3.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 273/2009

tat-2 ta’ April 2009

li jistabilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006 (2), introduċa obbligu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3), li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ lill-awtoritajiet doganali għall-merkanzija dieħla jew ħierġa mit-territorju doganali Komunitarju, sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju kompjuterizzata fuq il-bażi ta’ tagħrif bħal dan qabel il-merkanzija tkun tiddaħħal jew tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità. B’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1875/2006, dan it-tagħrif għandu jingħata mill-1 ta’ Lulju 2009.

(2)

Minħabba l-kumplessità tal-proċessi biex ikunu introdotti dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ kien hemm dewmien mhux mistenni fil-proċess ta’ implimentazzjoni u għalhekk mhux l-operaturi ekonomiċi kollha se jkunu f’pożizzjoni li jużaw it-teknoloġija tal-informatika u n-netwerks tal-kompjuter għal dawn l-għanijiet qabel l-1 ta’ Lulju 2009. Għalkemm it-tekonoloġija tal-informatika u n-netwerks tal-kompjuter jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali, jirrikjedu wkoll investimenti f’sistemi awtomatiċi għat-trażmissjoni ta’ data li jistgħu jikkaġunaw problemi għall-operaturi ekonomiċi fuq medda qasira ta’ żmien. Għalhekk jixraq li dawn is-sitwazzjonijiet ikunu kkunsidrati billi jkun previst li matul perjodu ta’ tranżizzjoni l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, iżda ma jkunux obbligati, iressqu dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ sabiex ikunu jistgħu jaġġustaw is-sistemi tagħhom skont ir-rekwiżiti legali l-ġodda.

(3)

L-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni għal dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor ta’ ħruġ tiġġustifika li tinżamm, għall-istess perjodu, il-faċilitazzjoni li tista’ tingħata taħt l-Artikolu 285a(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 lill-esportaturi approvati li jibbenifikaw mill-proċedura ta’ żdoganar lokali, sakemm l-uffiċċju tad-dwana ta’ ħruġ jinsab fl-istess Stati Membri fejn jinsab ukoll l-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni u jirċievi d-dettalji meħtieġa għall-ħruġ tal-merkanzija.

(4)

F’każijiet fejn l-operaturi ekonomiċi ma jippreżentawx dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ jew fejn il-proċedura ta’ żdoganar lokali tintuża taħt l-Artikolu 285a(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju għal għanijiet ta’ sikurezza u sigurtà fuq il-bażi tad-data stabbilita għal dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ fl-Anness 30A tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet dogonali għandhom jużaw fl-analiżi tar-riskju tagħhom, it-tagħrif disponibbli, mhux aktar tard minn meta tkun ippreżentata l-merkanzija hija u dieħla jew ħierġa mit-territorju tal-Komunità.

(5)

Fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli wieħed jista’ jassumi li perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xhar huwa biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligazzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Id-derogazzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għandhom għalhekk jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2010. Bi qbil ma’ dan, wara l-31 ta’ Diċembru 2010 dikjarazzjonijiet elettroniċi fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ li fihom data stabbilita fl-Anness 30A tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom jkunu ppreżentati fi ħdan il-limiti ta’ żmien preskritti għall-merkanzija dieħla jew ħierġa mit-terrritorju tal-Komunità, u l-faċilitazzjoni prevista fl-Artikolu 285a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 m’għandhiex tkompli tapplika.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010 il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni elettronika fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ msemmija fl-Artikolu 1(17) u 183 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 mhux ser tkun obbligatorja.

Dik id-dikjarazzjoni elettronika fil-qosor tad-dħul tista’ tiġi ppreżentata fuq bażi volontarja.

Fil-każ li b’konformità mal-paragrafu 1, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tkunx ippreżentata, l-analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 184d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandha ssir mill-awtoritajiet doganali sa mhux aktar tard minn meta tkun ippreżentata l-merkanzija hekk kif tasal fit-territorju doganali tal-Komunità, fejn xieraq ibbażata fuq dikjarazzjoni għal ħażna temporanja jew dikjarazzjoni doganali li tkopri l-merkanzija jew kwalunkwe tagħrif ieħor disponibbli dwar din il-merkanzija.

Fil-każ li b’konformità mal-paragrafu 1, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tkunx ippreżentata, id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ merkanzija li tkun iddaħħlet fit-territorji doganali tal-Komunità stabbiliti fit-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u fit-Taqsima I Titolu VI tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2009, għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010 il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni elettronika fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ msemmija fl-Artikoli 592f (1), 842a u 842b tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 mhijiex obbligatorja.

Dik id-dikjarazzjoni elettronika fil-qosor tad-dħul tista’ tkun ippreżentata fuq bażi volontarja.

Fil-każ li, b’konformità mal-paragrafu 1, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tkunx ippreżentata, l-analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 842d(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 issir mill-awtoritajiet doganali, mhux aktar tard minn meta tkun ippreżentata l-merkanzija fl-uffiċċju doganali ta’ ħruġ, fejn xieraq fuq il-bażi ta’ tagħrif disponibbli dwar din il-merkanzija.

Fil-każ li, b’konformità mal-paragrafu 1, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tkunx ippreżentata, l-esportazzjoni mill-ġdid trid tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet doganali b’konformità mal-Artikolu 182(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 kif kien japplika fit-30 ta’ Ġunju 2009.

Artikolu 3

L-Artikolu 285a(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jista’ jkun applikat sal-31 ta’ Diċembru 2010 fir-rigward tal-esportaturi approvati li jibbenefikaw minn din il-faċilitazzjoni fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, sakemm l-uffiċċju doganali ta’ ħruġ jinsab fl-istess Stat Membru li fih jinsab ukoll l-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni u jirċievi d-dettalji meħtieġa għall-ħruġ tal-merkanzija.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  ĠU L 360, 19.12.2006, p. 64.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.