29.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 25/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 85/2009

tad-19 ta’ Jannar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 161,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

Il-kriżi bla preċedent li qed tolqot is-swieq finanzjarji internazzjonali ħolqot sfidi kbar għall-Komunità, li titlob rispons rapidu biex tilqa’ kontra l-effetti fuq l-ekonomija in ġenerali, u b’mod partikolari biex issostni l-investimenti sabiex jiġu promossi it-tkabbir u l-impjiegi.

(2)

Il-qafas regolatorju tal-perijodu ta’ programmar 2007-2013 ġie adottat bil-għan li tinkiseb aktar simplifikazzjoni fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-effikaċja u s-sussidjarjetà tagħhom fit-termini tal-implimentazzjoni tagħhom.

(3)

L-adattament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (1) huwa meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat l-immobilizzar tal-fondi Komunitarji sabiex jingħata bidu għall-programmi operattivi kif ukoll għall-proġetti megħjuna fil-qafas ta’ dawn il-programmi, b’mod li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tagħhom u għalhekk l-impatt tal-investimenti fuq l-ekonomija.

(4)

Jeħtieġ li tissaħħaħ il-possibbiltà għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) li jgħinu lill-Istati Membri għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi.

(5)

B’kont meħud tal-istatus tal-BEI u l-FEI bħala entitajiet finanzjarji rikonoxxuti mit-Trattat, meta jiġu organizzati operazzjonijiet ta’ inġinerija finanzjarja li jinvolvuhom bħala fondi ta’ investiment, għandu jkun possibli li jingħatalhom kuntratt direttament.

(6)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli, jeħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta’ kontribuzzjonijiet in natura meqjusa bħala nefqa eliġibbli fil-kostituzzjoni ta’, jew kontribuzzjonijiet lejn, il-fondi.

(7)

Biex jingħata appoġġ lill-impriżi, u b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, jeħtieġ ukoll aktar flessibilità fil-kondizzjonijiet li jirregolaw il-pagamenti bil-quddiem fil-qafas tal-għajnuniet tal-Istat skont l-Artikolu 87 tat-Trattat.

(8)

Sabiex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-proġetti maġġuri, jeħtieġ li l-ispejjeż relatati mal-proġetti maġġuri li għadhom ma ġewx adottati mill-Kummissjoni, ikunu jistgħu jiġu inklużi fid-dikjarazzjonijiet tan-nefqa.

(9)

Biex jissaħħu r-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u b’hekk ikun iffaċilitat bidu rapidu tal-programmi operattivi f’kuntest ta’ kriżi, jeħtieġ li jiġu modifikati d-dispożizzjonijiet rigwar il-finanzjament bil-quddiem.

(10)

Il-pagament tal-ħlas akkont fil-bidu tal-programmi operattivi għandu jkun kapaċi jiggarantixxi dħul u ħruġ ta’ flus regolari u jiffaċilita l-pagamenti għall-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-programm operattiv. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti xi dispożizzjonijiet għall-pagament tal-kontijiet għall-Fondi strutturali: 7,5 % (għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea hekk kif kienet ikkostitwita qabel l-1 ta’ Mejju 2004) u 9 % (għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara) sabiex jikkontribwixxu biex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi.

(11)

Skont il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali, l-emendi relatati mal-Artikoli 56(2) u 78(1) għandhom japplikaw matul il-perjodu ta’ programmar 2007-2013 kollu. Għalhekk, l-applikazzjoni retroattiva hija neċessarja mill-1 ta’ Awwissu 2006, id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Billi l-kriżi bla preċedent li qed taffettwa is-swieq finanzjarji internazzjonali teħtieġ rispons rapidu biex tilqa’ kontra l-effetti fuq l-ekonomija in ġenerali, emendi oħrajn għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 44, it-tieni subparagrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

meta l-ftehim mhuwiex kuntratt pubbliku ta’ servizz skont il-liġi applikabbli fir-rigward ta’ swieq pubbliċi, l-għoti ta’ għajnuna, stipulata għal dan il-għan bħala kontribuzzjoni finanzjarja diretta permezz ta’ donazzjoni lil xi istituzzjoni finanzjarja mingħajr sejħa għall-offerti, jekk dan isir b’konformità ma’ liġi nazzjonali, huwa kompatibbli mat-Trattat.”;

(b)

għandu jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

l-għoti ta’ kuntratt direttament lill-BEI jew lill-FEI.”;

(2)

fl-Artikolu 46(1), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-BEI jew l-FEI jistgħu, fuq talba tal-Istati Membri, jipparteċipaw fl-azzjonijiet ta’ għajnuna teknika msemmija fl-ewwel subparagrafu.”;

(3)

L-Artikolu 56(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet in natura, l-ispejjeż ta’ deprezzament u n-nefqa ġenerali, jistgħu jiġu ttrattati bħala spejjeż imħallsa mill-benefiċjarji għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet, fil-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

B’ deroga mill-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet in natura, fil-każ ta’ strumenti tal-inġinerija finanzjarja u għall-finijiet tal-Artikolu 78(6)(1), jistgħu jiġu pproċessati bħala nefqa għall-kostituzzjoni tal-fondi jew fondi ta’ titoli jew għall-kontribuzzjoni ta’ dawn, fil-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-ispejjeż imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-regoli ta’ eliġibilità mfassla abbażi tal-paragrafu 4 jipprevedu għall-eliġibilità ta’ tali nefqa;

(b)

l-ammont tan-nefqa huwa ġġustifikat permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn li jkollhom valur ta’ prova ekwivalenti għal riċevuti, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet stabbiliti f’Regolamenti speċifiċi;

(c)

fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet in natura, il-kofinanzjament mill-Fondi ma jaqbiżx it-total tal-ispejjeż eliġibbli bl-esklużjoni tal-valur ta’ tali kontribuzzjonijiet.”;

(4)

L-Artikolu 78 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(1) għandha tinbidel b’dan li ġej:

“In-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji għandha tiġi appoġġata minn fatturi mmarkati bħala mħallsa jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probatorju ekwivalenti, sakemm mhux previst mod ieħor f’Regolamenti speċifiċi għal kull Fond.”;

(b)

fl-Artikolu 78(2): il-punt (b) għandu jitħassar;

(c)

l-Artikolu 78(4) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Meta, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3), il-Kummissjoni tiċħad kontribuzzjoni finanzjarja lil xi proġett maġġuri, id-dikjarazzjoni tan-nefqa li ssegwi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi rrettifikata kif meħtieġ.”;

(5)

fl-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(a)

għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif kienet ikkostitwita qabel l-1 ta’ Mejju 2004: fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv, u fl-2009 2,5 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv;

(b)

għall-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara: fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv u fl-2009 4 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi strutturali għall-programm operattiv;

(c)

meta l-programm operattiv jaqa’ taħt l-objettiv ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea u mill-inqas wieħed mill-parteċipanti huwa Stat Membru li ssieħeb mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara: fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR għall-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR għall-programm operattiv, u fl-2009 4 % tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR għall-programm operattiv.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 1(4) il-punt (a), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2006.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GANDALOVIČ


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.