|
27.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 280/52 |
DIRETTIVA 2009/123/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2009
li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
|
(1) |
L-għan tad-Direttiva 2005/35/KE (3) u ta’ din id-Direttiva huwa li japprossimizzaw id-definizzjoni tar-reati tat-tniġġis ikkawżat minn vapuri mwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom u n-natura kriminali tal-pieni li jistgħu jiġu imposti għal tali reati kriminali minn persuni fiżiċi. |
|
(2) |
Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej annullat (4) id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/667/ĠAI tat-12 ta’ Lulju 2005 għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti (5), li qabel kienet tissupplimenta d-Direttiva 2005/35/KE b’miżuri ta’ liġi kriminali. Din id-Direttiva għandha timla l-vojt legali li kien hemm wara s-sentenza. |
|
(3) |
Il-pieni kriminali, li juru diżapprovazzjoni soċjali ta’ natura differenti mill-penali amministrattivi, isaħħu l-konformità mal-leġiżlazzjoni viġenti kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għandhom ikunu severi biżżejjed biex jiddiswadu lin-niġġiesa potenzjali milli jwettqu kwalunkwe ksur. |
|
(4) |
Diġà ġie adottat sett konsistenti ta’ miżuri leġiżlattivi fuq il-livell tal-UE biex tkun imsaħħa s-sikurezza marittima u biex jgħin fil-prevenzjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri. Il-leġiżlazzjoni kkunsidrata hija indirizzata lil Stati tal-bandiera, lis-sidien u liċ-charterers tal-vapuri, lis-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni, lill-Istati tal-portijiet u lill-Istati tax-xtajta. Is-sistema eżistenti ta’ penali għal rimi illegali ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri, li tissupplimenta dik il-leġiżlazzjoni jeħtieġ tissaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ pieni kriminali. |
|
(5) |
Ir-regoli komuni dwar il-pieni kriminali jagħmluha possibbli li jintużaw metodi aktar effettivi ta’ investigazzjoni u koperazzjoni effettiva fi ħdan u bejn l-Istati Membri. |
|
(6) |
L-Istati Membri għandhom japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal persuni ġuridiċi fil-Komunità kollha għaliex sikwit ir-reati ta’ tniġġis ikkawżat minn vapuri jitwettqu fl-interess ta’ persuni ġuridiċi jew għall-benefiċċju tagħhom. |
|
(7) |
L-applikabbiltà ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun suġġetta għal eċċezzjonjiet li ma humiex dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Għalhekk, ċertu kategoriji ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi, bħal sidien ta’ merkanzija jew soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. |
|
(8) |
Din id-Direttiva għandha tobbliga lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jipprevedu pieni kriminali fir-rigward ta’ rimi ta’ sustanzi li jniġġsu li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex toħloq obbligi fir-rigward tal-applikazzjoni, f’każijiet individwali, ta’ tali pieni jew ta’ kwalunkwe sistema oħra disponibbli tal-infurzar tal-liġi. |
|
(9) |
Skont din id-Direttiva, rimi illegali ta’ sustanzi li jniġġsu li jsir mill-vapuri għandu jitqies bħala reat kriminali sakemm dan isir b’intenzjoni, b’ nuqqas ta’ ħsieb jew b’negligenza serja u meta jirriżulta f’deterjorament fil-kwalità tal-ilma. Każi inqas serji ta’ rimi ta’ sustanzi li jniġġsu li jsir mill-vapuri u li ma jikkawżax deterjorament fil-kwalità tal-ilma m’għandux għalfejn jitqies bħala reat kriminali. Skont din id-Direttiva, tali rimi għandu jitqies bħala każ minuri. |
|
(10) |
Il-ħtieġa ta’ livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni tal-ambjent fil-qasam tat-trasport marittimu, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju li jgħid li min iħammeġ għandu jħallas għall-ħsara kkawżata lill-ambjent, jitolbu li każi minuri ripetuti illi waħidhom ma jikkawżawx deterjorament fil-kwalità tal-ilma iżda jikkawżaw tali deterjorament meta jitqiesu flimkien għandhom jitqiesu bħala reat kriminali. |
|
(11) |
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal sistemi oħrajn ta’ responsabbiltà għal danni kkawżati minn tniġġis ikkawżat minn vapuri taħt il-liġi Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali. |
|
(12) |
Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ reati kriminali għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali. |
|
(13) |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effett tagħha. |
|
(14) |
Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri b’ħidma individwali, minħabba d-dannu transkonfinali li jista’ jiġi kkawżat mill-imġiba kkonċernata u, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
|
(15) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(16) |
Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma inkoraġġuti jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi. |
|
(17) |
Id-Direttiva 2005/35/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2005/35/KE
Id-Direttiva 2005/35/KE hija b’dan emendata kif ġej:
|
(1) |
it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis”; |
|
(2) |
l-Artikolu 1(1) huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu inkorporati fil-liġi Komunitarja standards internazzjonali għal tniġġis ikkawżat minn vapuri u li jkun żgurat li l-persuni responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jkunu suġġetti għal penali adekwati, inklużi pieni kriminali, sabiex titjieb is-sikurezza tal-baħar u sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mit-tniġġis ikkawżat minn vapuri.”; |
|
(3) |
il-punt li ġej huwa miżjud fl-Artikolu 2:
|
|
(4) |
L-Artikoli 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 4 Ksur 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi minn vapuri ta’ sustanzi li jniġġsu, inkluż każi minuri ta’ tali rimi, fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala każ ta’ ksur jekk isir b’intenzjoni, b’nuqqas ta’ ħsieb jew b’negliġenza serja. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet xi ksur fis-sens tal-paragrafu 1 tkun tista’ titqies responsabbli għalih. Artikolu 5 Eċċezzjonijiet 1. Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) m’għandux jitqies bħala ksur, jekk ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolamenti 15, 34, 4.1 jew 4.3 jew fl-Anness II, Regolamenti 13, 3.1.1 jew 3.1.3 tal-Marpol 73/78. 2. Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(c), (d) u (e) ma għandux jitqies bħala ksur minn-naħa tas-sid, tal-kaptan jew tal-ekwipaġġ, jekk ir-rimi jkun jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 4.2 jew fl-Anness II, Regolament 3.1.2. tal-Marpol 73/78.”; |
|
(5) |
wara l-Artikolu 5 iddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 5a Reati Kriminali 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur fis-sens tal-Artikoli 4 u 5 jitqies bħala reat kriminali. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal każijiet minuri, fejn l-att li jkun twettaq ma jikkawżax deterjorament fil-kwalità tal-ilma. 3. Każi minuri ripetuti illi b’mod iżolat ma jikkawżawx deterjorament fil-kwalità tal-ilma iżda jikkawżaw tali deterjorament meta jitqiesu flimkien għandhom jitqiesu bħala reat kriminali, jekk isiru b’intenzjoni, b’nuqqas ta’ ħsieb jew b’negliġenza serja. Artikolu 5b Tixwix, Għajnuna u Assistenza L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull att ta’ tixwix jew għajnuna u assistenza ta’ reat imwettaq b’intenzjoni u msemmi fl-Artikolu 5a(1) u (3), jkunu punibbli bħala reat kriminali.”; |
|
(6) |
L-Artikolu 8, huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 8 Penali Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ksur fis-sens tal-Artikoli 4 u 5 jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.”; |
|
(7) |
Wara l-Artikolu 8, iddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 8a Penali kontra persuni fiżiċi Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5a(1) u (3) u l-Artikolu 5b jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Artikolu 8b Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi 1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5a(1) u (3) u l-Artikolu 5b, imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi individwalment jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fl-istruttura tal-persuna ġuridika, ibbażata fuq:
2. Kull Stat Membru għandu jiżgura wkoll li persuna ġuridika tkun tista’ tinżamm responsabbli fejn nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll minn persuna fiżika msemmija fil-paragrafu 1 tkun għamlet possibli t-twettiq ta’ reat kriminali imsemmi fl-Artikoli 5a(1) u (3) u l-Artikolu 5b għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna fiżika li taqa’ taħt l-awtorità tagħha. 3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika, skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, m’għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi involuti bħala awturi, xewwiexa jew aċċessorji fir-reati kriminali imsemmija fl-Artikoli 5a(1), u (3) u l-Artikolu 5b. Artikolu 8c Penali kontra persuni ġuridiċi Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 8b tkun punibbli permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.”. |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sas-16 ta’ Novembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.
Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(1) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 69.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha m’hijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2009.
(3) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.
(4) Kawża C-440/05 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECR [2007] I-9097.