5.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 169/2009

tas-26 ta' Frar 2009

li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-L-Artikolu 83 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 tad-19 ta’ Lulju 1968 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma iinterni (3) ġie emendat diversi drabi b’mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Ir-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u l-passaġġi tal-ilma interni huma parti mill-politika komuni tat-trasport u tal-politika ekonomika ġenerali.

(3)

Ir-regoli tal-kompetizzjoni għal dawk is-setturi għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-fatturi distintivi tat-trasport.

(4)

Minħabba li r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport jidderogaw mir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni, għandu jkun possibli għall-impriżi li jaċċertaw liema regoli japplikaw f'kull każ partikolari.

(5)

Is-sistema ta' regoli dwar il-kompetizzjoni għat-trasport għandha tapplika ugwalment għall-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat tat-trasport għall-operat konġunt ta' servizzi minn ċerti agruppamenti ta' impriżi, kif ukoll għal ċerti operazzjonijiet konnessi mat-trasport bil-ferrovija, bit-triq jew fuq il-passaġġi tal-ilma interni jew mal-fornituri ta' servizzi anċillari għat-trasport.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li n-negozju bejn l-Istati Membri ma jkunx affettwat jew li l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern tiġi mfixkla, huwa meħtieġ li jiġi projbit fil-prinċipju għat-tliet modi ta' trasport speċifikati hawn fuq l-akkordji kollha bejn impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma bejn l-impriżi u l-eżempji kollha ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti ġewwa s-suq intern li jista' jkollhom dawk l-effetti.

(7)

Ċerti tipi ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport li l-fini jew l-effett tagħhom huwa biss li japplikaw titjib tekniku jew li jiksbu kooperazzjoni teknika jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq akkordji restrittivi peress illi dawn jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produttività. Fid-dawl tal-esperjenza wara l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jemenda l-lista ta' dawk it-tipi ta' akkordji.

(8)

Sabiex jingħata appoġġ għat-titjib fl-istruttura tal-industrija tas-setturi tat-toroq u tal-passaġġi tal-ilma interni, li xi drabi hija mferrxa iżżejjed, għandhom ikunu ukoll eżenti mill-projbizzjoni fuq l-akkordji restrittivi dawk l-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jipprovdu għall-ħolqien u l-operat ta' aggruppamenti ta' impriżi f'dawn iż-żewġ setturi ta' trasport li l-iskop tagħhom huwa li jkomplu x-xogħlijiet tat-trasport, inklużi l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat tat-trasport għall-operat konġunt ta' servizzi. Eżenzjoni ġenerali bħal din tista' tingħata biss bil-kondizzjoni li l-kapaċità tal-ġarr totali ta' agruppament ma teċċedix il-massimu stabbilit, u li l-kapaċità individwali tal-impriżi li jappartjenu għall-agruppament ma tkunx teċċedi ċerti limiti hekk stabiliti sabiex jiżguraw li l-ebda impriża waħedha ma tkun tista' żżomm pożizzjoni dominanti ġewwa l-agruppament. Il-Kummissjoni għandha, madankollu, jkollha s-setgħa li tintervjeni jekk, f'każijiet speċifiċi, dawk l-akkordji jkollhom effetti inkompatibbli mal-kondizzjonijiet li taħthom akkordju restrittiv jista' jiġi rikonoxxut bħala legali, u għandu jikkostitwixxi abbuż tal-eżenzjoni. Madankollu, l-fatt li agruppament ikollu kapaċità ta' ġarr totali akbar mill-massimu stabilit, jew li ma jkunx jista' jitlob l-eżenzjoni ġenerali minħabba l-kapaċità individwali tal-impriżi li jappartjenu lill-agruppament, m'għandux fih innifsu jipprevjeni dak l-agruppament milli jikkostitwixxi akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma legali jekk dan jissodisfa l-kondizzjonijiet rilevanti mniżżla f'dan ir-Regolament.

(9)

Jiġi mill-impriżi nnifishom, fl-ewwel lok, li jaraw jekk l-effetti predominanti tal-akkordji, tad-deċiżjonijiet jew tal-prattiċi miftiehma tagħhom humiex ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew il-benefiċċji ekonomiċi aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni għal restrizzjoni bħal din u li jiddeċiedu skond dan, fuq responsabbiltà tagħhom stess, dwar l-illegalità jew il-legalità ta' dawn l-akkordji, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma.

(10)

Għalhekk, l-impriżi għandhom jitħallew jikkonkludu jew iħaddmu akkordji mingħajr ma jiddikjarawhom. Dan jesponi dawn l-akkordji għar-riskju li jiġu dikjarati nulli b'effett retroattiv jekk jiġu eżaminati wara kwerela jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, iżda ma jipprevjenix li dawn jiġu dikjarati retroattivament legali fil-każ ta' eżami sussegwenti bħal dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom, fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u fuq il-passaġġi tal-ilma interni, japplikaw kemm għall-akkordji, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiċi miftiehma kollha li għandhom bħala l-fini jew l-effett tagħhom l-iffissar ta' rati u ta' kondizzjonijiet tat-trasport, il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-provvista tat-trasport, il-qsim ta' swieq ta' trasport, l-applikazzjoni ta' titjib tekniku jew kooperazzjoni teknika, jew l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat tat-trasport jew provvisti meta dawn l-operazzjonijiet ikunu direttament relatati mal-provvista ta' servizzi tat-trasport u huma meħtieġa għat-tħaddim konġunt ta’ servizzi minn agruppament fis-sens tal-Artikolu 3 ta' impriżi tat-trasport bit-triq jew fuq il-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll għall-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fuq is-suq tat-trasport. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal dawk li jipprovdu servizzi anċillari għat-trasport li għandhom xi finijiet jew effetti minn dawk imniżżla hawn fuq.

L-Artikolu 2

Eċċezzjoni għall-akkordji tekniċi

1.   Il-projbizzjoni fl-L-Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika għal akkordji, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma li l-fini jew l-effett tagħhom huwa li japplikaw titjib tekniku jew li jiksbu kooperazzjoni teknika permezz ta':

(a)

l-istandardizzazjoni ta' apparat, provvisti tat-trasport, vetturi jew installazjonijiet fissi;

(b)

l-iskambju jew il-qsim ta' servizzi tat-trasport, ta' ħaddiema, ta' apparat, ta' vetturi jew ta' installazjonijiet fissi, bl-iskop li joperaw servizzi tat-trasport;

(ċ)

l-organizzazjoni u l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta' trasport suċċessivi, kumplimentari, sostituttivi jew magħquda, u l-iffissar u l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet inklusivi għal dawk ix-xogħlijiet, li jinkludu rati kompetittivi speċjali;

(d)

l-użu, għal vjaġġi permezz ta' mod ta' trasport wieħed, tar-rotot li huma l-aktar razzjonali mil-aspett operattiv;

(e)

il-koordinazzjoni ta' skedi tal-ħinijiet tat-trasport għall-konnessjoni tar-rotot;

(f)

l-agruppament ta' konsenji individwali;

(g)

l-istabbiliment ta' regoli uniformi dwar l-istruttura tat-tariffi u l-kondizzjonijiet ta' applikazzjoni tagħhom, sakemm dawn ir-regoli ma jistabbilixxux rati u kondizzjonijiet tat-trasport.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tissottometti proposti lill-Kunsill bl-iskop li tiġi estiża jew imnaqqsa l-lista fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 3

Eżenzjoni għal gruppi ta' impriżi ta' daqs żgħir u medju

1.   Akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma msemmija fl-L-Artikolu 81(1) tat-Trattat għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni f'dak l-Artikolu meta l-għan tagħhom huwa:

(a)

il-kostituzzjoni u t-tħaddim ta' agruppamenti ta' impriżi tat-trasport bit-triq jew fuq il-passaġġi tal-ilma interni bl-iskop li jitwettqu l-attivitajiet tat-trasport;

(b)

l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat jew provvisti tat-trasport, meta dawn l-operazzjonijiet ikunu direttament relatati mal-provvista ta' servizzi tat-trasport u jkunu meħtieġa għax-xogħlijiet konġunti tal-agruppamenti hawn fuq imsemmija;

dejjem sakemm il-kapaċità ta' ġarr totali ta' xi agruppamenti ma teċċedix:

(i)

10 000 tunellata metrika fil-każ ta' trasport bit-triq;

(ii)

500 000 tunellata metrika fil-każ ta' trasport permezz ta' passaġġi tal-ilma interni.

Il-kapaċità individwali ta' kull impriża li tappartjeni għal agruppamenti m'għandhiex teċċedi l-1 000 tunellata metrika fil-każ ta' trasport fuq it-triq jew il-50 000 tunellata metrika fil-każ tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma intern.

2.   Jekk l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattiċi miftiehma koperta mill-paragrafu 1 għandha, kull każ mogħti, effetti li huma inkompattibli mal-rekwisiti tal-L-Artikolu 81(3) tat-Trattat, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriża jistgħu jkunu rekwiżiti li jwaqqfu dawn l-effetti.

L-Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 1017/68, kif emendat bir-Regolament elenkat fl-Anness I, il-Parti A, huwa mħassar, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(3), li jibqa’ japplika għad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1017/68 qabel l-1 ta’ Mejju 2004 sad-data ta’ tmien ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

L-Artikolu 5

Dħul fis-seħħ, akkordji eżistenti

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-projbizzjoni fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika għal akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li kienu jeżistu fid-data tal-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja jew fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonka, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja u li, minħabba l-adeżjoni, jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat jekk, fi żmien sitt xhur mid-data tal-adeżjoni, dawn ikunu emendati b’mod illi jsiru konformi mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Dan il-paragrafu ma japplikax għal akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li fid-data tal-adeżjoni jkunu digà jaqgħu taħt l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

I. LANGER


(1)   ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 67.

(2)   ĠU C 161, 13.7.2007, p. 100.

(3)   ĠU L 175, 23.7.1968, p. 1.

(4)  Ara l-Anness I.


ANNESS I

PARTI A

Ir-Regolament imħassar flimkien mal-emendi suċċessivi tiegħu

(imsemmi fl-Artikolu 4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68

(ĠU L 175, 23.7.1968, p. 1)

ħlief l-Artikolu 13(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003

(ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1)

l-Artikolu 36 biss

PARTI B

Emendi suċċessivi li mhumiex imħassra

L-Att ta’ Adeżjoni tal-1972

L-Att ta’ Adeżjoni tal-1979

L-Att ta’ Adeżjoni tal-1994

L-Att ta’ Adeżjoni tal-2004


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KEE) Nru 1017/68

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 3

L-Artikolu 2

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel frażi introduttorja, l-ewwel inċiż

L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel frażi introduttorja, (a)

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel frażi introduttorja, it-tieni inċiż

L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel frażi introduttorja, (b)

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni frażi introduttorju, l-ewwel inċiż

L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni frażi introduttorju, (i)

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni frażi introduttorju, it-tieni inċiż

L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni frażi introduttorju, (ii)

L-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 4(2)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 30(1)

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 30(3), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 31

L-Anness I

L-Anness II