tal-majjal huma sikuri, jistgħu jiġu identifikati faċilment u jinżammu fiżikament apparti minn ħażniet oħrajn, u li l-operazzjonijiet ta’ tneħħija huma soġġetti għall-kontrolli ta’ identifikazzjoni u wżin meħtieġa; |
|
(d) |
jipprovdi għal kontrolli fuq il-post u rapporti dettaljati dwar dawk il-kontrolli li partikolarment jindikaw:
|
4. Ir-Renju Unit għandu jibgħat lill-Kummissjoni:
|
(a) |
kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, deskrizzjoni tal-arranġamenti implimentati tagħha għall-kontroll u r-rappurtar tal-operazzjonijiet involuti kollha; |
|
(b) |
mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2009 rapport dettaljat dwar il-kontrolli mwettqa skont il-paragrafu 1. |
Artikolu 5
Miżura ta’ intervent
Il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ intervent biex jirregolaw is-swieq agrikoli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (7).
Artikolu 6
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-14 ta’ Frar 2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 16 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 339, 18.12.2008, p. 78.
(3) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 56.
(4) ĠU L 29, 31.1.2009, p. 41.