7.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 38/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 114/2009

tas-6 ta’ Frar 2009

li jistipula l-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 rigward ir-referenzi għall-inbejjed b'oriġini ta' denominazzjoni protetta u b'indikazzjoni ġeografika protetta

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar r-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 126(a) tiegħu

Billi:

(1)

L-Artikolu 34 tar-Regolamenti (KE) Nru 479/2008 jiddefinixxi, bl-applikabbilità mill-1 ta' Awwissu 2009 il-klassijiet tal-inbejjed b'oriġini ta' denominazzjoni protetta u ta' nbejjed b'indikazzjoni ġeografika protetta.

(2)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni appoġġjati taħt dak l-Artikolu għandhom jirreferu għal inbejjed b'denominazzjoni ta' oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jew inbejjed b'indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb.

(3)

L-Artikolu 65(1)(ċ)(vi) u (xiii) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 jipprovdi għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali li jipprovdu informazzjoni fuq karatteristiċi partikolari tal-inbid b'denominazzjoni ta' orġini protetta jew b'indikazzjoni ġeografika u li jisfruttaw, jipproteġu u jippromwovu tikketti ta' kwalità u ta' denominazzjoni ta' oriġini u ta' indikazzjonijiet ġeografiċi.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 92(5)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-drittijiet ta' taħwil mill-ġdid jistgħu jkunu ttrasferiti, parzjalment jew kompletament, lill-ażjenda oħra fl-istess Stat Membru fil-każ li fl-ażjenda l-oħra jkun hemm żoni maħsuba li jipproduċu nbejjed ta' denominazzjoni ta' oriġini jew ta' indikazzjoni ġeografika protetta.

(5)

Il-Punti 1 u 3 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 479/2008 jipprovdu għad-definizzjoni tal-inbid u inbid likuruż, rispettivament. Dawk id-definizzjonijiet jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għal inbejjed b'denominazzjoni ta' oriġini u nbejjed b'indikazzjoni ġeografika.

(6)

Il-Punti 7 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 479/2008 jipprovdi għad-definizzjoni tal-inbid frizzanti bil-gass. Dik id-definizzjoni tirreferi għal inbejjed mingħajr denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 129(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, definizzjonijiet ta' nbejjed b'denominazzjoni ta' oriġini protetta jew b'indikazzjoni ġeografika ma japplikawx qabel l-1 ta' Awwissu 2009. Taħt l-iskema preċedenti stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (2) il-kategoriji korrispondenti kienu l-inbejjed ta' kwalità psr u l-inbejjed b'indikazzjoni ġeografika.

(8)

Sabiex l-Istat Membru jkun jista' japplika l-Artikoli 10(2), 65 (1)(ċ)(iv) u (xiii), 92(5)(b)(i) u l-Anness IV l-punti 1, 3 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 mill-1 ta' Awwissu 2008, huwa xieraq li jittieħdu miżuri tranżizzjonali li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-inbejjed b'denominazzjoni ta' oriġini protetta u tal-inbejjed b'indikazzjoni ġeografika protetta. Peress li dawn l-Artikoli kienu applikabbli mill-1 ta' Awwissu 2008, dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 10(2), 65 (1)(ċ)(iv) u (xiii), 92(5)(b)(i) u l-Anness IV l-punti 1, 3 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 mill-1 ta' Awwissu 2008 sal-31 ta' Lulju 2009, referenzi li jsiru għal inbejjed b'denominazzjoni ta' oriġini protetta u għal inbejjed b'indikazzjoni ġeografika protetta għandhom jinqraw bħala referenzi għal inbejjed ta' kwalità psr u għal inbejjed b'indikazzjoni ġeografika, rispettivament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Awwissu 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 148, 6.6.2008 p. 1.

(2)   ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.