25.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 310/34 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/133/KE
tad-19 ta’ Ottubru 2009
dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri
(verżjoni kodifikata)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat, ta’ SE jew SCE, bejn Stati Membri (3) ġiet emendata diversi drabi (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ- ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata. |
(2) |
Il-mergers, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferimenti tal-assi u l-iskambji ta’ ishma li jirrigwardaw kumpanniji fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex joħolqu ġewwa l-Komunità kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiżguraw il-funzjonament b’mod effettiv ta’ suq intern bħal dan. Dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla b’restrizzjonijiet, żvantaġġi jew tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ, rigward dawn il-ħidmiet, li jiġu pprovduti regoli tat-taxxa li jkunu newtrali mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex iħallu lill-intrapriżi jadattaw lilhom infushom skont il-ħtiġiet tas-suq intern, biex iżidu l-produttività tagħhom u jtejbu s-saħħa kompetittività tagħhom fil-livell internazzjonali. |
(3) |
Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa jiżvantaġġaw dawn il-ħidmiet, meta mqabbla ma’ dawk li jirrigwardaw il-kumpanniji fl-istess Stat Membru. Huwa meħtieġ li jitneħħew dawn l-iżvantaġġi. |
(4) |
Mhux possibbli li jinkiseb dan il-għan b’estensjoni fil-livell Komunitarju tas-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri, ġaladarba d-differenzi bejn dawn is-sistemi x’aktarx li jwasslu għal tagħwiġ. Sistema komuni tat-taxxa biss hija kapaċi tipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti f’dan ir-rigward. |
(5) |
Is-sistema komuni tat-taxxi għandha tevita l-impożizzjoni tat-taxxi rigward il-mergers, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferimenti tal-assi jew l-iskambji tal-ishma, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi jew li tiġi akkwistata. |
(6) |
Rigward il-mergers, id-diviżjonijiet jew it-trasferimenti tal-assi, dawn il-ħidmiet normalment jirriżultaw jew fit-trasformazzjoni tal-kumpannija li tittrasferixxi fi stabbiliment permanenti tal-kumpannija li tirċievi l-assi jew l-assi jiġu magħquda ma’ stabbiliment permanenti tal-kumpannija tal-aħħar. |
(7) |
Is-sistema tad-differiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li għandhom x’jaqsmu ma l-assi ttrasferiti sad-disponiment attwali tagħhom, applikati għal dawk minn dawn l-assi li jiġu ttrasferiti lil dan l-istabbiliment permanenti, tippermetti l-eżenzjoni mit-tassazzjoni tal-qligħ kapitali korrispondenti, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li fl-aħħar mill-aħħar jiġu ntaxxati mill-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi fid-data tad-disponiment tagħhom. |
(8) |
Filwaqt li l-kumpanniji elenkati fl-Anness I, Parti A huma kontribwenti korporattivi fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, uħud minnhom jistgħu jkunu meqjusa bħala fiskalment trasparenti minn Stati Membri oħra. Sabiex tinżamm l-effettivita’ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li jittrattaw kontribwenti korporattivi mhux residenti bħala fiskalment trasparenti għandhom jagħtuhom l-benefiċċji ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva meta jintaxxaw lil azzjonist dirett jew indirett ta’ dawk il-kontribwenti. |
(9) |
Huwa wkoll meħtieġ li jiġi ddefinit ir-reġim tat-taxxi li japplika għal ċerti dispożizzjonijiet, riservi jew telf mill-kumpannija li tittrasferixxi u li jiġu solvuti l-problemi dwar it-taxxi li jinqalgħu meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha sehem mill-kapital tal-oħra. |
(10) |
L-allokazzjoni lill-azzjonisti fil-kumpannija li tittrasferixxi tat-titoli tal-kumpannija li tirċievi jew ta’ dik li takkwista l-ishma ma għandha fiha nfisha toħloq l-ebda tassazzjoni f’idejn dawn l-azzjonisti. |
(11) |
Id-deċiżjoni ta’ SE jew SCE li torganizza mill-ġdid in-negozju tagħha billi tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha m’għandux jixxekkel minn regoli tat-taxxa diskriminatorji jew minn restrizzjonijiet, żvantaġġi jew distorzjonijiet naxxenti minn leġislazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa li tmur kontra il-liġi Komunitarja. It-trasferiment, jew avveniment konness ma’ dak it-trasferiment jista’ jirriżulta f’xi forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru li minnu jiġi trasferit l-uffiċċju. F’każ fejn l-assi tas-SE jew tas-SCE jibqgħu effettivament konnessi ma’ stabbiliment permanenti li jinsab fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, dak l-istabbiliment permanenti għandu jgawdi benefiċċji simili għal dawk previsti fl-Artikoli 4, 5 u 6. Barra minn dan, it-tassazzjoni tal-azzjonisti fl-okkażjoni tat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat għandu jiġi eskluż. |
(12) |
Din id-Direttiva ma tittrattax it-telf ta’ stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor rikonoxxut fl-Istat Membru tar-residenza ta’ SE jew SCE. B’mod partikolari, fejn l-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE jiġi trasferit fi Stat Membru ieħor, dak it-trasferiment ma jżommx lill-Istat Membru tar-residenza ta’ qabel milli jerġa’ jintegra t-telf tal-istabbiliment permanenti fi żmien xieraq. |
(13) |
Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew il-possibbiltà li jirrifjutaw li japplikaw din id-Direttiva meta l-merger, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferiment tal-assi, l-iskambji tal-ishma jew it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE, għandha bħala l-għan tagħha l-evażjoni mit-taxxi jew il-ħarbien minnhom jew tirriżulta illi kumpannija, sewwa jekk tieħu parti jew le fil-ħidma, ma tibqax twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema fl-organi tal-kumpannija. |
(14) |
Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva hu l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern, bħal ma hi t-tassazzjoni doppja. Sakemm dan ma jinkisebx għal kollox bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu dan l-għan. |
(15) |
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva għal dan li ġej:
(a) |
mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jinvolvu kumpanniji minn żewġ Stati Membri jew aktar; |
(b) |
trasferimenti tal-uffiċċju reġistrat minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor ta’ kumpannija Ewropea (Societas Europaea jew SE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (5), u Soċjeta’ Koperattiva Ewropea (SCE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (6). |
Artikolu 2
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“merger” tfisser ħidma li biha:
|
(b) |
“diviżjoni” tfisser ħidma li biha kumpannija, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil żewġ kumpanniji eżistenti jew iktar jew lil kumpanniji ġodda, bi skambju għall-ħruġ pro rata lill-azzjonisti tagħha ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanniji li jirċievu l-attiv u l-passiv, u, jekk japplika, ħlas fi flus kontanti li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-valur tal-parita kontabbli ta’ dawn it-titoli; |
(c) |
“diviżjoni parzjali” tfisser ħidma li biha kumpannija tittrasferixxi, mingħajr ma tiġi xolta, fergħa waħda jew aktar ta’ attività, lil kumpannija waħda jew aktar eżistenti jew ġodda, u tħalli mill-inqas fergħa waħda ta’ attività fil-kumpannija li tittrasferixxi, bi skambju mal-ħruġ pro-rata lill-azzjonisti tagħha ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanniji li jirċievu l-attiv u l-passiv, u, jekk hu applikabbli, ħlas fi flus kontanti li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-valur tal-parità kontabbli ta’ dawk it-titoli; |
(d) |
“trasferiment tal-assi” tfisser ħidma li biha kumpannija tittrasferixxi mingħajr ma tiġi xolta, il-fergħat kollha, jew waħda jew iktar minn waħda minnhom tal-attività tagħha lil kumpannija oħra bi skambju għat-trasferiment ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirċievi t-trasferiment; |
(e) |
“skambju ta’ ishma” tfisser ħidma li biha kumpannija takkwista sehem fil-kapital ta’ kumpannija oħra tali li tikseb maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot f’dik il-kumpannija, jew, tiddetjeni tali maġġoranza, takkwista sehem ulterjuri, bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija tal-aħħar, bi skambju mat-titoli tagħhom, ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tal-ewwel, u, jekk hu applikabbli, pagament fi flus kontanti li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-valur tal-parità kontanti tat-titoli maħruġa bi skambju; |
(f) |
“kumpannija li tittrasferixxi” tfisser il-kumpannija li tittrasferixxi l-attiv u l-passiv tagħha jew li tittrasferixxi l-fergħat kollha jew waħda jew iktar minn waħda tal-attività tagħha; |
(g) |
“kumpannija li tirċievi” tfisser il-kumpannija li tirċievi l-attiv u l-passiv jew il-fergħat kollha jew waħda jew iktar minn waħda tal-attività tal-kumpannija li tittrasferixxi; |
(h) |
“kumpannija akkwistata” tfisser il-kumpannija li fiha jiġi akkwistat minn kumpannija oħra permezz ta’ skambju tat-titoli; |
(i) |
“kumpannija li takkwista” tfisser il-kumpannija li takkwista permezz ta’ skambju tat-titoli; |
(j) |
“fergħa tal-attività” tfisser l-attiv u l-passiv kollu ta’ diviżjoni ta’ kumpannija li mil-lat organizzattiv tikkostitwixxi negozju indipendenti, jiġifieri entità kapaċi li tiffunzjona bil-mezzi tagħha nfisha; |
(k) |
“trasferiment tal-uffiċċju reġistrat” tfisser ħidma li biha SE jew SCE, mingħajr ma jsir stralċ jew toħloq persuna ġuridika ġdida, tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor. |
Artikolu 3
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, “kumpannija minn Stat Membru” għandha tfisser kull kumpannija li:
(a) |
tieħu waħda mill-għamliet elenkati fl-Anness I Parti A; |
(b) |
skont il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata li hija residenti f’dan l-Istat Membru għall-għanijiet tat-taxxa u, skont it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma’ pajjiż terz, mhix ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa; u |
(c) |
hija suġġetta għal waħda mit-taxxi elenkati fl-Anness I, Parti B, mingħajr il-possibbiltà ta’ għażla jew li tiġi eżentata minnhom, jew għal kull taxxa oħra li tista’ tiġi sostitwita għal kull waħda minn dawn it-taxxi. |
KAPITOLU II
REGOLI APPLIKABBLI GĦAL MERGERS, DIVIŻJONIJIET, DIVIŻJONIJIET PARZJALI, GĦAT-TRASFERIMENT TAL-ASSI U SKAMBJI TA’ ISHMA
Artikolu 4
1. Merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali m’għandhomx jirriżultaw fi kwalunkwe tassazzjoni ta’ qligħ kapitali kkalkulat b’referenza għad-differenza bejn il-valuri reali tal-attiv u l-passiv trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta’ taxxa.
2. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) “valur għall-finijiet ta’ taxxa”: il-valur abbażi ta’ liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ġie kkalkulat għall-finijiet ta’ taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tal-kumpannija li tittrasferixxi jekk tali attiv jew passiv kienu ġew mibjugħa fiż-żmien tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali iżda indipendentement minnhom;
(b) “attiv u passiv trasferiti”: dak l-attiv u passiv tal-kumpannija li tittrasferixxi li, b’konsegwenza tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali, huma effettivament konnessi ma’ stabbiliment permanenti tal-kumpannija li tirċievi fl-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi u għandhom parti fil-ġenerazzjoni tal-profitti jew it-telf li jitqiesu għall-finijiet ta’ taxxa.
3. Meta japplika l-paragrafu 1 u meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li tittrasferixxi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-karatteristiċi legali ta’ dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita u għalhekk jintaxxa lill-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti tal-kumpannija li tittrasferixxi kif u meta jirriżultaw dawk il-profitti, dak l-Istat Membru m’għandux jintaxxa kwalunkwe dħul, profitti jew qligħ kapitali kkalkulati b’referenza għad-differenza bejn il-valuri reali tal-attiv u l-passiv trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta’ taxxa.
4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss jekk il-kumpannija li tirċievi tikkalkula kwalunkwe deprezzament ġdid u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward tal-attiv u l-passiv trasferiti skont ir-regoli li kienu japplikaw għall-kumpannija jew kumpanniji li jittrasferixxu kieku l-merger, id-diviżjoni jew id-diviżjoni parzjali ma kinitx seħħet.
5. Meta, taħt il-liġijiet tal-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi, il-kumpannija li tirċievi hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward tal-attiv u l-passiv trasferiti kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 4, il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-attiv u l-passiv li fir-rigward tiegħu dik l-għażla tiġi eżerċitata.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi, fejn il-provvisti jew ir-riservi kkostitwiti korrettament mill-kumpannija li tittrasferixxi jkunu eżentati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-taxxi u ma jkunux idderivati minn stabbilimenti permanenti barra mill-pajjiż, dawn il-provvisti jew riservi jistgħu jinġarru ‘l quddiem, bl-istess eżenzjoni mit-taxxa, mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija li tirċievi li jinsabu fl-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi, b’hekk il-kumpannija li tirċievi tikseb id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpannija li tittrasferixxi.
Artikolu 6
Sakemm, jekk l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) twettqu bejn kumpanniji mill-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi, l-Istat Membru kien japplika dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kumpannija li tirċievi biex tassumi għaliha t-telf tal-kumpannija li tittrasferixxi li kien għadu ma ġiex eżawrit għal finijiet ta’ taxxa, huwa għandu jestendi dawk id-dispożizzjonijiet biex ikopru l-assunzjoni ta’ tali telf mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija li tirċievi li jinsabu fit-territorju tiegħu.
Artikolu 7
1. Meta l-kumpannija li tirċievi jkollha sehem fil-kapital tal-kumpannija li tittrasferixxi, kull qligħ li jmiss lill-kumpannija li tirċievi mal-kanċellazzjoni ta tagħha ma għandu jkun responsabbli għall-ebda tassazzjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 meta l-kumpannija li tirċievi għandha sehem ta’ inqas minn 15 % fil-kapital tal-kumpannija li tittrasferixxi.
Mill-1 ta’ Jannar 2009 il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun ta’ 10 %.
Artikolu 8
1. Waqt merger, diviżjoni jew skambju ta’ ishma, it-tqassim ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirċievi jew takkwista lil azzjonist tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, bi skambju ma’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tal-aħħar m’għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dak l-azzjonist.
2. Waqt diviżjoni parzjali, it-tqassim lil azzjonist tal-kumpannija li tittrasferixxi ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li qed tirċievi m’għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dak l-azzjonist.
3. Meta Stat Membru jikkunsidra azzjonist bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-karatteristiċi legali ta’ dak l-azzjonist li jirriżultaw mil-liġi li taħtha huwa kostitwit u għalhekk jintaxxa lil dawk il-persuni li għandhom interess fl-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti tal-azzjonist kif u meta dawk il-profitti jirriżultaw, l-Istat Membru m’għandux jintaxxa lil dawk il-persuni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali mit-tqassim lill-azzjonist ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li takkwista jew li tirċievi.
4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jagħtix lit-titoli riċevuti valur għal finijiet ta’ taxxa ogħla mill-valur li t-titoli skambjati kellhom immedjatament qabel il-merger, diviżjoni jew skambju ta’ ishma.
5. Il-paragrafu 2 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jagħtix lis-somma tat-titoli riċevuti u lil dawk miżmuma fil-kumpannija li tittrasferixxi, valur għal finijiet ta’ taxxa ogħla mill-valur li t-titoli miżmuma fil-kumpannija li tittrasferixxi kellhom immedjatament qabel id-diviżjoni parzjali.
6. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti ta’ titoli riċevuti, bl-istess mod bħall-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli li kienu jeżistu qabel l-akkwist.
7. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu “valur għal finijiet ta’ taxxa” għandha tfisser il-valur abbażi ta’ liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ikkalkulat għall-finijiet ta’ taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ azzjonist tal-kumpannija.
8. Meta, taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn huwa residenti, azzjonist jista’ jagħżel trattament fiskali differenti minn dak stabbilit fil-paragrafi 4 u 5, il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għat-titoli fir-rigward ta’ liema tali għażla tiġi eżerċitata.
9. Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx jipprevjenu lil Stat Membru milli jqies, meta jintaxxa lil azzjonisti, kwalunkwe ħlas fi flus kontanti li jista’ jsir waqt il-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew l-iskambju ta’ ishma.
Artikolu 9
L-Artikoli 4, 5 u 6 għandhom japplikaw għat-trasferimenti tal-assi.
KAPITOLU III
IL-KAŻ SPEĊJALI TAT-TRASFERIMENT TA’ STABBILIMENT PERMANENTI
Artikolu 10
1. Meta l-assi trasferiti f’merger, diviżjoni, diviżjoni parzjali jew trasferiment ta’ assi jinkludu stabbiliment permanenti tal-kumpannija li tittrasferixxi li jinsab fi Stat Membru ieħor minn dak tal-kumpannija li tittrasferixxi, l-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi għandu jirrinunzja kwalunkwe dritt li jintaxxa lil dak l-istabbiliment permanenti.
L-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi jista’ jdaħħal lura fil-profitti taxxabbli ta’ dik il-kumpannija tali telf tal-istabbiliment permanenti li qabel seta’ ġie kompensat mal-profitti taxxabbli tal-kumpannija f’dak l-Istat Membru u li ma ġiex irkuprat.
L-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti u l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tirċievi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal tali trasferiment daqs li kieku l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti kien l-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi.
Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fil-każ fejn l-istabbiliment permanenti jinsab fl-istess Stat Membru bħal dak fejn hija residenti l-kumpannija li qed tirċievi.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, meta l-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi tapplika sistema li tintaxxa l-profitti fuq livell dinji, dak l-Istat Membru għandu jkollu d-dritt li jintaxxa kwalunkwe profitt jew qligħ kapitali tal-istabbiliment permanenti li jirriżulta mill-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew it-trasferiment tal-assi, bil-kondizzjoni li jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq dawk il-profitti jew qligħ kapitali fl-Istat Membru fejn jinsab dak l-istabbiliment permanenti, bl-istess mod u fl-istess ammont li kien jagħmel kieku dik it-taxxa kienet fil-fatt ġiet imposta u mħallsa.
KAPITOLU IV
KAŻ SPEĊJALI TA’ ENTITAJIET TRASPARENTI
Artikolu 11
1. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija mhux residenti li tittrasferixxi jew akkwistata bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-karatteristiċi legali ta’ dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, huwa għandu jkollu d-dritt li ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta jintaxxa azzjonist dirett jew indirett ta’ dik il-kumpannija fir-rigward tad-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dik il-kumpannija.
2. Stat Membru li jeżerċita d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq il-kumpannija fiskalment trasparenti fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tagħha, bl-istess mod u bl-istess ammont li dak l-Istat Membru kien jagħmel kieku dik it-taxxa ġiet fil-fatt imposta u mħallsa.
3. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li tirċievi jew takkwista, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-karatteristiċi legali ta’ dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, għandu jkollu d-dritt li ma japplikax l-Artikolu 8(1), (2) u (3).
4. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li tirċievi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-karatteristiċi legali ta’ dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, dak l-Istat Membru jista’ japplika għal kwalunkwe azzjonist dirett jew indirett l-istess trattament għal finijiet ta’ taxxa li kien japplika kieku l-kumpannija li tirċievi kienet residenti f’dak l-Istat Membru.
KAPITOLU V
REGOLI APPLIKABBLI GĦAT-TRASFERIMENT TAL-UFFIĊĊJU REĠISTRAT TA’ SE JEW SCE
Artikolu 12
1. Meta:
(a) |
SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor; jew |
(b) |
f’rabta mat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f’dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor, |
dak it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat jew it-tmiem ta’ residenza m’għandux jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni ta’ qligħ kapitali, ikkalkulat skont l-Artikolu 4(1), fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, miksub minn dak l-attiv u passiv tas-SE jew tas-SCE li, b’konsegwenza, jibqgħu effettivament konnessi ma’ stabbiliment permanenti tas-SE jew tas-SCE fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit u li għandhom rwol fil-ħolqien tal-profitti jew tat-telf li jitqiesu għal finijiet ta’ taxxa.
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk is-SE jew is-SCE tikkalkula kwalunkwe deprezzament u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward tal-attiv u l-passiv li jibqgħu effettivament konnessi ma’ dak l-istabbiliment permanenti, daqs li kieku t-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ma kienx seħħ jew is-SE jew is-SCE ma kinitx temmet ir-residenza fiskali tagħha.
3. Meta, taħt il-liġijiet tal-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, is-SE jew is-SCE hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward tal-attiv u l-passiv li jibqgħu f’dak l-Istat Membru kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 2, il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-attiv u l-passiv fir-rigward ta’ liema dik l-għażla tiġi eżerċitata.
Artikolu 13
1. Meta:
(a) |
SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor; jew |
(b) |
f’rabta mat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f’dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor, |
l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta provvisti jew riżervi kostitwiti kif suppost mis-SE jew is-SCE qabel it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat huma parzjalment jew interament eżenti mit-taxxa u ma jirriżultawx minn stabbilimenti permanenti barra l-pajjiż, tali provvisti jew riżervi jistgħu jittieħdu, bl-istess eżenzjoni ta’ taxxa, minn stabbiliment permanenti tas-SE jew tas-SCE li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit.
2. Sakemm kumpannija li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru titħalla tmexxi ‘l quddiem jew tieħu lura telf li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta’ taxxa, dak l-Istat Membru għandu jippermetti lill-istabbiliment permanenti, li jinsab fit-territorju tiegħu, tas-SE jew tas-SCE li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha, li jassumi għalih dak it-telf tas-SE jew tas-SCE li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta’ taxxa, bil-kondizzjoni li t-tmexxija ‘l quddiem jew it-teħid lura tat-telf kien ikun disponibbli f’ċirkostanzi komparabbli għal kumpannija li baqgħet iżżomm l-uffiċċju reġistrat tagħha jew baqgħet resident fiskali f’dak l-Istat Membru.
Artikolu 14
1. It-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew ta’ SCE m’għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitt jew il-qligħ kapitali tal-azzjonisti.
2. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tas-SE jew tas-SCE li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 15
1. Stat Membru jista’ jirrifjuta li japplika jew jirtira l-benefiċċju ta’ kull waħda jew kwalunkwe parti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 14 meta jkun jidher li waħda mill-ħidmiet msemmija fl-Artikolu 1:
(a) |
għandu bħala l-għan prinċipali jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu l-evażjoni mit-taxxa jew il-frodi fiskali; il-fatt li l-ħidma ma titwettaqx għal raġunijiet kummerċjali validi bħar-ristrutturar jew ir-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanniji li qed jipparteċipaw fil-ħidma jista’ jikkostitwixxi preżunzjoni li l-ħidma għandha bħala l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali; |
(b) |
jirriżulta f’kumpannija, sew jekk qed tipparteċipa fil-ħidma jew le, li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentazzjoni tal-impjegati f’organi tal-kumpannija skont l-arranġamenti li kienu fis-seħħ qabel dik il-ħidma. |
2. Il-paragrafu 1 (b) għandu japplika sakemm u safejn l-ebda dispożizzjonijiet fil-liġi Komunitarja li jkun fihom regoli ekwivalenti dwar ir-rappreżentazzjoni tal-impjegati fl-organi tal-kumpannija ma tapplika għall-kumpanniji koperti b’din id-Direttiva.
Artikolu 16
L-Istati Membri għandhom jikkomunkaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 17
Id-Direttiva 90/434/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness II, Parti A, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 18
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Din id-Direttva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
E. ERLANDSSON
(1) Opinjoni tat-13 ta’ Jannar 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 100, 30.4.2009, p. 153.
(3) ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1.
(4) Ara l-Anness II, Parti A.
(5) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.
(6) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.
ANNESS I
PARTI A
LISTA TA’ KUMPANNIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(a)
(a) |
kumpanniji inkorporati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (1) u soċjetajiet koperattivi (SCE) inkorporati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1435/2003 u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment ta’ l-impjegati (2); |
(b) |
kumpanniji taħt il-liġi Belġjana magħrufa bħala “société anonyme”/“naamloze vennootschap”, “société en commandite par actions”/“commanditaire vennootschap op aandelen”, “société privée à responsabilité limitée”/“besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”“société coopérative à responsabilité limitée”/“coöperatieve vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “société coopérative à responsabilité illimitée”/“coöperatieve vennootschap met onbeperkte aansprakelijkheid”, “société en nom collectif”/“vennootschap onder firma”, “société en commandite simple”/“gewone commanditaire vennootschap”, impriżi pubbliċi li adottaw waħda mill-forom legali msemmija hawn fuq, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Belġjana soġġetti għat-taxxa korporattiva Belġjana; |
(c) |
kumpanniji taħt il-liġi Bulgara magħrufa bħala: “събирателното дружество”, “командитното дружество”, “дружеството с ограничена отговорност”, “акционерното дружество”, “командитното дружество с акции”, “кооперации”, “кооперативни съюзи” u “държавни предприятия” constituted under Bulgarian law and carrying on commercial activities; |
(d) |
kumpanniji taħt il-liġi Ċeka magħrufa bħala: “akciová společnost” u “společnost s ručením omezeným”; |
(e) |
kumpanniji taħt il-liġi Daniża magħrufa bħala “aktieselskab” u “anpartsselskab” u kumpanniji oħra soġġetti għat-taxxa taħt l-Att dwar it-Taxxa Korporattiva, safejn id-dħul taxxabbli tagħhom jiġi kkalkulat u ntaxxat skont ir-regoli tal-leġislazzjoni dwar it-taxxa ġenerali applikabbli għal “aktieselskaber”; |
(f) |
kumpanniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala “Aktiengesellschaft”, “Kommanditgesellschaft auf Aktien”, “Gesellschaft mit beschränkter Haftung”, “Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit”, “Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft”, “Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża; |
(g) |
kumpanniji taħt il-liġi Estonjana magħrufa bħala “täisühing”, “usaldusühing”, “osaühing”, “aktsiaselts” u “tulundusühistu”; |
(h) |
Kumpanniji inkorporati jew eżistenti taħt il-liġi Irlandiża, korpi reġistrati taħt l-“Industrial and Provident Societies Act”, soċjetajiet ta’ kostruzzjoni inkorporati taħt il-“Building Societies Act” u banek ta’ tfaddil fiduċjarji skont it-tifsira tat-“Trustee Savings Banks Act, 1989”; |
(i) |
kumpanniji taħt il-liġi Griega magħrufa bħala “ανώνυμη εταιρεία” u “εταιρεία περισρισμένης ευθύνης (Ε.Π.Ε.)”; |
(j) |
kumpanniji taħt il-liġi Spanjola magħrufa bħala “sociedad anónima”, “sociedad comanditaria por acciones”, “sociedad de responsabilidad limitada”, u dawk il-korpi ta’ liġi pubblika li joperaw taħt il-liġi privata; |
(k) |
kumpanniji taħt il-liġi Franċiża magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “sociétés par actions simplifiées”, “sociétés d’assurances mutuelles”, “caisses d’épargne et de prévoyance”, “sociétés civiles” li huma awtomatikament soġġetti għat-taxxa korporattiva, “coopératives”, “unions de coopératives”, stabbilimenti u impriżi pubbliċi industrijali u kummerċjali, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Franċiża soġġetti għat-taxxa korporattiva Franċiża; |
(l) |
kumpanniji taħt il-liġi Taljana magħrufa bħala “società per azioni”, “società in accomandita per azioni”, “società a responsibilità limitata”, “società cooperative”, “società di mutua assicurazione”, u entitajiet privati u pubbliċi li l-attività tagħhom hija interament jew prinċipalment kummerċjali; |
(m) |
kumpanniji taħt (“εταιρείες”) il-liġi Ċiprijotta kif definit fil-liġijiet dwar it-taxxa fuq id-dħul; |
(n) |
kumpanniji taħt il-liġi Latvjana magħrufa bħala “akciju sabiedrība” u “sabiedrība ar ierobežotu atbildību”; |
(o) |
kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tal-Litwanja; |
(p) |
kumpanniji taħt il-liġi tal-Lussemburgu magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “société coopérative”, “société coopérative organisée comme une société anonyme”, “association d’assurances mutuelles”, “association d’épargne-pension”, “entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l’Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi tal-Lussemburgu soġġetti għat-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu; |
(q) |
kumpanniji taħt il-liġi Ungeriża magħrufa bħala “közkereseti társaság”, “betéti társaság”, “közös vállalat”, “korlátolt felelősségű társaság”, “részvénytársaság”, “egyesülés”, “közhasznú társaság” u “szövetkezet”; |
(r) |
kumpanniji taħt il-liġi Maltija magħrufa bħala “Kumpanniji ta’ Responsabilità Limitata” u “Soċjetajiet en commandite li l-kapital tagħhom maqsum f’azzjonijiet”; |
(s) |
kumpanniji taħt il-liġi Olandiża magħrufa bħala “naamloze vennnootschap”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “open commanditaire vennootschap”, “coöperatie”, “onderlinge waarborgmaatschappij”, “fonds voor gemene rekening”, “vereniging op coöperatieve grondslag” u “vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Olandiża soġġetti għat-taxxa korporattiva Olandiża; |
(t) |
kumpanniji taħt il-liġi Awstrijaka magħrufa bħala “Aktiengesellschaft”, “Gesellschaft mit beschränkter Haftung” u “Erwerbs-und Wirtschaftsgenossenschaften”; |
(u) |
kumpanniji taħt il-liġi Pollakka magħrufa bħala “spółka akcyjna” u “spółka z ograniczoną odpowiedzialnością”; |
(v) |
kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji ta’ liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali kif ukoll persuni ġuridiċi oħra li qed iwettqu attivitajiet kummerċjali jew industrijali, li huma inkorporati taħt il-liġi Portugiża; |
(w) |
kumpanniji taħt il-liġi Rumena magħrufa bħala “societăți pe acțiuni”, “societăți în comandită pe acțiuni” u “societăți cu răspundere limitată”; |
(x) |
kumpanniji taħt il-liġi Slovena magħrufa bħala “delniška družba”, “komanditna družba” u “družba z omejeno odgovornostjo”; |
(y) |
kumpanniji taħt il-liġi Slovakka magħrufa bħala “Akciová spoločnosť”, “Spoločnosť s ručením obmedzeným” u “Komanditná spoločnosť”; |
(z) |
kumpanniji taħt il-liġi Finlandiża magħrufa bħala “osakeyhtiö”/“aktiebolag”, “osuuskunta”/“andelslag”, “säästöpankki”/“sparbank” u “vakuutusyhtiö”/“försäkringsbolag”; |
(aa) |
kumpanniji taħt il-liġi Svediża magħrufa bħala “aktiebolag”, “bankaktiebolag”, “försäkringsaktiebolag”, “ekonomiska föreningar”, “sparbanker” u “ömsesidiga försäkringsbolag”; |
(ab) |
kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tar-Renju Unit. |
PARTI B
LISTA TA’ TAXXI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(c)
— |
impôt des sociétés/vennootschapsbelasting fil-Belġju, |
— |
корпоративен данък fil-Bulgarija, |
— |
daň z příjmů právnických osob fir-Repubblika Ċeka, |
— |
selskabsskat fid-Danimarka, |
— |
Körperschaftssteuer fil-Ġermanja, |
— |
tulumaks fl-Estonja, |
— |
corporation tax fl-Irlanda, |
— |
φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων κερδοκοπικού χαρακτήρα fil-Greċja, |
— |
impuesto sobre sociedades fi Spanja, |
— |
impôt sur les sociétés fi Franza, |
— |
imposta sul reddito delle società fl-Italja, |
— |
φόρος εισοδήματος f’Ċipru, |
— |
uzņēmumu ienākuma nodoklis fil-Latvja, |
— |
pelno mokestis fil-Litwanja, |
— |
impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu, |
— |
társasági adó fl-Ungerija, |
— |
taxxa fuq l-income f’Malta, |
— |
vennootschapsbelasting fl-Olanda, |
— |
Körperschaftssteuer fl-Awstrija, |
— |
podatek dochodowy od osób prawnych fil-Polonja, |
— |
imposto sobre o rendimento das pessoas colectivas fil-Portugall, |
— |
impozit pe profit fir-Rumanija, |
— |
davek od dobička pravnih oseb fis-Slovenja, |
— |
daň z príjmov právnických osôb fis-Slovakkja, |
— |
yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund fil-Finlandja, |
— |
statlig inkomstskatt fl-Isvezja, |
— |
corporation tax fir-Renju Unit. |
(1) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 06 Vol 04, p. 272).
(2) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 05 Vol 04, p. 338).
ANNESS II
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmi fl-Artikolu 17)
Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE |
|
Punt XI.B.I.2 tal-Anness I tal-Att tal-Adeżjoni tal-1994 |
|
Punt 9.7 tal-Anness II tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 |
|
Direttiva tal-Kunsill 2005/19/KE |
|
Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE |
punt 6 tal-Anness biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni
(imsemmi fl-Artikolu 17)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
Data ta’ applikazzjoni |
90/434/KEE |
fl-1 ta’ Jannar 1992. |
1 ta’ Jannar 1993 (1) |
2005/19/KE |
1 ta’ Jannar 2006 (2) 1 ta’ Jannar 2007 (3) |
— |
2006/98/KE |
fl-1 ta’ Jannar 2007. |
— |
(1) Applikabbli biss għar-Repubblika tal-Portugall.
(2) Rigward il-provvedimenti li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.
(3) Rigward il-provvedimenti li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva.
ANNESS III
Tabella Ta’ Korrelazzjoni
Direttiva 90/434/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2(a), l-ewwel inċiż |
Artikolu 2(a)(i) |
Artikolu 2(a), it-tieni inċiż |
Artikolu 2(a)(ii) |
Artikolu 2(a), it-tielet inċiż |
Artikolu 2(a)(iii) |
Artikolu 2(b) |
Artikolu 2(b) |
Artikolu 2(b)(a) |
Artikolu 2(c) |
Artikolu 2(c) |
Artikolu 2(d) |
Artikolu 2(d) |
Artikolu 2(e) |
Artikolu 2(e) |
Artikolu 2(f) |
Artikolu 2(f) |
Artikolu 2(g) |
Artikolu 2(g) |
Artikolu 2(h) |
Artikolu 2(h) |
Artikolu 2(i) |
Artikolu 2(i) |
Artikolu 2(j) |
Artikolu 2(j) |
Artikolu 2(k) |
Artikolu 3(a) |
Artikolu 3(a) |
Artikolu 3(b) |
Artikolu 3(b) |
Artikolu 3(c), frażi tal-bidu tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu |
Artikolu 3(c) |
Artikolu 3(c), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sas-seba’ u għoxrin inċiż |
Anness I, Parti B |
Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4(1) it-tieni subparagrafu |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4(5) |
Artikoli 5 u 6 |
Artikoli 5 u 6 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza |
— |
Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza |
Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu |
Artikoli 8, 9 u 10 |
Artikoli 8, 9 u 10 |
Artikolu 10a |
Artikolu 11 |
Artikoli 10b |
Artikoli 12 |
Artikolu 10ċ |
Artikolu 13 |
Artikolu 10d |
Artikolu 14 |
Artikolu 11 |
Artikolu 15 |
Artikolu 12(1) |
— |
Artikolu 12(2) |
— |
Artikolu 12(3) |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
— |
Artikolu 18 |
Artikolu 13 |
Artikolu 19 |
Anness |
Anness I, Parti A |
— |
Anness II |
— |
Anness III |