27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/44


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/145/KE

tas-26 ta’ Novembru 2009

li tipprevedi ċerti derogi, għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikulari) u varjetajiet tal-ħxejjex tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku u varjetajiet tal-ħxejjex bla ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-landraces u l-varjetajiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 44(2), u l-Artikolu 48(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Il-kwistjonijiet dwar il-bijodiversità u l-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti kibru fl-importanza tagħhom matul dawn l-aħħar snin, kif huwa rifless fi żviluppi differenti fuq livell internazzjonali u Komunitarju. L-eżempji jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (2), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE tal-24 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tal-24 ta’ April 2004 li jistabbilixxi programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1467/94 (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (5). Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi skont id-Direttiva 2002/55/KE biex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kwistjonijiet fir-rigward tat-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ tal-ħxejjex.

(2)

Biex ikunu żgurati l-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, għandhom jitkabbru u jitqiegħdu fis-suq landraces u varjetajiet tradizzjonalment imkabbar f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda mit-tagħwir ġenetiku (varjetajiet ta’ konservazzjoni) ukoll fejn ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ġenerali fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ varjetajiet u t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ. Flimkien mal-iskop ġenerali ta’ protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, l-interess partikulari ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet huwa marbut mal-fatt li huma partikolarment adattati tajjeb għal kundizzjonijiet partikulari lokali.

(3)

Biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, il-varjetajiet li ma għandhom l-ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda li ġew żviluppati biex jikbru f’kundizzjonijiet partikulari (varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari) għandhom jitkabbru u jitqiegħdu fis-suq ukoll fejn ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ġenerali fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ varjetajiet u t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ. Flimkien mal-iskop ġenerali ta’ protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, l-interess partikulari ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet huwa marbut mal-fatt li huma adattati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet klimatiċi, pedagoġiċi jew agrotekniċi partikulari (bħalma huma kura manwali, u ħsad ripetut).

(4)

Biex jiġu ppreservati varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, jeħtieġ li jingħataw derogi fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ dawk il-varjetajiet kif ukoll għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta’ dawk il-varjetajiet.

(5)

Dawk id-derogi għandhom ikunu dwar ir-rekwiżiti sustantivi għall-approvazzjoni ta’ varjetà u r-rekwiżiti proċedurali previsti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/91/KE tas-6 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE fir-rigward tal-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżaminar u l-kundizzjonijiet minimi għall-eżaminar ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (6).

(6)

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikulari, ikunu awtorizzati li jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ preċiżjoni, stabilità u uniformità. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fir-rigward tal-preċiżjoni u l-istabilità, minn tal-inqas ikunu msejsa fuq il-karatteristiċi elenkati fil-kwestjonarju tekniku li jrid jimtela mill-applikant b’konnessjoni mal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-varjetà kif imsemmi fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/91/KE. Fejn l-uniformità hija stabbilita fuq il-bażi ta’ entitajiet mhux tipiċi, id-dipożizzjonijiet għandhom jissejsu fuq standards definiti.

(7)

Għandhom jiġu previsti r-rekwiżiti proċedurali li skonthom varjetà ta’ konservazzjoni jew varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari tista’ tiġi aċċettata mingħajr investigazzjoni uffiċjali. Barra dan, fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ dawk il-varjetajiet, huwa meħtieġ li jiġu previsti ċerti derogi mir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2002/55/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 637/2009 tat-22 ta’ Lulju 2009 li jwaqqaf regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-adattabilità tad-denominazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli u speċi ta’ ħxejjex (7).

(8)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, għandhom jiġu previsti restrizzjonijiet dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa, partikolarment fir-rigward tar-reġjun tal-oriġini, biex jiġi żgurat li t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa jsir fil-kuntest ta’ konservazzjoni in situ u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li japprovaw reġjuni addizzjonali fejn żerriegħa li taqbeż il-kwantitajiet meħtieġa biex tkun żgurata l-konservazzjoni tal-varjetà kkonċernata fir-reġjun ta’ oriġini tagħha tista’ titqiegħed fis-suq, bil-kundizzjoni li dawn ir-reġjuni addizzjonali huma komparabbli fir-rigward ta’ ambjenti naturali u seminaturali. Biex ikun żgurat li titħares ir-rabta mar-reġjun ta’ oriġini, dan ma għandux japplika fejn Stat Membru japprova reġjuni addizzjonali ta’ produzzjoni.

(9)

Għandhom jiġu ffissati restrizzjonijiet kwantitattivi għat-tqegħid fis-suq ta’ kull varjetà ta’ konservazzjoni u kull varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari.

(10)

Fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, il-kwantitajiet ta’ żerriegħa li jitqiegħdu fis-suq għal kull varjetà ma għandhomx jaqbżu l-kwantità meħtieġa biex tipproduċi ħxejjex tal-varjetà kkonċernata fuq wiċċ limitat stipulat skont l-importanza tal-kultivazzjoni tal-ispeċi kkonċernata. Biex ikun żgurat li dawn il-kwantitajiet ikunu rispettati, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-produtturi biex jinnotifikaw il-kwantitajiet ta’ żerriegħa tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni li beħsiebhom jipproduċu u għandhom jallokaw il-kwantitajiet lill-produtturi fejn dan ikun xieraq.

(11)

Għal varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għandu jkollhom l-għamla ta’ obbligu li ż-żerriegħa titqiegħed fis-suq f’imballaġġi żgħar, billi l-ispiża relattivament għolja taż-żerriegħa mibjugħa f’imballaġġi żgħar ikollha l-effett ta’ limitazzjoni kwantitattiva.

(12)

Għal varjetajiet ta’ konservazzjoni u l-varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, it-traċċabilità taż-żerriegħa għandha tiġi żgurata permezz ta’ rekwiżiti xierqa ta’ siġillar u tikkettar.

(13)

Biex jiġi żgurat li din id-Direttiva tiġi applikata kif suppost għelejjel taż-żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċertifikazzjoni u l-verifika taż-żerriegħa. Għandhom jitwettqu kontrolli uffiċjali ta’ segwitu fuq iż-żerriegħa. Għandu jitwettaq monitoraġġ uffiċjali fl-istadji kollha ta’ produzzjoni u tqegħid fis-suq. L-ammonti ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni li jitqiegħdu fis-suq għandhom jiġu rrapurtati mill-fornituri lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(14)

Wara tliet snin il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri previsti f’din id-Direttiva, partikolarment, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, humiex effettivi.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikultura, l-Ortikultura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

1.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-ispeċi tal-ħxejjex koperti mid-Direttiva 2002/55/KE, din id-Direttiva tistipula ċerti derogi, fir-rigward tal-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti peermezz tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq:

(a)

għall-approvazzjoni tal-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex, kif previsit fid-Direttiva 2002/55/KE, ta’ landraces u varjetajiet tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku, minn issa ‘l quddiem “varjetajiet ta’ konservazzjoni”, u

(b)

għall-approvazzjoni għall-inklużjoni fil-katalgi msemmija fil-punt (a) ta’ varjetajiet bl-ebda valur intrinsiku kummerċjali għal produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, minn issa ‘l quddiem “varjetajiet żviluppati biex jikbru f’kundizzjonijiet partikulari”, u

(c)

għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari bħal dawn.

2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva, għandha tapplika d-Direttiva 2002/55/KE.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“konservazzjoni in situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ambjent naturali tiegħu u, fil-każ ta’ speċi ta’ pjanti kkultivati, f’ambjent ikkultivat fejn dawn żviluppaw il-proprjetajiet distintivi tagħhom;

(b)

“tgħawwir ġenetiku” tfisser telf ta’ diversità ġenetika bejn u ġewwa populazzjonijiet u varjetajiet tal-istess speċi biż-żmien, jew tnaqqis fil-bażi ġenetika ta’ speċi kawża ta’ intervenzjoni umana jew bidla fl-ambjent;

(c)

“landrace” tfisser sett ta’ popolazzjonijiet jew kloni ta’ speċi ta’ pjanti li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet ambjentali tar-reġjun tagħhom.

KAPITOLU II

Varjetajiet ta’ konservazzjoni

Taqsima I

Approvazzjoni ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni

Artikolu 3

Varjetajiet ta’ konservazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw varjetajiet ta’ konservazzjoni soġġetti għar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 4 u 5.

2.   Il-varjetajiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu aċċettati kif ġej:

(a)

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw varjetà bħala varjetà ta’ konservazzjoni li ż-żerriegħa tagħha tkun jew iċċertifikata bħala “żerriegħa ċċertifikata ta’ varjetà ta’ konservazzjoni” jew verifikata bħala “żerriegħa standard ta’ varjetà ta’ konservazzjoni”. Varjetà bħal din għandha tiddaħħal f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex bħala “varjetà ta’ konservazzjoni li ż-żerriegħa tagħha għandha tiġi ċċertifikata skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE jew tiġi verifikata skont l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva”;

(b)

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw varjetà bħala varjetà li ż-żerriegħa tagħha tista’ tiġi verifikata biss bħala “żerriegħa standard ta’ varjetà ta’ konservazzjoni”. Varjetà bħal din għandha tiddaħħal f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex bħala “varjetà ta’ konservazzjoni li ż-żerriegħa tagħha għandha tiġi verifikata skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE”.

Artikolu 4

Rekwiżiti sostantivi

1.   Biex tkun approvata bħala varjetà ta’ konservazzjoni, landrace jew varjetà msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tippreżenta interess għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/91/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ preċiżjoni, stabilità u uniformità ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.

F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-preċiżjoni u l-istabilità mill-inqas għandhom japplikaw il-karatteristiċi li msemmija:

(a)

fil-kwestjonarji tekniċi assoċjati mal-protokolli tat-test tal-Uffiċċju Komunitarju dwar il-Varjetà tal-Pjanti (CPVO), għall-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/91/KE, li japplikaw għal dawk l-ispeċi, jew

(b)

fil-kwestjonarji tekniċi tal-Linjigwida tal-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV), għall-sipeċi elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/91/KE, li tapplika għal dawk l-ispeċi.

Għall-valutazzjoni tal-uniformità għandha tapplika d-Direttiva 2003/91/KE.

Madankollu, jekk il-livell ta’ uniformità huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ entitajiet mhux tipiċi, għandu japplika standard tal-popolazzjoni ta’ 10 % u probabilità ta’ approvazzjoni ta’ mill-anqas 90 %.

Artikolu 5

Rekwiżiti proċedurali

B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/55/KE, ma għandux ikun meħtieġ investigar uffiċjali jekk it-tagħrif li ġej ikun biżżejjed għad-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni:

(a)

id-deskrizzjoni tal-varjetà ta’ konservazzjoni u d-denominazzjoni tagħha;

(b)

ir-riżultati ta’ testijiet mhux uffiċjali;

(c)

l-għarfien li nkiseb minn esperjenza prattika matul il-kultivazzjoni, ir-riproduzzjoni u l-użu kif innotifikat mill-applikant għall-Istat Membru kkonċernat;

(d)

tagħrif ieħor, b’mod partikulari minn awtoritajiet ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dan l-iskop mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Esklużjoni tal-approvazzjoni

Varjetà ta’ konservazzjoni ma għandhiex tiġi aċċettata għall-inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet jekk:

(a)

hija diġà elenkata fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex bħala varjetà li mhijiex varjetà ta’ konservazzjoni, jew tħassret minn dak il-katalgu komuni fl-aħħar sentejn, jew il-perjodu li ngħata skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/55/KE skada inqas minn sentejn ilu; jew

(b)

hija protetta minn dritt esklussiv tal-Komunità tal-varjetà tal-pjanta, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (8), jew minn dritt esklussiv nazzjonali tal-varjetà tal-pjanta, jew hemm applikazzjoni pendenti għal dritt bħal dan.

Artikolu 7

Denominazzjoni

1.   Fir-rigward ra’ denominazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni li kienu magħrufa qabel il-25 ta’ Mejju 2000, l-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mir-Regolament (KE) Nru 637/2009, minbarra fejn derogi bħal dawn jiksru drittijiet preċedenti ta’ parti terza li huma protetti permezz tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Minkejja l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2002/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw aktar minn isem wieħed ta’ varjetà jekk l-ismijiet ikkonċernati jkunu storikament magħrufa.

Artikolu 8

Reġjun tal-oriġini

1.   Fejn Stat Membru jaċċetta varjetà ta’ konservazzjoni, huwa għandu jidentifika l-lokalità jew il-lokalitajiet, ir-reġjun jew ir-reġjuni, li fihom storikament tkabbret il-varjetà u li adattat b’mod naturali għalihom, minn issa ‘l quddiem “reġjun tal-oriġini”. Huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni minn awtoritajiet tar-riżorsi tal-ġenetika tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dak l-iskop mill-Istati Membri.

Fejn ir-reġjun ta’ oriġini jinsab f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa għandu jiġi identifikat mill-Istati Membru kollha kkonċernati bi ftehim komuni.

2.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri li jwettqu l-identifikazzjoni tar-reġjun tal-oriġini għandu/għandhom jinnotifika(w) ir-reġjun identifikat lill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Għażla għall-preservazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi preservata varjetà ta’ konservazzjoni fir-reġjun ta’ oriġini tagħha.

Taqsima II

Produzzjoni taż-żerriegħa u t-tqegħid fis-suq tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni

Artikolu 10

Ċertifikazzjoni

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li żerriegħa tal-varjetà ta’ konservazzjoni tista’ tiġi ċċertifikata bħala żerriegħa ċċertifikata ta’ varjetà ta’ konservazzjoni jekk tilħaq ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iż-żerriegħa mnissla minn żerriegħa prodotta skont prassi definita sewwa għall-preservazzjoni tal-varjetà;

(b)

iż-żerriegħa tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ta’ “żerriegħa ċertifikata” prevista fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2002/55/KE, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-purità minima tal-varjetà u r-rekwiżiti dwar l-investigazzjoni uffiċjali jew investigazzjoni taħt superviżjoni uffiċjali;

(c)

iż-żerriegħa għandha purità biżżejjed tal-varjetà.

Artikolu 11

Verifika

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li żerriegħa tal-varjetà ta’ konservazzjoni tista’ tiġi ċċertifikata bħala żerriegħa standard ta’ varjetà ta’ konservazzjoni jekk tilħaq ir-rewkiżiti li ġejjin:

(a)

iż-żerriegħa tikkonforma mar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ “żerriegħa standard” previst fid-Direttiva 2002/55/KE, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-purità minima tal-varjetà;

(b)

iż-żerriegħa għandha purità biżżejjed tal-varjetà.

Artikolu 12

Ittestjar taż-żerriegħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu t-testijiet biex jikkontrollaw li ż-żerriegħa tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 10 u 11.

2.   It-testijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont metodi internazzjonali attwali, jew, fejn metodi bħal dawn ma jeżistux, skont kwalunkwe metodu xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjuni meħuda għat-test imsemmi fil-paragrafu 1 jintgħażlu minn lottijiet omoġeni. Huma għandhom jiżguraw li jiġu applikati r-regoli fuq il-piż tal-lott u l-piż ta’ kampjun kif previst fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/55/KE.

Artikolu 13

Reġjun tal-produzzjoni taż-żerriegħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żerriegħa tal-varjetà ta’ konservazzjoni tista’ tiġi prodotta biss fir-reġjun ta’ oriġini.

Jekk iż-żerriegħa ma tistax tiġi prodotta f’dak ir-reġjun, minħabba problema ambjentali speċifika, l-Istati Membri jistgħu japprovaw reġjuni addizzjonali għal produzzjoni taż-żerriegħa filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni tagħrif dwar minn awtoritajiet dwar riżors ġenetiku tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dan l-iskop mill-Istati Membri. Minkejja dan, żerriegħa prodotta f’dawk ir-reġjuni addizzjonali għandha tiġi użata esklussivament fir-reġjun tal-oriġini.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bir-reġjuni li beħsiebhom japprovaw għall-produzzjoni taż-żerriegħa skont il-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jistgħu, fi żmien 20 jum ta’ ħidma mill-wasla ta’ dawk in-notifiki, jirrikjedu li l-kwistjoni titressq quddiem il-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikultura, l-Ortikultura u l-Forestrija. Għandha tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 48(1)(b) tad-Direttiva 2002/55/KE, biex jitfasslu, jekk ikun meħtieġ, restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ reġjuni bħal dawn.

Jekk la l-Kummissjoni u lanqas Stat Membru ieħor ma jagħmlu talba skont it-tieni subparagrafu, l-Istat Membru rilevanti jista’ japprova r-reġjuni addizzjonali għal produzzjoni taż-żerriegħa kif kien innotifikat.

Artikolu 14

Kundizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żerriegħa tal-varjetà ta’ konservazzjoni tista’ titqiegħed fis-suq biss soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

hija ġiet prodotta fir-reġjun ta’ oriġini tagħha jew f’reġjun imsemmi fl-Artikolu 13;

(b)

it-tqegħid fis-suq isir fir-reġjun ta’ oriġini tagħha.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1(b), Stat Membru jista’ japprova reġjuni addizzjonali fit-territorju tiegħu stess għat-tqegħid fis-suq ta’ varjetà ta’ konservazzjoni bil-kundizzjoni li dawk ir-reġjuni huma komparabbli għar-reġjun ta’ oriġini f’dak li għandu x’jaqsam mal-abitat naturali u seminaturali ta’ dik il-varjetà.

Fil-każ fejn l-Istati Membri japprovaw reġjuni addizzjonali bħal dawn, huma għandhom jiżguraw l-ammont ta’ żerriegħa meħtieġa għall-produzzjoni ta’ mill-inqas il-kwantità ta’ żerriegħa msemmija fl-Artikolu 15 ikun riservat biex jikkonserva l-varjetà fir-reġjun ta’ oriġini tagħha.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bl-approvazzjoni ta’ reġjuni addizzjonali bħal dawn.

3.   Fil-każ fejn Stat Membru japprova reġjuni addizzjonali għal produzzjoni taż-żerriegħa skont l-Artikolu 13, huwa ma għandux juża d-deroga prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Restrizzjonijiet kwantitattivi

Kull Stat Membru għandu jiżgura li, għal kull varjetà ta’ konservazzjoni, il-kwantità taż-żerriegħa mqiegħda fis-suq ma taqbiżx il-kwantità meħtieġa għall-produzzjoni tal-ħxejjex fuq l-għadd ta’ ettari stipulat fl-Anness I għall-ispeċi rispettivi.

Artikolu 16

Applikazzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jinnotifikawhom qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ produzzjoni bid-daqs u l-akkwati taż-żona għall-produzzjoni taż-żerriegħa.

2.   Jekk, abbażi tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, il-kwantitajiet stipulati fl-Istati Membri skont l-Artikolu 15 x’aktarx jinqabżu, l-Istati Membri għandhom jallokaw lil kull produttur ikkonċernat il-kwantità li jista’ jqiegħed fis-suq fl-istaġun rispettiv ta’ produzzjoni.

Artikolu 17

Siġill tal-imballaġġi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa tal-varjetà tal-konservazzjoni tista’ titqiegħed fis-suq biss f’imballaġġi magħluqa li jkollhom tagħmir ta’ siġill.

2.   Imballaġġi taż-żerriegħa għandhom jiġu ssiġillati b’tali mod li ma jistgħux jinfetħu mingħajr ma jirvinaw is-sistema ta’ siġill jew mingħajr ma jħallu evidenza ta’ tbagħbis fuq it-tikketta tal-fornitur jew fuq l-imballaġġ.

3.   Biex jiġi żgurat siġill skont il-paragrafu 2, is-sistema ta’ siġill għandha tinkludi mill-inqas tikketta jew it-twaħħil ta’ siġill.

Artikolu 18

Tikkettar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imballaġġi jew ir-reċipjenti ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jkollhom tikketta tal-fornitur jew avviż stampat jew ittimbrat li jinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

il-kliem “regoli u standards tal-KE”;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-persuna reponsabbli li twaħħal it-tikketti jew il-marka tal-identifikazzjoni tiegħu;

(c)

is-sena ta’ siġill miktuba bħala: “siġill fi …”(is-sena), jew is-sena tal-aħħar teħid ta’ kampjuni għall-iskopijiet tal-aħħar ittestjar tal-ġerminazzjoni miktuba bħala: “meħud bħala kampjun fi …”(is-sena);

(d)

l-ispeċi;

(e)

id-denominazzjoni tal-varjetà tal-konservazzjoni;

(f)

il-kliem “żerriegħa ċertifikata ta’ varjetà ta’ konservazzjoni” jew “żerriegħa standard ta’ varjetà ta’ konservazzjoni”;

(g)

ir-reġjun tal-oriġini;

(h)

meta r-reġjun ta’ produzzjoni taż-żerriegħa jkun differenti mir-reġjun tal-oriġini, l-indikazzjoni tar-reġjun tal-produzzjoni taż-żerriegħa;

(i)

in-numru ta’ referenza tal-lott mogħti mill-persuna responsabbli li twaħħal it-tikketti;

(j)

il-piż nett jew gross iddikjarat, jew l-għadd dikjarat ta’ żrieragħ;

(k)

meta l-piż ikun indikattiv u jintużaw pestiċidi granulati, sustanzi fl-għamla ta’ pretkuni jew addittivi solidi oħra, in-natura tat-trattament kimiku jew l-addittiv u l-proporzjon approssimattiv bejn il-piż tal-ħbub jew żrieragħ puri u l-piż totali.

Artikolu 19

Kontroll uffiċjali ta’ segwitu

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa tal-varjetà tal-konservazzjoni mqiegħda fis-suq skont din id-Direttiva tkun soġġetta għal spezzjonijiet aleatorji ta’ kontroll uffiċjali ta’ segwitu biex jivverifikaw l-identità tagħha tal-varjetà u l-purità tagħha tal-varjetà.

Il-kontroll uffiċjali ta’ segwitu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq skont metodi internazzjonali attwali, jew, fejn metodi bħal dawn ma jeżistux, skont kwalunkwe metodu xieraq.

Artikolu 20

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw permezz ta’ monitoraġġ uffiċċjali matul il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq li ż-żerriegħa tikkonforma ma’ dan il-Kapitolu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-varjetà, l-akkwati tal-produzzjoni taż-żerriegħa u l-kwantitajiet.

KAPITOLU III

Varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari

Taqsima I

Approvazzjoni ta’ varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari

Artikolu 21

Varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari

1.   L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari soġġetti għar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 22 u 23.

2.   L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari bħala varjetà li għandha żerriegħa li tista’ tiġi verifikata biss bħala “żerriegħa standard ta’ varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikolari”. Varjetà bħal din għandha tiddaħħal fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex bħala “varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari li għandha żerriegħa li għandha tiġi vverifikata skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE”.

Artikolu 22

Rekwiżiti sostantivi

1.   Biex tiġi aċċettata bħala varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(b), varjetà ma għandu jkollha l-ebda valur kummerċjali intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari.

Varjetà għandha titqies li ġiet żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari jekk ġiet żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet agrotekniċi, klimatiċi jew pedagoġiċi partikulari.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/91/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ diffrenzjar, stabilità u uniformità tal-varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari.

F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għad-differenzjar u l-istabilità mill-inqas għandhom japplikaw il-karatteristiċi msemmija:

(a)

fil-kwestjonarji tekniċi assoċjati mal-protokolli tat-testijiet tal-Uffiċċju tal-Komunità tal-Varjetà tal-Pjanti (UKVP), għall-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/91/KE, li japplikaw għal dawk l-ispeċi, jew

(b)

fil-kwestjonarji tekniċi tal-Linjigwida tal-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (UPOV), għall-ispeċi elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/91/KE, li japplikaw għal dawk l-ispeċi.

Għall-valutazzjoni tal-uniformità, għandha tapplika d-Direttiva 2003/91/KE.

Minkejja dan, jekk il-livell tal-uniformità jiġi stabbilit abbażi ta’ entitajiet mhux tipiċi, għandhom jiġu applikati standard tal-popolazzjoni ta’ 10 % u probabilità ta’ approvazzjoni ta’ mill-inqas 90 %.

Artikolu 23

Rekwiżiti proċedurali

Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/55/KE, ma għandha tintalab l-ebda investigazzjoni uffiċjali jekk it-tagħrif li ġej ikun biżżejjed għad-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari:

(a)

id-deskrizzjoni tal-varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari u d-denominazzjoni tagħhom;

(b)

ir-riżultati tat-testijiet mhux ufffiċjali;

(c)

l-għarfien li nkiseb mill-esperjenza prattika waqt il-kultivazzjoni, ir-riproduzzjoni u l-użu, kif innotifikat mill-applikant lill-Istat Membru kkonċernat;

(d)

tagħrif ieħor, partikolarment minn awtoritajiet tar-riżorsi tal-ġenetika tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dan l-iskop mill-Istati Membri.

Artikolu 24

Esklużjoni tal-approvazzjoni

Varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari ma għandhiex tiġi aċċettata għall-inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet jekk:

(a)

hija diġà elenkata fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex bħala varjetà li mhijiex varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari, jew tħassret minn dak il-katalgu komuni fl-aħħar sentejn, jew il-perjodu li ngħata skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/55/KE skada inqas minn sentejn ilu; jew

(b)

hija protetta minn dritt esklussiv tal-Komunità tal-varjetà tal-pjanta, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, minn dritt esklussiv nazzjonali tal-varjetà tal-pjanta, jew jekk hemm applikazzjoni pendenti għal dritt bħal dan.

Artikolu 25

Denominazzjoni

1.   Fir-rigward ra’ denominazzjonijiet ta’ varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari li kienu magħrufa qabel il-25 ta’ Mejju 2000, l-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mir-Regolament (KE) Nru 637/2009, minbarra fejn derogi bħal dawn jiksru drittijiet preċedenti ta’ parti terza li huma protetti permezz tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Minkejja l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2002/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw aktar minn isem wieħed ta’ varjetà jekk l-ismijiet ikkonċernati jkunu storikament magħrufa.

Taqsima II

Tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari

Artikolu 26

Verifika

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li żerriegħa tal-varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari tista’ tiġi verifikata bħala żerriegħa standard ta’ varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari jekk tilħaq ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iż-żerriegħa tikkonforma mar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ ‘żerriegħa standard’ previst fid-Direttiva 2002/55/KE, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-purità minima tal-varjetà;

(b)

iż-żerriegħa għandha purità biżżejjed tal-varjetà.

Artikolu 27

Ittestjar taż-żerriegħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu t-testijiet biex jikkontrollaw li ż-żerriegħa tal-varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari tikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 26.

2.   It-testijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont metodi internazzjonali attwali, jew, fejn metodi bħal dawn ma jeżistux, skont kwalunkwe metodu xieraq.

Artikolu 28

Restrizzjonijiet kwantitattivi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żerriegħa ta’ varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari titqiegħed fis-suq f’imballaġġi żgħar, li ma jaqbżux il-piż nett stipulat għal kull speċi fl-Anness II.

Artikolu 29

Siġill tal-pakketti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa tal-varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari tista’ titqiegħed fis-suq biss f’imballaġġi magħluqa li jkollhom tagħmir ta’ siġill.

2.   Imballaġġi taż-żerriegħa għandhom jiġu ssiġillati b’tali mod li ma jistgħux jinfetħu mingħajr ma jirvinaw is-sistema ta’ siġill jew mingħajr ma jħallu evidenza ta’ tbagħbis fuq it-tikketta tal-fornitur jew fuq l-imballaġġ.

3.   Biex jiġi żgurat siġill skont il-paragrafu 2, is-sistema ta’ siġill għandha tinkludi mill-inqas tikketta jew it-twaħħil ta’ siġill.

Artikolu 30

Tikkettar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imballaġġi ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari jkollhom tikketta tal-fornitur jew avviż stampat jew ittimbrat li jinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

il-kliem “regoli u standards tal-KE”;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-persuna reponsabbli li twaħħal it-tikketti jew il-marka tal-identifikazzjoni tiegħu;

(c)

is-sena ta’ siġill espressa bħala: “siġill fi …”(is-sena), jew is-sena tal-aħħar teħid ta’ kampjuni għall-iskopijiet tal-aħħar ittestjar tal-ġerminazzjoni miktuba bħala: “meħud bħala kampjun fi …”(is-sena);

(d)

l-ispeċi;

(e)

id-denominazzjoni tal-varjetà;

(f)

il-kliem “varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari”;

(g)

in-numru ta’ referenza tal-lott mogħti mill-persuna responsabbli li twaħħal it-tikketti;

(h)

il-piż nett jew gross iddikjarat, jew l-għadd dikjarat ta’ żrieragħ;

(i)

meta l-piż ikun indikattiv u jintużaw pestiċidi granulati, sustanzi fl-għamla ta’ pretkuni jew addittivi solidi oħra, in-natura tat-trattament kimiku jew l-addittiv u l-proporzjon approssimattiv bejn il-piż tal-ħbub puri taż-żrieragħ u l-piż totali.

Artikolu 31

Kontroll uffiċjali ta’ segwitu

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa tal-varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari tkun soġġetta għal spezzjonijiet aleatorji ta’ kontroll uffiċjali ta’ segwitu biex jivverifikaw l-identità tagħha tal-varjetà u l-purità tagħha tal-varjetà.

Il-kontroll uffiċjali ta’ segwitu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq skont metodi internazzjonali attwali, jew, fejn metodi bħal dawn ma jeżistux, skont kwalunkwe metodu xieraq.

Artikolu 32

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw permezz ta’ monitoraġġ uffiċjali matul il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq li ż-żerriegħa tikkonforma ma’ dan il-Kapitolu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-varjetà u l-kwantitajiet.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 33

Rappurtar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri li joperaw fit-territorju tagħhom jirrappurtaw għal kull staġun ta’ produzzjoni l-ammont imqiegħed fis-suq ta’ żerriegħa ta’ kull varjetà ta’ konservazzjoni u ta’ kull varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari.

Meta jintalbu, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-ammont imqiegħed fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ kull varjetà ta’ konservazzjoni u ta’ kull varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari.

Artikolu 34

Notifika tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ riżorsi tal-ġenetika tal-pjanti

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti msemmija fl-Artikolu 5(d), l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(d).

Artikolu 35

Evalwazzjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 36

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza ta’ dan it-tip fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir din it-tip ta’ referenza.

2.   L-Istati membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.

(2)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 378, 23.12.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 254, 8.10.2003, p. 11.

(7)  ĠU L 191, 23.7.2009, p. 10.

(8)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.


ANNESS I

Restrizzjonijiet kwantitattivi għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 15

Isem botaniku

Numru massimu ta’ ettari għal kull Stat Membru għal produzzjoni ta’ ħxejjex għal kull varjetà ta’ konservazzjoni

Allium cepa L. - grupp Cepa

Brassica oleracea L.

Brassica rapa L.

Capsicum annuum L.

Cichorium intybus L.

Cucumis melo L.

Cucurbita maxima Duchesne

Cynara cardunculus L.

Daucus carota L.

Lactuca sativa L.

Lycopersicon esculentum Mill.

Phaseolus vulgaris L.

Pisum sativum L. (partim)

Vicia faba L. (partim)

40

Allium cepa L. - grupp Aggregatum–

Allium porrum L.

Allium sativum L.

Beta vulgaris L.

Citrullus lanatus (Thunb.) Matsum. et Nakai

Cucumis sativus L.

Cucurbita pepo L.

Foeniculum vulgare Mill.

Solanum melongena L.

Spinacia oleracea L.

20

Allium fistulosum L.

Allium schoenoprasum L.

Anthriscus cerefolium (L.) Hoffm.

Apium graveolens L.

Asparagus officinalis L.

Cichorium endivia L.

Petroselinum crispum (Mill.) Nyman ex A. W. Hill

Phaseolus coccineus L.

Raphanus sativus L.

Rheum rhabarbarum L.

Scorzonera hispanica L.

Valerianella locusta (L.) Laterr.

Zea mays L. (partim)

10


ANNESS II

Piż massimu nett għal kull imballaġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 28

Isem botaniku

Piż massimu nett għal kull imballaġġ fi grammi

Phaseolus coccineus L.

Phaseolus vulgaris L.

Pisum sativum L. (partim)

Vicia faba L. (partim)

Spinacia oleracea L.

Zea mays L. (partim)

250

Allium cepa L. [grupp cepa, grupp aggregatum]

Allium fistulosum L.

Allium porrum L.

Allium sativum l.

Anthriscus cerefolium (L.) Hoffm.

Beta vulgaris L.

Brassica rapa L.

Cucumis sativus L.

Cucurbita maxima Duchesne

Cucurbita pepo L.

Daucus carota L.

Lactuca sativa L.

Petroselinum crispum (Mill.) Nyman ex A. W. Hill

Raphanus sativus L.

Scorzonera hispanica L.

Valerianella locusta (L.) Laterr.

25

Allium schoenoprasum L.

Apium graveolens L.

Asparagus officinalis L.

Brassica oleracea L. [all]

Capsicum annuum L.

Cichorium endivia L.

Cichorium intybus L.

Citrullus lanatus (Thunb.) Matsum. et Nakai

Cucumis melo L.

Cynara cardunculus L.

Lycopersicon esculentum Mill.

Foeniculum vulgare Mill.

Rheum rhabarbarum L.

Solanum melongena L.

5