21.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 150/2009

tal-20 ta' Frar 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 619/2008 li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 161(3), l-Artikolu 164(2)(b) u l-Artikolu 170 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 619/2008 (2) jistipula r-regoli għall-proċedura tal-offerti rigward ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni tal-butir naturali fi blokki kopert bil-kodiċi ex ex 0405 10 19 9700, iż-żejt tal-butir f’kontenituri kopert bil-kodiċi ex ex 0405 90 10 9000 u t-trab tal-ħalib xkumat kopert bil-kodiċi ex ex 0402 10 19 9000.

(2)

Hija miftuħa stedina permanenti għall-offerti biex tkun iddetereminata r-rifużjoni tal-esportazzjoni għal dawk il-prodotti tal-ħalib. F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 619/2008, kull perjodu għat-tressiq tal-offerti għandu jseħħ darba kull xahar. Biex tkun tista’ tingħata risposta aħjar għad-deterjorament tal-qagħda fis-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, il-proċeduri tal-offerti għad-determinazzjoni tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għandhom ikunu organizzati darbtejn kull xahar.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 619/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Minħabba l-ħtieġa urġenti għall-proviżjoni ta’ miżura effikaċi ta’ apoġġ tas-suq, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 619/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-ewwel subparagrafu, il-kelmiet tal-bidu għandhom jinbidlu b'li ġej:

“Kull perjodu tal-offerti għandu jibda fis-13:00 (ħin ta’ Brussell) fit-Tlieta ta’ qabel id-data tal-għeluq, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:”;

(2)

Fit-tielet subparagrafu, il-kelmiet tal-bidu għandhom jinbidlu b'li ġej:

“Kull perjodu tal-offerti għandu jagħlaq fis-13:00 (ħin ta’ Brussell) tal-ewwel u t-tielet Tlieta tax-xahar, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007 p. 1.

(2)  ĠU L 168, 28.6.2008, p. 20.