27.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 257/2009

tal-24 ta' Marzu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 dwar il-folja ta' informazzjoni supplimentari għan-notifikazzjoni tal-għajnuna għas-sajd u l-akkwakultura

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), u partikolarment l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida Komunitarji ġodda għall-eżami tal-għajnuniet mill-Istat għas-sajd u l-akkwakultura (2), il-folja ta' informazzjoni supplimentari li tinsab f'Parti III.14 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (3) għandha tiġi sostitwita b'folja ta' informazzjoni supplimentari ġdida skont il-qafas fis-seħħ.

(2)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti III.14 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tinbidel bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kapitolu 8, il-Volum 1, p. 339.

(2)  ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10.

(3)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kapitolu 8, il-Volum 4, p. 3.


ANNESS

“PARTI III.14

FOLJA TA' INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI TAL-GĦAJNUNA GĦAS-SAJD U L-AKKWAKULTURA

Din il-folja ta' informazzjoni supplementari għanda tintuża għan-notifikazzjoni ta' kwalunkwe skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali koperta mil-Linji Gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-istat għas-sajd u l-akkwakultura (‘il-Linji Gwida’).

L-GĦANIJIET TAL-ISKEMA jew L-GĦAJNUNA (immarka kif jixraq u daħħal l-informazzjoni meħtieġa):

Din is-Sezzjoni ssegwi l-ordni tas-Subparagrafi tal-Paragrafu 4 tal-Linji Gwida: ‘Għajnuna li tista’ tkun iddikjarata kompatibbli’.

   Punt 4.1 tal-Linji Gwida: Għajnuna għall-miżuri tal-istess tip ta' dawk koperti b'Regolament ta' eżenzjoni ġenerali

Rimarki ġenerali li jikkonċernaw din it-tip ta' għajnuna

Żewġ regolamenti ta' eżenzjoni ġenerali qegħdin fis-seħħ: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 (1) li japplika għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (2) li huwa r-regolament ta' eżenzjoni ġenerali li tapplika fis-setturi kollha.

Għalhekk, fil-prinċipju għajnuna bħal din ma għandhiex tkun innotifikata.

Madankollu, skont il-Premessa (6) tar-Regolament (KE) Nru 736/2008 u l-Premessa (7) tar-Regolament Nru 800/2008, dawn ir-regolamenti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat, ta' liema għanijiet jikkorrispondu mal-għanijiet koperti b'dawn ir-Regolamenti.

Barra minn hekk, it-tipi ta' għajnuna li ġejjin ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta bir-Regolamenti (KE) Nru 736/2008 u (KE) Nru 800/2008: għajnuna li taqbeż il-limiti speċifikati, kif jissemma fl-Artikolu 1 (3) tar-Regolament (KE) Nru 736/2008 jew fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008, jew li għandha karatteristiċi speċifiċi, b'mod partikolari l-għajnuna mogħtija lill-impriżi apparti mill-SMEs (l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju), għajnuna lill-impriżi f'diffikultà, għajnuna li mhijiex trasparenti, għajnuna għal impriża li hija suġġett għall-ordni pendenti ta' rkupru wara deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn kienet iddikjarata għajnuna li mhijiex kompattibli mas-suq komuni.

Il-Karatteristiċi tal-għajnuna notifikata:

Għajnuna tal-istess tip ta' għajnuna koperta bir-Regolament (KE) Nru 736/2008

Għajnuna tal-istess tip ta' għajnuna koperta bir-Regolament (KE) Nru 800/2008

Għajnuna li taqbeż il-limitu speċifikat

Għajnuna mogħtija lill-impriżi li mhumiex SMEs

Għajnuna li mhijiex trasparenti

Għajnuna għal impriża li hija suġġett għall-irkupru pendenti

Karatteristiċi oħra: jispeċifikawha

Il-Kompatibbiltà mas-suq komuni

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata u motivata għaliex l-għajnuna tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni

   Punt 4.2 tal-Linji Gwida: Għajnuna li taqa’ fl-ambitu ta’ ċerti Linji Gwida orizzontali

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi r-referenza għal-Linji Gwida relevanti li huma kkunsidrati bħala applikabbli għall-miżura ta’ għajnuna konċernata flimkien ma' ġustifikazzjoni ddettaljata u rraġunata għaliex l-għajnuna hija kkunsidrata kompatibbli ma' dawk il-Linji Gwida.

L-Istat Membru huwa wkoll mitlub jimla l-folji tal-informazzjoni sommarja l-oħra relevanti annessi ma' dan ir-Regolament.

għajnuna għat-taħriġ – folja f'parti III.2

għajnuna għall-impjiegi – folja f'parti III.3

għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp – folja f'partijiet III.6.A jew III.6.B kif jixraq

għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f'diffikultà - folja f'partijiet III.7 jew III.8 kif jixraq

għajnuna ambjentali – folja III.10

   Punt 4.3 tal-Linji Gwida: Għajnuna għall-investiment abbord il-bastimenti tas-sajd

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi l-informazzjoni li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-kundizzjonijiet stipulati f'Artikolu 25 (2) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (3).

Huwa mitlub ukoll li jipprovdi ġustifikazzjoni għaliex din l-għajnuna mhijiex parti mill-programm operattiv kofinanzjat minn dan il-Fond.

   Punt 4.4 tal-Linji Gwida: Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minn diżastri naturali, okkorrenzi eċċezzjonali jew avvenimenti klimatiċi avversi speċifiċi

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi l-informazzjoni li ġejja li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna:

informazzjoni dettaljata fuq l-eżistenza ta' diżastru naturali jew okkorrenza eċċezzjonali, li tinkludi r-rapporti tekniċi u/jew xjentifiċi,

prova tar-rabta kawżali bejn l-avveniment u d-danni,

il-metodu tal-kalkolu tad-danni,

mezzi oħra ta' ġustifikazzjoni

   Punt 4.5 tal-Linji Gwida: Ħelsien mit-taxxa u spejjeż relatati ma’ xogħol rigward bastimenti tas-sajd tal-Komunità li qed joperaw barra l-ilmijiet Komunitarji

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi l-informazzjoni li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-kundizzjonijiet tal-punt 4.5 tal-Linji Gwida.

Dik l-informazzjoni trid tinkludi b'mod partikolari dettalji li juru r-riskju li l-bastimenti kkonċernati bl-iskema jinqatgħu mir-reġistru tal-flotta tas-sajd.

   Punt 4.6 tal-Linji Gwida: Għajnuna ffinanzjata minn imposti parafiskali

L-Istat Membru huwa mitlub:

jindika kif il-fondi akkwistati bl-użu tal-imposti parafiskali se jintużaw u,

juri kif u fuq liema bażi l-użu tagħhom huwa kompatibbli mar-regoli ta' għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, irid juri kif l-iskema se tibbenefika kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati.

   Punt 4.7 tal-Linji Gwida: Għajnuna għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi l-informazzjoni li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-kundizzjonijiet ta' dan il-Punt u l-kundizzjonijiet relevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta' Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanari, il-Gujana Franċiża u r-Réunion (4).

   Punt 4.8 tal-Linji Gwida: Għajnuna li tikkonċerna l-flotta tas-sajd fir-reġjuni l-aktar imbiegħda

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi l-informazzjoni li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-kundizzjonijiet ta' dan il-Punt u l-kundizzjonijiet relevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità (5) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (6).

   Punt 4.9 tal-Linji Gwida: Għajnuna għal miżuri oħrajn

L-Istat Membru huwa mitlub jiddeskrivi b'mod preċiż ħafna t-tip ta' għajnuna u l-għanijiet tiegħu.

Barra minn hekk, huwa mitlub jipprovdi ġustifikazzjoni ddetaljata u rraġunata dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-kundizzjonijiet tal-Punt 3 tal-Linji Gwida u sabiex juri kif din l-għajnuna sservi l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

PRINĊIPJI ĠENERALI

L-Istat Membru huwa mitlub jiddikjara li l-ebda għajnuna mhija se tingħata fir-rigward tal-operazzjonijiet li l-benefiċjarju diġà beda jimplimenta u għall-għajnuna għall-attivitajiet fejn il-benefiċċjarju diġà jkun jaħdem skont il-kundizzjonijiet tas-suq waħdu.

L-Istat Membru huwa mitlub jiddikjara li mhuwa se jingħata l-ebda għajnuna f’ċirkostanzi fejn ma hemmx konformità mal-liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

F'dak is-sens, l-Istat Membru huwa mitlub jiddikjara li l-miżuri tal-għajnuna jipprovdu espliċitament li, matul il-perjodu tal-għotja, il-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u li, jekk matul dan il-perjodu jirriżulta li l-benefiċjarju ma jkunx konformi mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, l-għotja jkollha tintradd lura skont is-serjetà tal-infrazzjoni.

L-Istat Membru huwa mitlub jiddikjara li l-għajnuna hija limitata għal massimu ta' 10 snin, jew, jekk dan mhux il-każ, jieħu ħsieb li jerġa’ jinnotifika l-għajnuna tal-inqas xahrejn qabel l-għaxar anniversarju li daħlet fis-seħħ.

REKWIŻITI OĦRA

L-Istat Membru huwa mitlub jipprovdi lista tad-dokumenti kollha ta’ sostenn sottomessi man-notifikazzjoni flimkien ma' sommarju ta' dawn id-dokumenti (eż. dejta soċjoekonomika dwar ir-reġjuni riċevituri, ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u ekonomiċi).

L-Istat Membru huwa mitlub jindika li din l-għajnuna mhijiex akkumulata ma' għajnuna oħra għall-istess spejjeż eliġibbli jew għall-istess kumpens.

Jekk din l-akkumulazzjoni teżisti, l-Istat Membru huwa mitlub jindika r-referenzi tal-għajnuna (skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali) li magħhom hemm l-akkumulazzjoni u juri li l-għajnuna kollha mogħtija tibqa' kompatibbli mar-regoli relevanti. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jieħu in konsiderazzjoni kull tip ta' għajnuna mill-Istat, inkluża l-għajnuna de minimis.


(1)  ĠU L 201, 30.7.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 176, 6.7.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 9, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kapitolu 4, il-Volum 7, p. 61.

(6)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kaptiolu 4, il-Volum 4, p. 179.”