22.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 17/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 52/2009

tal-21 ta' Jannar 2009

li jniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   TALBA GHAL REVIŻJONI

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘il-pajjiż ikkonċernat’).

B.   PRODOTT

(2)

Il-prodott li tiegħu qed issir reviżjoni huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u hajdroliks, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bħalissa kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u 8431 20 00. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddefiniti bħala trakkijiet b’roti li jirfdu dirgħajn forma ta' furketta li jerfgħu għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, per eżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters), (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (scissor lifts); jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbijiet (weighing trucks) (“il-prodott konċernat”).

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(3)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 (2) li skond dan l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż il-prodott ikkonċernat prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta’ 46,7 % bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji msemmija b'mod speċjali li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

D.   IL-BAŻIJIET GHAR-REVIŻJONI

(4)

L-applikant jallega li hi topera taħt il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif definit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Hu jkompli jallega li ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (“il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”) u li mhu relatat mal-ebda produtturi esportaturi tal-prodott li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq.

(5)

L-applikant jallega wkoll li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu investigattiv oriġinali.

E.   IL-PROĊEDURA

(6)

Il-produtturi Komunitarji magħrufa li huma kkonċernati kienu infurmati bl-applikazzjoni ta' hawn fuq u ngħataw l-opportunità li jikkumentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

(7)

Wara li eżaminat il-provi disponibbli, il-Kummissjoni ikkonkludiet li hemm provi biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni “esportatur ġdid”, skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku Wara li waslet it-talba msemmmija isfel taħt 8(c), ikun iddeterminat jekk l-applikant joperax taħt kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif definit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti biex ikollu dazju individwali stabbilit skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Jekk inhu hekk, il-marġini individwali ta’ dumping tal-applikant ikun ikkalkolat u, jekk jinstab li sar dumping, il-livell tad-dazju li għalih għandha tkun suġġetta l-importazzjoni tieghu fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi determinat.

(8)

Jekk jiġi deċiż li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun hemm bżonn li ssir emenda fuq ir-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005.

(a)

Il-kwestjonarji

Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

(b)

Il-ġbir ta' tagħrif u s-smigħ ta' seduti

Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependu minn jekk il-partijiet jippreżentawx ruħhom matul il-perjodu stipulat mir-Regolament attwali.

(c)

Trattament tal-ekonomija tas-suq/trattament individwali

Fl-eventwalità li l-applikant jipprovdi biżżejjed evidenza li turi li huwa jopera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandhom jintbagħtu talbiet sostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta’ talba lill-applikant, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Din il-formula għat-talbiet tista’ tintuża mill-applikant biex jitolbu trattament individwali, jiġifieri li din tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(d)

L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Fl-eventwalità li l-applikant ma jingħatax trattament ta' ekonomija tas-suq imma jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jintuża pajjiż addattat b'ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tipproponi li terġa' tuża lill-Kanada għal dan l-għan kif sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija xierqa, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-applikant jingħata trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk huwa meħtieġ, anke tuża' sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f'pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li jinbidel kull prezz li mhux kredibbli jew elementi ta' prezz fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk data kredibbli meħtieġa mhijiex disponibbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipproponi li tuża lill-Kanada wkoll għal dan l-għan.

F.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U R-REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET.

(9)

Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant. Fl-istess ħin, tali importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi assigurat li, jekk ir-riżultat tar-reviżjoni juri sejba ta' dumping b'rispett lejn l-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu ta' din ir-reviżjoni. L-ammont tar-responsabilitajiet ġejjiena possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-proċediment.

G.   LIMITI TA' ŻMIEN

(10)

Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta' żmien li matulhom:

(a)

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lilll-Kummissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa 8(a) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies waqt l-investigazzjoni;

(b)

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni;

(c)

il-partijiet interessati fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Kanada li, fl-eventwalità li l-applikant ma jingħatax stat ta’ ekonomija tas-suq, tkun meqjusa bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

(d)

l-applikant għandu jissottometti talba ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew għal trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(11)

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(12)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b’mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

I.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(13)

Huwa innotat li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta. (3)

J.   L-UFFIĊJAL TAS-SMIGĦ

(14)

Huwa innotat ukoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex iħaddmu d-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduti tad-DĠ Kummerċ. Huwa jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din il-proċedura, b’mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websjat tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'dan qed titnieda reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 biex jiġi ddetermiat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (kodiċijiet TARIC 8427900011, 8427900019, 8431200011 u 8431200019) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd. (Kodiċi addizzjonali TARIC A929) għandhom ikunu suġġetti għad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005. Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, il-pallet trucks tal-idejn għandhom ikunu trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq uċuh lixxi, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta' laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, per eżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”),(ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissor lifts”) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (“weighing trucks”).

Artikolu 2

Id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 huwa b'dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri huma b'dan ordnati, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Il-partijiet interessati, biex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw ruħhom lill-Kumissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju msemmi fil-premessa 8(a) ta' dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, fi żmien 40 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku tiddependi fuq kemm il-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi qabel. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta' 40 jum.

2.   Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni li jkunu jridu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Kanada li hu propost bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Talbiet sostanzjati kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew trattament individwali għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 40 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

4.   Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-email, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti”  (4) u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “GĦALL-ISPEZZJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI”.

Kwalunkwe tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat H

Uffiċċju: N-105 4/92

B-1040 Brussell

Fax (32 2) 295 65 05

Artikolu 5

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping ).