19.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 213/2009

tat-18 ta' Marzu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1003/2005 fir-rigward tal-kontroll u l-ittestjar tas-Salmonella fil-qatgħat għat-tgħammir tal-Gallus gallus u tad-dundjani

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (1) u, b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 13 tiegħu;

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, u b’mod partikolari fil-livell ta’ produzzjoni primarja, biex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003, ir-rekwiżiti speċifiċi rigward il-qatgħat għat-tgħammir tal-Gallus gallus japplikaw kull meta ċerta analiżi ta’ kampjuni tindika l-preżenza ta’ Salmonella Enteritidis jew Salmonella Typhimurium f’qatgħat bħal dawn. L-għan ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa li jevitaw it-tixrid tal-infezzjoni fil-katina ta’ produzzjoni tal-bajd u tal-laħam tal-brojler, jiġifieri mill-annimali għat-tgħammir għall-frieħ tagħhom. Għandhom jiġu applikati rekwiżiti simili għall-produzzjoni tad-dundjani biex tiġi evitata t-trażmissjoni tal-infezzjoni fil-katina ta' produzzjoni tal-laħam tad-dunjdan. Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 tat-30 ta’ Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-Salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus  (2), jistabbilixxi mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerta Salmonella spp. f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus. Barra minn hekk, l-Anness għal dak ir-Regolament jistabbilixxi l-iskema ta’ ttestjar meħtieġa biex tiġi verifikata l-kisba tal-mira Komunitarja.

(4)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-mira Komunitarja fid-dawl tar-riżultati tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003. Is-sena 2007 kienet l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni.

(5)

Skont id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi (3), l-Istati Membri bagħtu r-riżultati tal-monitoraġġ tagħhom għas-sena 2007 lill-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, ma jidhirx li jinħtieġ li tiġi emedata l-mira Komunitarja.

(6)

Fid-dawl tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, l-Istati Membri li kisbu l-mira Komunitarja għandhom jitħallew inaqqsu l-għadd ta' kontrolli uffiċjali. Ir-Regolament (KE) Nru 1003/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Reviżjoni tal-iskema ta’ ttestjar stabbilita fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1003/2005 żvelat diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-istruzzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni u sar disponibbli tagħrif ġdid dwar is-sensittività tal-iskemi ta’ ttestjar. L-iskema ta’ ttestjar għandha għalhekk tiġi emendata.

(8)

Ir-Regolamenti (KE) Nri 2160/2003 u 1003/2005 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-titolu u l-punt 1 qed jinbidlu b’dan li ġej:

“C.   Rekwiżiti speċifiċi dwar il-qatgħat għat-tgħammir tal-Gallus gallus u d-dundjani għat-tgħammir

1.

Il-miżuri stabbiliti fil-punti 3 sa 5 għandhom jittieħdu kull meta l-analiżi tal-kampjuni meħuda skont il-parti B, jew skont l-iskemi ta’ ttestjar stabbiliti fl-Annessi għar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 (*) u 584/2008 (**), tindika l-preżenza ta’ Salmonella Enteritidis jew Salmonella Typhimurium f’qatgħa għat-tgħammir tal-Gallus gallus jew fid-dundjani għat-tgħammir fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-punt 2.

Artikolu 2

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1003/2005 qed jinbidel bit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ April 2009 u l-Artikolu 1 mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.


ANNESS

“ANNESS

Skema ta' ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow f'qatgħat ta’ adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus

1.   QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għandu jkopri l-qatgħat kollha ta’ adulti għat-tgħammir ta’ tjur domestici (Gallus gallus) li jinkludu għallinqas 250 għasfur (‘qatgħat għat-tgħammir’).

2.   MONITORAĠĠ FIL-QATGĦAT GĦAT-TGĦAMMIR

2.1.   Il-post, il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

Il-kampjuni minn qatgħat għat-tgħammir għandhom jittieħdu fuq l-inizjattiva tal-operatur u bħala parti minn kontrolli uffiċjali.

2.1.1.   Teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur

It-teħid tal-kampjuni għandu jsir kull ġimgħatejn fil-post magħżul mill-awtorità kompetenti minn fost iż-żewġ għażliet possibbli li ġejjin:

(a)

fil-mafqas; jew

(b)

fl-istabbiliment.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li timplimenta waħda mill-għażliet imsemmija fil-punti (a) jew (b) għall-iskema kollha ta’ ttestjar għall-qatgħat kollha għat-tgħammir tal-brojler u waħda minn dawk l-għażliet għall-qatgħat għat-tgħammir tat-tiġieġ li jbidu. It-teħid ta’ kampjuni fl-istabbilimenti, li prinċipalment jesportaw jew jinnegozjaw bajd ta’ tfaqqis lejn Stati Membri oħra, għandu f'kull każ isir fl-istabbiliment. Din għandha tistabbilixxi proċedura biex l-individwazzjoni tas-serotipi tas-Salmonella msemmija fl-Artikolu 1(1) (is-‘Salmonella rilevanti’) waqt it-teħid tal-kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operaturi, tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti mil-laboratorju li jwettaq l-analiżi. In-notifika f’waqtha tal-individwazzjoni tas-Salmonella, inkluż is-serotip, għandha tibqa’ r-responsabbiltà tal-operatur u tal-laboratorju li jwettaq l-analiżi.

Permezz ta’ deroga, jekk il-mira Komunitarja tkun intlaħqet għal mill-inqas sentejn kalendarji konsekuttivi, it-teħid ta’ kampjuni fl-istabbiliment jista’ jiġi estiż biex iseħħ kull tliet ġimgħat, fuq id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li terġa’ lura għal intervall ta’ ttestjar ta’ sentejn fil-każ ta’ individwazzjoni ta’ qatgħa pożittiva fl-istabbiliment u/jew f’kull każ ieħor meqjus xieraq mill-awtorità kompetenti.

2.1.2.   Teħid ta’ kampjuni bħala parti minn kontroll uffiċjali

Mingħajr preġudizzju lill-Anness II, Parti C.2 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-teħid uffiċjali tal-kampjuni għandu jikkonsisti fi:

2.1.2.1.

Jekk it-teħid tal-kampjuni b'inizjattiva tal-operatur isir fil-mafqas:

(a)

teħid ta’ kampjuni ta’ rutina kull 16-il ġimgħa fil-mafqas, u;

(b)

teħid ta’ kampjuni ta’ rutina fl-istabbiliment f'żewġ okkażjonijiet matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, li l-ewwel waħda tkun fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni tal-bajd jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd u t-tieni waħda tkun lejn l-aħħar tal-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu tal-produzzjoni.

(c)

teħid konfermattiv ta' kampjuni fl-istabbiliment, wara l-individwazzjoni tas-Salmonella rilevanti minn teħid ta' kampjuni fil-mafqas.

2.1.2.2.

Jekk it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur isir fl-istabbiliment, it-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina għandu jsir fi tliet okkażjonijiet matul iċ-ċiklu ta' produzzjoni:

(a)

fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd;

(b)

lejn tmiem il-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu ta’ produzzjoni;

(c)

matul il-produzzjoni, f'kull ħin li hu distanti biżżejjed mill-kampjuni msemmija fil-punti (a) u (b).

2.1.2.3

Permezz ta’ deroga tal-paragrafi 2.1.2.1 u 2.1.2.2 u jekk il-mira Komunitarja tkun intlaħqet għal mill-inqas sentejn kalendarji konsekuttivi, l-awtorità kompetenti tista’ tissostitwixxi t-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina bit-teħid ta’ kampjuni:

(a)

fl-istabbiliment f’okkażjoni waħda f’kull żmien matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni u darba fis-sena fil-mafqas, jew

(b)

fl-istabbiliment f’żewġ okkażjonijiet f’kull żmien distanti biżżejjed minn xulxin matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni.

It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur kummerċjali tal-ikel.

2.2.   Il-protokoll għat-teħid tal-kampjuni

2.2.1.   Teħid ta' kampjuni fil-mafqas

Għandu jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa għat-tgħammir f’kull okkażjoni ta’ teħid tal-kampjuni. It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir f’jum ta’ tfaqqis meta l-kampjuni mill-qatgħat kollha għat-tgħammir se jkunu disponibbli u l-materjal kollu mill-imfaqas kollha li minnhom jitneħħew flieles imfaqqsa fil-jum ta’ teħid tal-kampjuni għandu jikkontribwixxi, b’mod proporzjonat, għas-sett ta’ kampjuni. Jekk ikun hemm aktar minn 50 000 bajda ta’ qatgħa waħda fl-imfaqas, għandu jinġabar it-tieni kampjun minn dik il-qatgħa.

Il-kampjun għandu jikkonsisti għall-inqas f’dawn li ġejjin:

(a)

kampjun wieħed kompost tal-inforri tal-qfief għat-tfaqqis, viżibbilment imċappsa, meħud każwalment minn ħamest iqfief għat-tfaqqis separati jew ħames postijiet fil-mafqas, biex jintlaħaq wiċċ totali ta’ teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 1 m2; madankollu, jekk il-bajd għat-tfaqqis minn qatgħa għat-tgħammir qegħdin f'iktar minn inkubatur wieħed, għandu jittieħed kampjun kompost wieħed bħal dan minnhom kollha, sa mhux aktar minn ħames imfaqas; jew

(b)

kampjun wieħed miġbur b’waħda jew aktar biċċiet niedja tat-tessut, ta’ erja tal-wiċċ totali ta’ mill-inqas 900 cm2, meħud minnufih wara t-tneħħija tat-tiġieġ mill-erja kollha tal-wiċċ tal-qiegħ ta’ mill-inqas total ta’ ħamest iqfief għat-tfaqqis, jew minn tnietex minn ħames postijiet, inkluż fl-art, b’kollox sa ħamest imfaqas bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa li minnha ġejjin il-bajd; jew

(c)

10 g ta’ qxur tal-bajd imkisser minn total ta’ 25 qoffa għat-tfaqqis separati (jiġifieri kampjun tal-bidu ta’ 250 g) f’mhux aktar minn ħamest imfaqas bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, imfarrak u mħallat u li minnu għandu jittieħed sottokampjun biex ikun ifformat sottokampjun ta’ 25 g għall-ittestjar.

Il-proċedura stabbilita fil-punti (a), (b) u (c) għandha tiġi segwita għal teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur kif ukoll għal teħid uffiċjali ta’ kampjuni. Mhuwiex obbligatorju li jiġi inkluż mafqas bil-bajd minn qatgħat differenti jekk mill-inqas 80 % mill-bajd jinsabu f’imfaqas oħra li tagħhom ittieħdu l-kampjuni.

2.2.2.   Teħid ta' kampjuni fl-istabbiliment:

2.2.2.1.   Teħid ta’ kampjuni ta’ rutina bl-inizjattiva tal-operatur

It-teħid tal-kampjuni għandu jikkonsisti primarjament f’kampjuni fekali u għandu jimmira għall-individwazzjoni ta’ 1 % ta’ prevalenza fil-qatgħa, b’limitu ta’ affidabbiltà ta’ 95 %. Għal dan il-għan, il-kampjuni għandhom jikkonsistu f'wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

Feċi mħallta magħmula minn kampjuni separati ta’ feċi friski li lkoll jiżnu mhux inqas minn 1 g meħuda każwalment minn għadd ta’ siti fil-bini fejn tinżamm il-qatgħa, jew fejn il-qatgħa għandha aċċess liberu għal iktar minn bini wieħed fi stabbiliment partikolari, minn kull grupp ta’ djar fl-istabbiliment li fih tinżamm il-qatgħa. Għall-analiżi, il-feċi jistgħu jitħalltu sa minimu ta’ żewġ kampjuni mħallta.

L-għadd ta’ siti li minnhom jittieħdu kampjuni separati ta’ feċi biex jingħaqdu f’kampjun imħallat ikun kif ġej:

Numru ta’ għasafar miżmuma fil-qatgħa

Numru ta’ kampjuni ta’ feċi li jridu jittieħdu fil-qatgħa

250-349

200

350-449

220

450-799

250

800-999

260

1 000 jew aktar

300

(b)

Tajjar mill-buz u/jew kampjuni tat-trab:

It-tajjar mill-buz li jintużaw għandhom ikunu jassorbixxu biżżejjed biex jixorbu l-umdità. Il-‘kalzetti’ tat-tip tubegauze għandhom ikunu wkoll aċċettabbli għal dan l-għan.

Il-wiċċ tat-tajjara mill-buz għandu jixxarrab ftit b’dilwenti adatti (bħal 0,8 % klorur tas-sodju, 0,1 % peptun f’ilma dejonizzat sterili, ilma sterili jew kull dilwent ieħor approvat mill-awtorità kompetenti).

Il-kampjuni għandhom jittieħdu billi wieħed jgħaddi mill-bini u juża rotta li tipproduċi kampjuni rappreżentattivi tal-partijiet kollha tal-bini jew tas-settur rispettiv. Din għandha tinkludi żoni maħmuġa jew miksija bil-paletti ladarba l-paletti jkunu sikuri biex wieħed jimxi fuqhom. Il-gallinari separati kollha f’bini għandhom ikunu inklużi fit-teħid tal-kampjuni. Meta jitlesta t-teħid ta’ kampjuni fis-settur magħżul, it-tajjar mill-buz għandu jitneħħa bil-galbu biex ma jinqala’ l-ebda materjal imwaħħal.

Il-kampjuni għandhom jikkonsistu f’dawn li ġejjin:

(i)

ħames pari ta’ tajjar mill-buz, b’kull wieħed jirrappreżenta madwar 20 % tal-erja tal-bini; għall-analiżi, it-tajjar jista’ jitħallat f’minimu ta’ żewġ kampjuni komposti; jew,

(ii)

Għall-inqas par wieħed ta’ tajjar mill-buz li jirrappreżenta l-erja kollha tal-bini u kampjun addizzjonali tat-trab miġbur minn diversi postijiet fil-bini kollu minn uċuh bi preżenza viżibbli ta’ trab. Għandhom jintużaw wieħed jew aktar kampjuni tad-drapp niedja b'erja tal-wiċċ totali ta’ 900 cm2 biex jinġabar dan il-kampjun tat-trab.

(c)

F'qatgħat għat-tgħammir li jinżammu fil-gaġeġ, it-teħid ta’ kampjuni jista’ jikkonsisti f’feċi mħallta b’mod naturali miġbura miċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ, mill-barraxa jew mill-fosos fondi, skont it-tip ta’ bini. Żewġ kampjuni ta’ mill-inqas 150 g għandhom jinġabru biex jiġu ttestjati individwalment:

(i)

iċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ taħt kull saff ta’ gaġeġ li jitħaddmu regolarment u li jarmu ġo sistema għamla ta’ trapan jew konvejer;

(ii)

sistema għat-twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa fejn ikun hemm difletturi taħt il-gaġeġ li jitqaxxru fid-direzzjoni ta’ fossa fonda taħt il-bini;

(iii)

sistema għat-twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa f’bini b’gaġeġ imtarrġa fejn il-gaġeġ jiġu żbilanċjati u l-feċi jaqgħu direttament fil-fossa.

Normalment ikun hemm bosta safef ta’ gaġeġ f’bini. Feċi mħallta minn kull saff għandhom ikunu rrappreżentati fil-kampjun komplessiv imħallat. Żewġ kampjuni mħallta għandhom jittieħdu minn kull qatgħa kif deskritt fit-tielet sas-sitt subparagrafi li ġejjin:

F’sistemi fejn hemm ċineg jew barraxa, dawn għandhom jitħaddmu fil-jum tat-teħid tal-kampjuni qabel jittieħdu l-kampjuni.

F’sistemi fejn hemm id-difletturi taħt il-gaġeġ u l-barraxa, il-feċi mħallta li jkunu weħlu mal-barraxa wara li tkun tħaddmet, għandhom jinġabru.

F'sistemi ta’ gaġeġ imtarrġa fejn ma hemmx sistema ta’ ċineg jew barraxa jinħtieġ li l-feċi mħallta jinġabru mill-fossa l-fonda kollha.

Sistemi ta’ ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ: għandu jinġabar materjal fekali mħallat mit-truf taċ-ċineg.

2.2.2.2.   Teħid uffiċjali ta’ kampjuni

(a)

It-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina għandu jitwettaq kif deskritt fil-punt 2.2.2.1.

(b)

It-teħid konfermattiv ta’ kampjuni wara l-individwazzjoni tas-Salmonella rilevanti minn kampjuni li jkunu ttieħdu mill-mafqas għandu jsir kif deskritt fil-punt 2.2.2.1. Jistgħu jinġabru kampjuni addizzjonali għall-ittestjar possibbli ta’ antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji kif ġej: l-għasafar għandhom jittieħdu każwalment minn kull bini ta’ għasafar fl-istabbiliment, normalment sa ħames għasafar għal kull bini, sakemm l-awtorità ma tqisx li jinħtieġ kampjun b’numru ikbar ta’ għasafar. Jekk is-sors ta’ infezzjoni mhuwiex ikkonfermat, għandu jsir ittestjar ta’ antimikrobiċi jew għandu jsir ittestjar batterjoloġiku ġdid għas-Salmonella fuq il-qatgħa jew il-frieħ tal-annimali tagħhom qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet kummerċjali. Jekk jiġu individwati antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji, l-infezzjoni tas-Salmonella għandha titqies bħala kkonfermata.

(c)

Każijiet suspetti

F’każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tqajjem dubji dwar ir-riżultat (riżultati pożittivi foloz jew negattivi foloz), din tista’ tiddeċiedi li tirrepeti l-ittestjar skont il-punt (b).

3.   EŻAMI TAL-KAMPJUNI

3.1.   It-tħejjija tal-kampjuni

3.1.1.   L-inforri tal-qfief għat-tfaqqis:

(a)

qiegħed f’litru Buffered Peptone Water (BPW) li jkun issaħħan minn qabel sa temperatura ambjentali u ħawwad bil-mod;

(b)

kompli l-koltura tal-kampjun billi tuża l-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.

3.1.2.   It-tajjar mill-buz u l-kampjuni tat-trab:

(a)

Il-par(i) tat-tajjar mill-buz/kalzetti u l-kampjun tat-trab (kampjun tad-drapp) għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal fekali mwaħħal jew materjal tat-trab maħlul u jitpoġġew f’225 ml ta’ BPW li ssaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali. It-tajjara mill-buz/kalzetti u l-kampjun tad-drapp għandhom jiġu mgħarrqa kompletament fil-BPW biex jipprovdu likwidu ħieles biżżejjed madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun u għalhekk jista’ jiżdied aktar BPW jekk ikun meħtieġ. Se jsiru preparazzjonijiet separati tat-tajjar mill-buz u tal-kampjun tad-drapp.

(b)

Fejn ħames pari tat-tajjar mill-buz/kalzetti jitħalltu f’żewġ kampjuni, qiegħed kull kampjun imħallat f’225 ml ta’ BPW, jew aktar jekk ikun meħtieġ, biex tipprovdi biżżejjed likwidu ħieles madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun.

(c)

Ħawwad biex il-kampjun jixxarrab kompletament u kompli l-koltura permezz tal-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.

3.1.3.   Kampjuni ta’ materjal fekali ieħor:

(a)

Il-kampjuni fekali għandhom jitħalltu flimkien u jitħawdu sew u għandu jittieħed sottokampjun ta’ 25 gramm għall-koltura.

(b)

Is-sottokampjun ta’ 25 gramm għandu jiżdied ma’ 225 ml ta’ BPW imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali;

(c)

Il-koltura tal-kampjun għandha titkompla billi jintuża l-metodu ta’ individwazzjoni fil-punt 3.2.

Jekk ikun hemm ftehim rigward l-istandards tal-ISO dwar il-preparazzjoni ta’ kampjuni rilevanti għall-individwazzjoni tas-Salmonella, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq rigward il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni.

3.2.   Metodu ta’ individwazzjoni

L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. għandha titwettaq skont l-Emenda 1 tal-EN/ISO 6579-2002/Amd1:2007. “Mikrobijoloġija tal-ikel u tal-għalf tal-annimali - Metodu orizzontali għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp. – Emenda 1: Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fil-feċi tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni”.

Fir-rigward tal-kampjuni tat-tajjar mill-buz, il-kampjuni tat-trab u l-kampjuni ta’ materjal fekali ieħor imsemmija fil-paragrafu 3.1, huwa possibbli li jitħallat il-brodu inkubat ta’ BPW ta’ arrikiment għall-koltura futura. Biex isir dan, iż-żewġ kampjuni għandhom jiġu inkubati fil-BPW bħalma jsir normalment. Neħħi 1 ml ta’ brodu inkubat minn kull kampjun u ħawwad sewwa, imbagħad neħħi 0,1 ml mit-taħlita u laqqam il-pjastri MSRV bil-mod normali.

Iċċaqlaqx, tħawwadx jew tħarrikx b’xi mod ieħor il-kampjuni fil-BPW wara l-inkubazzjoni billi dan jirrilaxxa partikuli inibitorji u jnaqqas l-iżolament sussegwenti fil-MSRV.

3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

Għall-inqas iżolat wieħed minn kull kampjun li juri reazzjoni pożittiva għandu jkun ikklassifikat, skont l-iskema Kaufmann-White.

4.   RIŻULTATI U RAPPORTAR

Qatgħa għat-tgħammir għandha titqies infettata għall-iskop tal-verifika tal-ksib tal-mira Komunitarja, meta l-preżenza tas-Salmonella rilevanti (minbarra l-varjanti tal-vaċċin) tkun ġiet individwata f'wieħed jew aktar mill-kampjuni (jew jekk hemm konferma sekondarja uffiċjali fl-Istat Membru, fil-kampjuni fekali rilevanti jew kampjuni ta’ organi tal-għasafar), li jkunu ttieħdu fl-istabbiliment, anki jekk is-Salmonella tiġi individwata biss fil-kampjun tat-trab. Dan ma għandux japplika f’każijiet eċċezzjonali ta’ qatgħat għat-tgħammir sospetti fejn l-individwazzjoni tas-Salmonella fl-istabbiliment fuq l-inizjattiva tal-operatur ma tkunx ġiet ikkonfermata minn teħid uffiċjali ta’ kampjuni.

Għal finijiet ta’ statistika, qatgħa infettata għandha tingħadd darba biss irrispettivament minn kemm-il darba s-Salmonella ġiet individwata f’din il-qatgħa matul il-perjodu ta’ produzzjoni.

Ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet implimentati għall-iskema ta’ teħid ta’ kampjuni u t-tip ta’ kampjuni li ttieħdu, kif jixraq;

(b)

in-numru ta’ qatgħat għat-tgħammir eżistenti u dawk ittestjati;

(c)

ir-riżultati tal-ittestjar;

(d)

spjegazzjonijiet tar-riżultati, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw każijiet eċċezzjonali.”