24.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/20 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/141/KE
tat-23 ta’ Novembru 2009
li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi tal-arseniku, it-teobromina, id-Datura sp., ir-Ricinus communis L., il-Croton tiglium L. u l-Abrus precatorius L.
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2002/32/KE tistipola li l-użu ta’ prodotti li huma intenzjonati għall-għalf għall-annimali li fihom livelli ta’ sustanzi mhux mixtieqa li jaqbżu l-livelli massimi stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva huwa pprojbit. |
(2) |
Fir-rigward ta’ prodotti tal-għalf li jkunu ġejjin mill-ipproċessar tal-ħut jew minn annimali oħrajn tal-baħar, informazzjoni reċenti mwassla minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-preżenza tat-total ta’ arseniku (is-somma ta’ arseniku organiku u inorganiku) tindika li hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli massimi tat-total ta’ arseniku. Prodotti sekondarji mill-industrija tal-iffilittjar tal-ħut huma materja prima importanti għall-produzzjoni tal-għalf tal-ħut u taż-żejt tal-ħut għall-użu fl-għalf imħallat, partikolarment l-għalf tal-ħut. |
(3) |
Iż-żieda fil-livelli massimi tat-total ta’ arseniku fil-prodotti tal-għalf li jkunu ġejjin mill-ipproċessar tal-ħut u ta’ annimali oħrajn tal-baħar u fil-prodotti tal-għalf għall-ħut ma timplika ebda bidla fil-livelli massimi ta’ arseniku inorganiku. Minħabba li l-effetti potenzjali mhux mixtieqa tal-arseniku fuq saħħet l-annimali u saħħet il-bniedem huma stabbiliti mill-frazzjoni inorganika f’għalf jew fi prodotti tal-ikel partikolari, u minħabba li t-taħlitiet tal-arseniku organiku jimmanifestaw potenzjal tossiku tabilħaqq baxx (2), il-livelli miżjuda tat-total ta’ arseniku ma jaffettwawx il-ħarsien tas-saħħa tal-annimali u dik pubblika. |
(4) |
Fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, l-arseniku jirreferi għat-total ta’ arseniku għall-fini li jiġu stabbiliti l-livelli massimi minħabba li ma jeżisti ebda metodu ta’ rutina standard għall-analiżi tal-arsemiku inorganiku. Iżda għall-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jitolbu analiżi tal-kontenut tal-arseniku organiku, dak l-Anness jistabbilixxi livell massimu ta’ arseniku inorganiku. |
(5) |
Minħabba li f’xi każijiet il-metodu ta’ estrazzjoni għandu influwenza sinifikanti fuq ir-riżultat analitiku tat-total ta’ arseniku, huwa f’loku li tiġi speċifikata proċedura ta’ estrazzjoni għal referenza sabiex tintuża f’verifiki uffiċjali. |
(6) |
L-informazzjoni mwassla mill-awtoritajiet kompetenti u minn organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tindika livelli sinifikanti ta’ arseniku fl-addittivi li jappartjenu għall-grupp funzjonali ta’ taħlitiet ta’ elementi ta’ traċċa, awtorizzati bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Huwa f’loku li jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ arseniku f’dawn l-addittivi biex titħares is-saħħa tal-annimali u dik pubblika. |
(7) |
Fir-rigward tat-teobromina, fl-opinjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2008 (4) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) ikkonkludiet li jista’ jagħti l-każ li l-livelli massimi ta’ teobromina kif stabbiliti fil-preżent mhumiex iħarsu għal kollox lil xi wħud mill-ispeċi tal-annimali. L-Awtorità ġibdet l-attenzjoni dwar il-possibbiltà ta’ effetti mhux mixtieqa fuq il-ħnieżer, il-klieb u ż-żwiemel, u dwar il-produzzjoni tal-ħalib fil-baqar tal-ħlib. Għaldaqstant huwa f’loku li jiġu stabbiliti livelli massimi aktar baxxi. |
(8) |
Fir-rigward tal-alcaloids fid-Datura sp., fl-opinjoni tagħha tad-9 ta’ April 2008 (5) l-EFSA kkonkludiet li, minħabba li l-alcaloids tropani huma preżenti fid-Datura sp. kollha, ikun f’loku li fl-interess tal-ħarsien ta’ saħħet l-annimali, speċjalment fil-każ tal-ħnieżer, jiġu estiżi l-livelli massimi tad-Datura stramonium L., kif stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, għad-Datura sp kollha. |
(9) |
Fir-rigward tar-ricin (mir-Ricinus communis L.), fl-opinjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2008 (6) l-EFSA kkonkludiet li, minħabba l-effetti tossiċi simili tat-tossiċi mir-Ricinus communis L. (ricin), il-Croton tiglium L. (crotin) u l-Abrus precatorius L. (abrin), huwa f’loku li għar-Ricinus communis L. jiġu applikati l-livelli massimi kif stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, anki għall-Croton tiglium L. u l-Abrus precatorius L., separatament jew inkella flimkien. |
(10) |
Id-Direttiva 2002/32/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ. |
(11) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.
(2) L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (l-EFSA) fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, b’rabta mal-arseniku bħala sustanza mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali, The EFSA Journal (2005) 180, 1-35.
(3) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(4) L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riċin (mir-Ricinus communis) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 725, 1-66.
(5) L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea relatata mal-alcaloids (mid-Datura sp.) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 691, 1-55.
(6) L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riċin (mir-Ricinus communis) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 726, 1-38.
ANNESS
L-Anness I għad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat kif ġej:
(1) |
Ir-Ringiela 1, Arseniku, tinbidel b’li ġej:
|
(2) |
Ir-Ringiela 10, Teobromina, tinbidel b’li ġej:
|
(3) |
Ir-Ringiela 14, Żerriegħa tal-ħaxix ħażin u frott mhux mitħun u mhux mgħaffeġ li fihom l-alcaloids, il-glucosides jew sustanzi tossiċi oħra, qed tinbidel b’dan li ġej:
|
(4) |
Ir-Ringiela 15, Il-pjanta ta’ żejt ir-riġnu – Ricinus communis L., tinbidel b’li ġej:
|
(5) |
Ir-Ringiela 34, Krotonu – Croton tiglium L, titħassar. |
(*) Il-livelli massimi jirreferu għat-total ta’ arseniku.
(**) Il-livelli massimi jirreferu għad-determinazzjoni analitika tal-arseniku, fejn l-estrazzjoni ssir fl-aċidu nitriku (5 % w/w) għal 30 minuta f’temperatura tbaqbaq. Proċeduri ta’ estrazzjoni ekwivalenti jistgħu jiġu applikati fil-każijiet fejn jintwera li l-proċedura ta’ estrazzjoni użata tagħti l-istess effiċjenza ta’ estrazzjoni.
(***) Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, l-operatur responsabbli jrid iwettaq analiżi biex juri li l-kontenut tal-arseniku inorganiku huwa anqas minn 2 ppm. Din l-analiżi hija partikolarment importanti għall-ispeċi tal-alka tal-baħar Hizikia fusiforme.”
(****) Kemm-il darba wieħed ikun jista’ jiddetermina dan permezz tal-mikroskopija analitika.”