16.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 97/13 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 310/2009
tal-15 ta’ April 2009
li jiftaħ ix-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2009
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 18(2)(e) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 309/2009 (2) fil-15 ta’ April 2009 għalaq ix-xiri ta’ intervent tat-trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss miftuħ għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awwissu 2009 minħabba li l-offerti laħqu/qabżu l-kwantità ta’ 109 000 tunnellata stipulata fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
(2) |
Għandha tinfetaħ sejħa għall-offerti biex jissokta l-finanzjament tas-suq tat-trab tal-ħalib xkumat. |
(3) |
L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2000 (3) jistipula regoli li għandhom ikunu segwiti meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li x-xiri għandu jsir b'sejħa għall-offerti. |
(4) |
Minħabba s-sitwazzjonji speċjali tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u biex is-sistema tkun iktar effiċjenti, huwa xieraq li, b'deroga, il-frekwenza tas-sejħiet għall-offerti tiżdied għal darbtejn fix-xahar. |
(5) |
Sabiex ix-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura ta' sejħa tal-offerti jkun jista’ jinbeda’ mingħajr dewmien wara l-għeluq tax-xiri ta’ intervent bi prezz fiss, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. |
(6) |
Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ix-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, li jaqbeż il-limitu stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, hija miftuħa sal-31 ta’ Awwissu 2009, skont il-kundizzjonijiet ipprovduti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 214/2001 u f’dan ir-Regolament.
Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 214/2001, l-iskadenza għat-tressiq ta’ offerti b’risposta għall-istediniet individwali għall-offerti hija l-11:00 (ħin ta' Brussell) fl-ewwel u t-tielet Tlieta tax-xahar.
Madankollu, f’Awwissu għandha tkun sal-11.00 (ħin ta’ Brussell) fir-raba’ Tlieta tax-xahar. F’każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, l-iskadenza għandha tkun il-11:00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 15 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Jean-Luc DEMARTY
Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 97, 16.4.2009, p. 12.
(3) ĠU L 37, 7.2.2001, p. 100.