9.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/9 |
DIRETTIVA 2009/119/KE TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Settembru 2009
li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (3),
Billi:
(1) |
Il-provvista ta’ żejt mhux maħdum u ta’ prodotti petroliferi għall-Komunità tibqa’ importanti ħafna, partikolarment għas-settur tat-trasport u għall-industrija tal- kimiċi. |
(2) |
Il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied tal-produzzjoni, it-tnaqqis tar-riżervi taż-żejt kif ukoll iż-żieda fil-konsum dinji tal-prodotti petroliferi qegħdin kollha jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju ta’ diffikultajiet ta’ provvista. |
(3) |
Il-Kunsill Ewropew, fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu (2007-2009), intitolat “Politika tal-Enerġija għall-Ewropa”, issottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea (UE) kollha kemm hi kif ukoll għal kull Stat Membru, fost l-oħrajn billi jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-ħażniet taż-żejt tal-Unjoni, b’referenza partikolari għad-disponibbiltà fil-każ ta’ kriżi. |
(4) |
Dak l-objettiv jeħtieġ, fost affarijiet oħra, aktar konverġenza bejn is-sistema Komunitarja u s-sistema prevista mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem “l-AIE”). |
(5) |
Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/67/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (4), il-ħażniet jiġu kkalkolati abbażi tal-konsum intern medju ta’ kuljum matul is-sena kalendarja preċedenti. Madankollu, l-obbligi tal-ħżin skont il-Ftehim dwar Programm Internazzjonali tal-Enerġija tat-18 ta’ Novembru 1974 (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim AIE”) huma kkalkolati abbażi tal-importazzjoni netta ta’ żejt u ta’ prodotti petroliferi. Għal dik ir-raġuni, u minħabba differenzi oħra fil-metodoloġija, il-mod ta’ kif l-obbligi tal-ħżin u l-ħażniet ta’ emerġenza tal-Komunità jiġu kkalkolati għandu jkun aktar konformi mal-metodi ta’ kalkolu li jintuża taħt il-Ftehim AIE, minkejja l-fatti li l-metodi ta’ kalkolu tal-AIE jista’ jkollhom jiġu evalwati fid-dawl tat-titjib teknoloġiku matul l-aħħar deċenni, u li dawk li mhumiex membri tal-AIE li jiddependu bis-sħiħ fuq l-importazzjonijiet jistgħu jeħtieġu perijodu itwal biex jadattaw l-obbligi tagħhom ta’ ħżin. Emendi oħra għall-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet jistgħu jirriżultaw li jkunu meħtieġa u ta’ benefiċċju sabiex tiżdied aktar il-koerenza mal-prattika tal-AIE, inklużi, pereżempju, bidliet li jwasslu għal tnaqqis għal ċerti Stati Membri tal-persentaġġ tat-tnaqqis ta’ 10 % applikat fil-kalkolu tal-ħażniet, li jkunu jippermettu trattament differenti tal-ħażniet tan-nafta, jew li jkunu jippermettu li jingħaddu l-ħażniet li jinżammu f’tankers f’ibħra territorjali ta’ Stat Membru. |
(6) |
Produzzjoni indiġena taż-żejt tista’ fiha nnifisha tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għalhekk tista’ tipprovdi ġustifikazzjoni sabiex Stati Membri li jipproduċu ż-żejt iżommu ħażniet aktar baxxi minn Stati Membri oħrajn. Deroga bħal dik m’għandiex, madankollu, tirriżulta f’obbligi tal-ħżin li jkunu sostanzjalment differenti minn dawk li japplikaw skont id-Direttiva 2006/67/KE. Għalhekk minn dan jirriżulta li l-obbligu tal-ħżin għal ċerti Stati Membri għandu jkun stabbilit abbażi tal-konsum intern taż-żejt u mhux abbażi tal-importazzjoni. |
(7) |
Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007 jindikaw li qed isir dejjem aktar vitali u urġenti li l-Komunità tistabbilixxi politika integrata dwar l-enerġija, li tikkombina azzjoni fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata konverġenza akbar fl-istandards assigurati mill-mekkaniżmi tal-ħżin attwati fid-diversi Stati Membri. |
(8) |
Id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija huma elementi essenzjali tas-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u għall-Kommunità. L-eżistenza ta’ entitajiet ċentrali ta’ ħżin (CSEs) fil-Komunità twassal dawn l-għanijiet aktar fil-qrib. Sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-aqwa użu mill-liġi nazzjonali sabiex jiddefinixxu t-termini ta’ referenza għas-CSEs tagħhom filwaqt li jtaffu l-piż finanzjarju mpoġġi fuq il-konsumaturi finali b’riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ ħżin huwa biżżejjed li jiġi projbit l-użu ta’ hażniet għal skopijiet kummerċjali, filwaqt li jiġi permezz illi l-ħażniet jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità u minn kwalunkwe CSE stabbilit għal dak l-għan. |
(9) |
Fid-dawl tal-objettivi tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħażniet taż-żejt, it-tħassib possibbli dwar is-sigurtà li jistgħu jesprimu xi Stati Membri u x-xewqa li l-mekkaniżmi għas-solidarjetà fost l-Istati Membri jkunu aktar rigorużi u aktar trasparenti, huwa meħtieġ li l-operat tas-CSEs jkun iffokat kemm jista’ jkun għat-territorji nazzjonali tagħhom. |
(10) |
Għandu jkun possibbli li l-ħażniet taż-żejt jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità, dment li jittieħed kont dovut tal-aċċessibbiltà fiżika tagħhom. Konsegwentement, l-operaturi ekonomiċi li fuqhom jaqgħu tali obbligi tal-ħżin għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom permezz ta’ delega lil operaturi ekonomiċi oħrajn jew lil kwalunkwe waħda mis-CSEs. Minbarra hekk, sakemm dawk l-obbligi jkunu jistgħu jiġu delegati lil CSE magħżula liberament li tkun tinstab ġewwa l-Komunità fuq ħlas ta’ ammont limitat għall-ispiża tas-servizzi pprovduti minn, ir-riskji ta’ prattika diskriminatorja fil-livell nazzjonali jitnaqqsu. Id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jiddelega m’għandux jimplika obbligu mill-parti ta’ kwalunkwe attur li jaċċetta d-delega, dment li din id-Direttiva ma tkunx teħtieġ mod ieħor. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jillimitaw id-drittijiet ta’ delega tal-operaturi, huma għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu garantiti d-dritt li jiddelegaw ċertu persentaġġ minimu tal-obligazzjoni tagħhom: dawk l-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li s-CSE tagħhom taċċetta d-delega tal-obbligu tal-ħażna fir-rigward tal-ammont meħtieġ biex ikun iggarantit dak il-persentaġġ ta’ limitu minimu. |
(11) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà sħiħa tal-ħażniet kollha miżmuma skont il-leġislazzjoni Komunitarja. Sabiex tiġi ggarantita dik id-disponibbiltà, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni jew limitazzjoni tad-dritt ta’ appartenenza ta’ dawk il-ħażniet li tkun tista’ tostakola l-użu tagħhom f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista taż-żejt. Il-prodotti petroliferi li jappartjenu lil kumpanniji li jkunu qed jiffaċċjaw riskju sostanzjali ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra l-assi tagħhom m’għandhomx jiġu kkunsidrati. Meta obbligu tal-ħżin ikun ġie impost fuq l-operaturi, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħlas jista’ jiġi kkunsidrat li juri l-eżistenza ta’ tali riskju. |
(12) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġġixxu malajr għal każijiet ta’ emerġenzi partikolari jew għal kriżijiet lokali jista’ jkun adatt li dawn ikunu jistgħu jużaw parti mill-ħażniet tagħhom għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Każijiet ta’ Emerġenzi jew kriżijiet lokali bħal dawn ma jinkludux sitwazzjonijiet ikkawżati minn żviluppi fil-prezz taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, iżda jistgħu jinkludu interruzzjonijiet tal-provvista ta’ gass naturali li jirrikjedu tibdil tal-karburant, jiġifieri l-użu ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi bħala karburant għall-produzzjoni tal-enerġija. |
(13) |
Fid-dawl ta’ dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ linji politiċi ta’ emerġenza, il-konverġenza fl-istandards assigurati mill-mekkaniżmi nazzjonali ta’ ħżin u l-assigurazzjoni ta’ ħarsa ġenerali aħjar tal-livelli tal-ħażniet, b’mod partikolari fil-każ ta’ kriżi, l-Istati Membri u l-Komunità għandu jkollhom il-mezzi għal kontroll imsaħħaħ ta’ dawk il-ħażniet. Il-ħażniet miżmuma skont il-ftehimiet bilaterali, jew id-drittijiet kontrattwali għax-xiri ta’ ċerti volumi ta’ ħażniet (“biljetti”) li jissodisfaw l-obbligi kollha stabbiliti bid-Direttiva attwali, għandhom jiffurmaw strumenti utli kompatibbli ma’ dan il-għan ta’ konverġenza akbar. |
(14) |
Il-propjetà ta’ parti sostanzjali ta’ dawk il-ħażniet mill-Istati Membri jew mis-CSEs stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali diversi għandha tagħmilha possibbli li jiżdiedu l-livelli ta’ kontroll u trasparenza, għallinqas fuq dik il-parti tal-ħażniet. |
(15) |
Sabiex jingħata kontribut għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista fil-Komunità, il-ħażniet, magħrufa bħala “ħażniet speċifiċi”, mixtrija mill-Istati Membri jew mis-CSEs u kostitwiti abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri għandhom jikkorrispondu għall-ħtiġijiet effettivi fil-każ ta’ kriżi. Dawn għandu jkollhom ukoll status legali separat sabiex tiġi żgurata disponibbiltà sħiħa f’każ li sseħħ kriżi bħal din. Għal dak il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adatti għall-protezzjoni ta’ dawk il-ħażniet minn kull miżura ta’ infurzar. |
(16) |
F’dan l-istadju, il-volumi li għandhom jappartjenu lis-CSEs jew l-Istati Membri għandhom ikunu stabbiliti f’livell determinat indipendentement u volontarjament minn kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. |
(17) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli ta’ kontroll u trasparenza, ħażniet ta’ emerġenza li mhumiex ħażniet speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għal ħtiġiet ta’ monitoraġġ akbar u, f’ċerti każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jinnotifikaw miżuri li jirregolaw id-disponibbiltà tal-ħażniet ta’ emerġenza u kwalunkwe tibdil fl-arranġamenti sabiex dawn jinżammu. |
(18) |
Varjazzjonijiet fil-volum ta’ ħażniet speċifiċi dovuti għal operazzjonijiet individwali għat-tibdil tal-ħażniet jistgħu jkunu permissibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru operazzjonijiet neċessarji bħal dawk meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ħażniet ikunu friski, biex tiġi żgurata konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti li jkunu nbidlu, jew biex jinħarġu sejħiet għall-offerti ġodda għall-ħżin. |
(19) |
Fejn il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jkunu mħalltin ma’ ħażniet oħra miżmuma minn operaturi ekonomiċi, għandha tkun enfasizzata t-trasparenza tal-livell tal-ħażniet ta’ emerġenza. |
(20) |
Il-frekwenza li biha jitfasslu sommarji dwar il-ħażniet u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tagħhom, kif stabbilit bid-Direttiva 2006/67/KE, jidhru li ma jaqblux ma’ sistemi diversi ta’ ħażniet taż-żejt li ġew stabbiliti f’partijiet oħra tad-dinja. F’riżoluzzjoni dwar l-impatt makroekonomiku taż-żieda fil-prezz tal-enerġija, il-Parlament Ewropew wera l-appoġġ tiegħu għal rapportar aktar frekwenti. |
(21) |
Sabiex jiġi evitat rappurtar doppju fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stati Membri dwar il-kategoriji differenti ta’ prodotti, ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija għandu jservi bħala punt ta’ referenza għall-kategoriji differenti ta’ prodotti petroliferi msemmija f’din id-Direttiva. |
(22) |
Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, biex is-swieq jingħataw informazzjoni aktar kompluta, biex il-konsumaturi jiġu assigurati dwar il-qagħda tal-ħażniet taż-żejt u biex jiġi ottimizzat il-mod li bih tintbagħat l-informazzjoni, għandha tiġi prevista l-possibbiltà ta’ emendi jew kjarifiki sussegwenti tar-regoli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ sommarji tal-istatistika. |
(23) |
Bil-ħsieb tal-istess objettivi, it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ sommarji tal-istatistika għandhom jiġu estiżi wkoll għal ħażniet oħra li mhumiex ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi, u dawk is-sommarji għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi ta’ kull xahar. |
(24) |
Peress li jista’ jkun hemm żbalji jew diskrepanzi fis-sommarji ppreżentati lill-Kummissjoni, l-impjegati jew l-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jirrevedu l-istat ta’ tħejjija għal emerġenza u l-ħżin tal-Istati Membri. Wieħed għandu jserraħ fuq is-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li eżamijiet mill-ġdid bħal dawn jistgħu jitmexxew b’mod effettiv f’konformità mal-proċeduri nazzjonali. |
(25) |
Għandu jitwettaq ipproċessar elettroniku u statistiku kumpless tad-data għad-data riċevuta jew miġbura. Dan jeħtieġ l-użu ta’ għodod u proċeduri integrati. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha adatti għal dak il-għan, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ sistemi tal-informatika ġodda. |
(26) |
Il-protezzjoni tal-individwi rigward l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri hija rregolata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni hija rregolata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6). B’mod partikolari, dawk l-Atti jeħtieġu li l-ipproċessar tad-data personali jkun iġġustifikat minn għan leġittimu u jistipulaw li kwalunkwe data personali miġbura b’kumbinazzjoni għandha titħassar minnufih. |
(27) |
Il-bijokarburanti u ċerti addittivi spiss ikunu mħallta mal-prodotti petroliferi. Meta mħallta jew ikun hemm il-ħsieb li jitħalltu ma’ dawk il-prodotti, għandu jkun possibbli li jittieħed kont tagħhom kemm meta jkun qed jiġi kkalkolat l-obbligu tal-ħżin kif ukoll meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-ħażniet miżmuma. |
(28) |
L-Istati Membri kkonċernati għandhom ikun permessi li jissodisfaw kwalunkwe obbligu li huma jista’ jkunu soġġetti għalih b’riżultat ta’ deċiżjoni li l-ħażniet jiġu rilaxxati meħuda skont il-Ftehim AIE jew il-miżuri implimentattivi tagħha. Esekuzzjoni xierqa u f’waqtha tad-deċiżjonijiet tal-AIE hija fattur ċentrali għal rispons effiċjenti f’każijiet b’diffikultajiet ta’ provvista. Sabiex dan ikun żgurat, l-Istati Membri għandhom jirrilaxxaw parti mill-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom sal-punt kif previst mid-deċiżjoni tal-AIE involuta. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-AIE u tibbaża l-azzjoni fil-livell tal-Komunità fuq il-metodoloġija tal-AIE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni li tirrakkomanda r-rilaxx ta’ ħażniet mill-Istati Membri kollha, kif meħtieġ biex tkun ikkumplimentata u ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-AIE li tistieden lill-membri tagħha jirrilaxxaw il-ħażniet. Huwa xieraq li l-Istati Membri jwieġbu b’mod pożittiv għal tali rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, fl-interess ta’ solidarjetà u koeżjoni sodi fil-Komunità kollha, bejn dawk l-Istati Membri li huma membri tal-AIE u dawk li mhumiex, fit-tweġiba għal interruzzjoni tal-provvista. |
(29) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 73/238/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar miżuri sabiex jittaffew l-effetti ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi (7) hija maħsuba, b’mod partikolari, biex tikkumpensa, jew għallinqas biex ittaffi, l-effetti ħżiena ta’ kwalunkwe diffikultà, ukoll jekk temporanja, li jkollha l-effett li tnaqqas konsiderevolment il-provvisti ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, inkluża l-interruzzjoni serja fl-attività ekonomika tal-Komunità li tali tnaqqis jista’ jikkawża. Din id-Direttiva għandha tinkludi miżuri simili. |
(30) |
Id-Direttiva 73/238/KEE għandha wkoll l-għan li twaqqaf korp konsultattiv biex jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ miżuri prattiċi meħuda jew proposti mill-Istati Membri f’dan il-qasam. Tali korp għandu jkun previst f’din id-Direttiva. Tibqa’ l-ħtieġa li kull Stat Membru jfassal pjan li jkun jista’ jintuża f’każ li jirriżultaw xi diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u ta’ prodotti petroliferi. Kull Stat Membru għandu jagħmel ukoll arranġamenti fir-rigward tal-miżuri organizzattivi li għandhom jittieħdu f’każ ta’ kriżi. |
(31) |
Peress li din id-Direttiva tintroduċi numru ta’ mekkaniżmi ġodda, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tagħha għandhom jiġu riveduti. |
(32) |
Din id-Direttiva tissotitwixxi jew tkopri l-aspetti kollha ttrattati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 68/416/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1968 dwar il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-patti ta’ ftehim individwali bejn il-Gvernijiet li għandhom x’jaqsmu ma l-obbligu tal-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ żejt mhux maħdum u/jew tal-prodotti petroliferi (8). Għalhekk dik id-Deċiżjoni m’għad baqagħlha l-ebda skop. |
(33) |
Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
(34) |
Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9). |
(35) |
F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma mħeġġa ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli proprji, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi. |
(36) |
Għalhekk id-Direttivi 73/238/KEE u 2006/67/KE u d-Deċiżjoni 68/416/KEE għandhom jitħassru, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Objettiv
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, li jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi kif ukoll li jistabbilixxu l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi ttrattat nuqqas serju.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) |
“sena ta’ referenza” tfisser is-sena kalendarja tal-konsum jew tad-data tal-importazzjoni netta użata għall-kalkolu tal-ħażniet li għandhom jinżammu jew il-ħażniet effettivament miżmuma fi żmien partikolari; |
(b) |
“addittivi” tfisser komposti li mhumiex idrokarburi, miżjuda jew imħallta ma’ prodott biex jimmodifikaw il-proprjetajiet tiegħu; |
(c) |
“bijokarburant” tfisser karburant likwidu jew f’forma ta’ gass użat għat-trasport u prodott mill-bijomassa, fejn il-“bijomassa” hija l-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u dawk li ġejjin mill-annimali), il-foresterija u l-industriji relatati, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali; |
(d) |
“konsum intern” tfisser il-kwantitajiet totali, ikkalkolati skont l-Anness II, kkunsinnati f’pajjiż għall-użu kemm fl-enerġija kif ukoll mhux fl-enerġija; dan l-ammont globali jinkludi kunsinni lis-settur ta’ trasformazzjoni u kunsinni lill-industrija, it-trasport, id-djar u setturi oħra għall-konsum “finali”; huwa jinkludi wkoll il-konsum proprju tas-settur tal-enerġija (ħlief il-karburant tar-raffineriji); |
(e) |
“deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija sabiex żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi ikunu disponibbli fis-suq permezz ta’ rilaxx tal-ħażniet tal-membri tagħha u/jew miżuri addizzjonali; |
(f) |
“entità ċentrali ta’ ħżin” (CSE) tfisser il-korp jew is-servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jaġixxi biex jakkwista, iżomm jew ibigħ ħażniet taż-żejt inklużi ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi; |
(g) |
“interruzzjoni maġġuri tal-provvista” tfisser tnaqqis sostanzjali u f’salt fil-provvista taż-żejt mhux maħdum jew tal-prodotti petroliferi lill-Komunità jew lil Stat Membru, irrispettivament minn jekk dan wassalx għal deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet; |
(h) |
“imħażen marittimi internazzjonali” għandha t-tifsira mogħtija fit-Taqsima 2.1 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008; |
(i) |
“ħażniet ta’ żejt” tfisser il-prodotti tal-enerġija elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008; |
(j) |
“ħażniet ta’ emerġenza” tfisser ħażniet ta’ żejt li kull Stat Membru huwa meħtieġ iżomm skont l-Artikolu 3; |
(k) |
“ħażniet kummerċjali” tfisser dawk il-ħażniet ta’ żejt li jinżammu mill-operaturi ekonomiċi li mhumiex ħtieġa skont din id-Direttiva; |
(l) |
“ħażniet speċifiċi” tfisser ħażniet ta’ żejt li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 9; |
(m) |
“aċċessibbiltà fiżika” tfisser arranġamenti għal-lokalizzazzjoni u t-trasport ta’ ħażniet sabiex jiġi żgurat ir-rilaxx jew il-kunsinna effettiva tagħhom lill-utenti u s-swieq finali fl-iskedi ta’ żmien u l-kondizzjonijiet li jwasslu biex itaffu l-problemi tal-provvista li jkunu setgħu nqalgħu; |
Id-definizzjonijiet imniżżla f’dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkjarifikati jew emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 3
Ħażniet ta’ emerġenza – Kalkolu tal-obbligi tal-ħżin
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat, sal-31 ta’ Diċembru 2012, li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin fil-Komunità għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet ikun l-ikbar.
2. L-importazzjoni netta medja ta’ kuljum li għandha tiġi kkunsidrata għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, determinata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness I.
Il-konsum intern medju ta’ kuljum li għandu jiġi kkunsidrat għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern matul is-sena kalendarja preċedenti, stabbilita u kkalkolata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness II.
3. Madankollu, minkejja l-paragrafu 2, il-medji ta’ kuljum tal-importazzjoni netta u tal-konsum intern, kif imsemmija f’dak il-paragrafu, għandhom jiġu ddeterminati, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena kalendarja, abbażi tal-kwantitajiet importati jew ikkonsmati matul is-sena ta’ qabel dik preċedenti għas-sena kalendarja involuta.
4. Il-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin, kif imsemmi f’dan l-Artikolu, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 4
Kalkolu tal-livell tal-ħażniet
1. Il-livelli tal-ħażniet miżuma għandhom jiġu kkalkolati bl-użu tal-metodi mniżżla fl-Anness III. Fil-każ tal-kalkolu tal-livell tal-ħażniet miżmuma għal kull kategorija skont l-Artikolu 9, dawk il-metodi għandhom japplikaw biss għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata.
2. Il-livelli tal-ħażniet miżmuma f’ħin partikolari għandhom jiġu kkalkolati bl-użu ta’ data mis-sena ta’ referenza ddeterminata skont ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 3.
3. Kwalunkwe ħażna taż-żejt tista’ tkun inkluża simultanjament kemm fil-kalkolu ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ Stat Membru kif ukoll għall-kalkolu tal-ħażniet speċifiċi tiegħu fit-tifsira tal-Artikolu 9 dment li dawk il-ħażniet taż-żejt jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-direttiva għaż-żewġ tipi ta’ ħażniet.
4. Il-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). B’mod partikolari, jista’ jkun meħtieġ u ta’ benefiċċju li dawk il-metodi u proċeduri jiġu emendati inkluż l-applikazzjoni tat-tnaqqis provdut fl-Anness III, sabiex tiġi assigurata l-koerenza mal-prattika tal-AIE.
Artikolu 5
Disponibbiltà tal-ħażniet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw f’kull ħin li l-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi, jkunu disponibbli u fiżikament aċċessibbli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-identifikazzjoni, il-kontabbiltà u l-kontroll ta’ dawk il-ħażniet sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu vverifikati fi kwalukwe ħin. Din il-ħtieġa tapplika wkoll għal kwalunkwe ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi li jkunu mħalltin ma’ ħażniet miżmuma minn operaturi ekonomiċi.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimpedixxu kull ostakolu u impediment li jista’ jfixkel id-disponibbiltà tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi. Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi limiti jew kondizzjonijiet addizzjonali dwar il-possibbiltà li l-ħażniet ta’ emerġenza tiegħu u l-ħażniet speċifiċi jinżammu ’l barra mit-territorju tiegħu.
2. Fejn ikun hemm raġuni għall-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, u jżommu lura milli jieħdu, kwalunkwe miżura li tfixkel it-trasferiment, l-użu jew ir-rilaxx tal-ħażniet ta’ emerġenza jew il-ħażniet speċifiċi miżmuma fit-territorju tagħhom f’isem Stat Membru ieħor.
Artikolu 6
Reġistru tal-ħażniet ta’ emerġenza – Rapport annwali
1. Kull Stat Membru għandu jżomm reġistru kontinwament aġġornat u dettaljat tal-ħażniet ta’ emerġenza kollha miżmuma għal benefiċċju tiegħu li ma jkunux jikkostitwixxu ħażniet speċifiċi. Dak ir-reġistru għandu jkun fih, b’mod partikolari, l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu indikati b’mod preċiż, id-depost, ir-raffinerija jew il-faċilità għal ħżin fejn il-ħażniet ikkonċernati jinsabu, kif ukoll il-kwantitajiet involuti, lil min jappartjenu l-ħażniet u n-natura tagħhom, b’referenza għall-kategoriji identifikati fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.
2. Sal-25 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibagħt lill-Kummissjoni kopja fil-qosor tar-reġistru tal-ħażniet imsemmi fil-paragrafu 1 li turi mill-inqas il-kwantitajiet u n-natura tal-ħażniet ta’ emerġenza inklużi fir-reġistru eżistenti fl-aħħar jum tas-sena kalendarja.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni kopja sħiħa tar-reġistru fi żmien 15-il jum wara li ssir talba mill-Kummissjoni; f’din il-kopja, tista’ tkun miżmuma data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika, u m’għandu jkollha l-ebda konnessjoni ma’ data relatata għal kwalunkwe perijodu li jippreċedi l-1 ta’ Jannar 2013.
Artikolu 7
Entitajiet ċentrali ta’ ħżin
1. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu CSEs.
L-ebda Stat Membru ma jista’ jistabbilixxi aktar minn CSE waħda jew kwalunkwe korp simili ieħor. Stat Membru jista’ jistabbilixxi s-CSE tiegħu fi kwalunkwe post ġewwa l-Komunità.
Fejn Stat Membru jistabbilixxi CSE, din għandha tieħu l-forma ta’ korp jew servizz mingħajr l-objettiv ta’ profitt u taġixxi fl-interess ġenerali u m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala operatur ekonomiku fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.
2. ħan prinċipali tas-CSE għandu jkun li takkwista, iżżomm u tbigħ ħażniet taż-żejt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jew għall-fini li tikkonforma mal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ ħażniet taż-żejt. Hija l-uniku korp jew servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jakkwista jew ibigħ ħażniet speċifiċi.
3. CSEs jew l-Istati Membri jistgħu, għal perijodu speċifiku, jiddelegaw kompiti relatati mal-ġestjoni ta’ ħażniet ta’ emerġenza u, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ u l-akkwist, ta’ ħażniet speċifiċi, imma unikament lil:
(a) |
Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu tali ħażniet jew is-CSE stabbilita minn dak l-Istat Membru. Kompiti li jkunu delegati b’dan il-mod ma jistgħux jiġu sottodelegati lil Stati Membri oħra jew lil CSEs stabbiliti minnhom. L-Istat Membru li jkun stabbilixxa s-CSE, kif ukoll kull Stati Membru li fit-territorju tiegħu ikunu ser jinżammu l-ħażniet, għandhom id-dritt li jagħmlu d-delega kondizzjonali għall-awtorizzazzjoni tiegħu; |
(b) |
operaturi ekonomiċi. Kompiti delegati b’dan il-mod ma jistgħux jiġu sottodelegati. Fejn tali delega, jew kwalunkwe bidla jew estensjoni għal dik id-delega, tinvolvi kompiti relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi miżmuma fi Stat Membru ieħor, dan għandu jkun awtorizzat minn qabel kemm mill-Istati Membru li għal kont tiegħu jinżammu il-ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom ikunu ser jinżammu l-ħażniet. |
4. Kull Stat Membru li jkollu CSE għandu jeħtiġilha, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u (2), li tippubblika:
(a) |
fuq bażi tal-ħin kollu, informazzjoni sħiħa, imqassma skont il-kategoriji tal-prodotti, dwar il-volumi tal-ħażniet li hija tista’ timpenja ruħha għalihom li żżomm għall-operaturi ekonomiċi, jew, fejn adatt, CSEs interessati; |
(b) |
mill-inqas seba’ xhur minn qabel, il-kondizzjonijiet li skonthom hija lesta li tipprovdi servizzi relatati maż-żamma u l-manutenzjoni tal-ħażniet lill-operaturi ekonomiċi. Il-kondizzjonijiet li taħthom is-servizzi jistgħu jiġu provduti, inklużi kondizzjonijiet relatati mal-iskedar, jistgħu wkoll jiġu ddeterminati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew wara proċedura kompetittiva maħsuba biex tiġi ddeterminata l-aħjar offerta fost l-operaturi jew, fejn adatt, CSEs interessati. |
CSEs għandhom jaċċettaw tali delegi taħt kondizzjonijiet objettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. Il-ħlasijiet mill-operaturi għas-servizzi tas-CSE m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż kollha tas-servizzi mogħtija u ma jistgħux jintalbu qabel ma l-ħażniet jiġu kostitwiti. Is-CSE tista’ tagħmel l-aċċettazzjoni tagħha ta’ delega kondizzjonali għall-forniment ta’ garanzija jew xi forma oħra ta’ sigurtà mill-operatur.
Artikolu 8
Operaturi ekonomiċi
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi tal-ħżin sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 jingħata d-dritt li jiddelega dawk l-obbligi mill-inqas parzjament u fuq l-għażla tal-operatur ekonomiku, imma unikament:
(a) |
lis-CSE tal-Istat Membru, li għal kont tiegħu jinżammu dawn il-ħażniet; u/jew |
(b) |
lil CSE waħda oħra jew aktar li jkunu ddikjaraw ruħhom minn qabel li jkunu lesti li jżommu tali ħażniet, dment li tali delegi jkunu ġew awtorizzati minn qabel kemm mill-Istat Membru li għal kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu; |
(c) |
lil operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli ‘l barra mit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet fil-Komunità, dment li tali delega tkun ġiet awtorizzata minn qabel kemm mill-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu; u/jew |
(d) |
lil operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet, dment li tali delega tkun ġiet ikkomunikata minn qabel lill-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti jew kondizzjonijiet fuq tali delega. |
Obbligi ddelegati skont il-punti (c) u (d) ma jistgħux jiġu sottodelegati. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tieħu effett biss jekk din tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-Istati Membri kollha li awtorizzaw id-delega. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punt (d) għandha titqies bħala delega ġdida.
2. Kull Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-drittijiet ta’ delega tal-operaturi ekonomiċi li fuqhom jimponi jew ikun impona obbligi ta’ ħżin.
Madankollu, fejn tali restrizzjonijiet jillimitaw id-drittijiet ta’ delega tal-operatur ekonomiku għal ammonti li jikkorrispondu għal inqas minn 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu, l-Istat Membru għandu jiżgura li jkun stabbilixxa CSE li tkun meħtieġa li taċċetta d-delegi fir-rigward tal-ammont meħtieġ biex jiġi salvagwardjat id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jiddelega mill-inqas 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu.
Il-persentaġġ minimu msemmi f’dan il-paragrafu għandu jiżdied minn 10 % għal 30 % sal-31 ta’ Diċembru 2017.
3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jista’ jimponi obbligu fuq operatur ekonomiku biex jiddelega mill-inqas parti mill-obbligu ta’ ħżin tiegħu lis-CSE tal-Istat Membru.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinformaw lill-operaturi ekonomiċi bil-modalitajiet li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin imposti fuqhom sa mhux aktar tard minn 200 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat. L-operaturi ekonomiċi għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddelegaw obbligi tal-ħżin lis-CSEs sa mhux aktar tard minn 170 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat.
Fejn l-operaturi ekonomiċi jkunu infurmati inqas minn 200 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu tal-ħżin, huma jistgħu fi kwalunkwe ħin jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddelegaw dak l-obbligu.
Artikolu 9
Ħażniet speċifiċi
1. Kull Stat Membru jista’ jimpenja ruħu li jżomm livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt, ikkalkolat f’numru ta’ jiem ta’ konsum, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Artikolu.
Ħażniet speċifiċi għandhom jappartjenu għall-Istat Membru jew is-CSE stabbilita minnu u għandhom jiżammu fit-territorju tal-Komunità.
2. Il-ħażniet speċifiċi jistgħu jkunu magħmulin biss minn wieħed jew aktar mill-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin, kif definit fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008:
— |
Etan |
— |
LPG |
— |
Gażolina għall-muturi |
— |
Gażolina għall-avjazzjoni |
— |
Karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4) |
— |
Karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin |
— |
Kerosin ieħor |
— |
Gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) |
— |
Fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) |
— |
Spirtu abjad u SPB |
— |
Lubrikanti |
— |
Bitum |
— |
Xama’ tal-paraffini |
— |
Kokk tal-petroleum |
3. Il-prodotti petroliferi li jikkostitwixxu ħażniet speċifiċi għandhom jiġu identifikati minn kull Stat Membru abbażi tal-kategoriji elenkati fil-paragrafu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għas-sena ta’ referenza determinata skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 u fir-rigward ta’ prodotti inklużi fil-kategoriji użati, l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-kwantitajiet ikkonsmati fl-Istat Membru ikun mill-anqas 75 % tal-konsum intern ikkalkolat bl-użu tal-metodu mniżżel fl-Anness II.
Għal kull waħda mill-kategoriji magħżula mill-Istat Membru, il-ħażniet speċifiċi li dan jimpenja ruħu li jżomm għandhom jikkorrispondu għal numru stabbilit ta’ jiem tal-konsum intern medju ta’ kuljum imkejla abbażi tal-ekwivalenti tagħhom f’żejt mhux maħdum, matul is-sena ta’ referenza determinata skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3.
L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi huma kkalkulati b’multiplikazzjoni b’fattur ta’ 1,2 tas-somma tal-“konsenji grossi osservati interni”, aggregati kif definit fit-Taqsima 3.2.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008, għall-prodotti inklużi fil-kategoriji użati jew ikkonċernati. L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.
4. Kull Stat Membru li jkun iddeċieda li jżomm ħażniet speċifiċi għandu jibgħat avviż lill-Kummissjoni li għandu jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jispeċifika l-livell ta’ tali ħażniet li huwa jkun impenja ruħu li jżomm u d-durata ta’ tali impenn li għandha tkun ta’ mill-inqas sena. Il-livell minimu notifikat għandu japplika għall-kategoriji kollha ta’ ħażniet speċifiċi użati mill-Istati Membri.
L-Istat Membru għandu jiżgura li tali ħażniet jinżammu għat-tul kollu tal-perijodu notifikat mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jsofru tnaqqis temporanju dovut biss għal operazzjonijiet individwali ta’ sostituzzjoni ta’ ħażniet.
Il-lista ta’ kategoriji użati minn Stat Membru għandha tibqa’ f’effett għal mill-inqas sena u tista’ tiġi emendata biss b’effett fl-ewwel jum ta’ xahar kalendarju.
5. Kull Stat Membru li ma jkunx għamel impenn għat-tul kollu ta’ sena kalendarja partikolari li jżomm ħażniet speċifiċi ta’ mill-inqas 30 jum għandu jiżgura li mill-inqas terz tal-obbligu tal-ħżin tiegħu jinżamm fil-forma ta’ prodotti magħmula skont il-paragrafi 2 u 3.
Stat Membru li għalih jinżammu ħażniet speċifiċi ta’ anqas minn 30 jum għandu jfassal rapport annwali li janalizza l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu biex jiżgura u jivverifika d-disponibbiltà u l-aċċess fiżiku tal-ħażniet ta’ emerġenza tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5 u għandu jiddokumenta fl-istess rapport l-arranġamenti magħmula sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jikkontrolla l-użu ta’ dawn il-ħażniet f’każ ta’ interruzzjoni fil-provvista taż-żejt. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sat-tmiem tal-ewwel xahar tas-sena kalendarja li għaliha huwa japplika.
Artikolu 10
Ġestjoni tal-ħażniet speċifiċi
1. Kull Stat Membru għandu jżomm reġistru kontinwament aġġornat u dettaljat tal-ħażniet speċifiċi kollha miżmuma fit-territorju tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkun fih, b’mod partikolari, l-informazzjoni kollha meħtieġa ikun indikat b’mod preċiż il-post tal-ħażniet ikkonċernati.
L-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni kopja tar-reġistru fi żmien 15-il jum wara li ssir talba mill-Kummissjoni. F’din il-kopja, data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet tista’ tkun miċħuda. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika.
2. Fejn ħażniet speċifiċi jkunu mħalltin ma’ ħażniet taż-żejt oħra, l-Istati Membri jew is-CSE tagħhom għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jimpedixxu li dawk il-prodotti mħallta jiġu mċaqalqa, sal-ammont tal-proporzjon li jikkostitwixxi ħażniet speċifiċi, mingħajr awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel mis-sid tal-ħażniet speċifiċi u mill-awtoritajiet tal-Istat Membru, jew mis-CSE stabbilita mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu l-ħażniet.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonferixxu immunità inkondizzjonata minn azzjoni tal-infurzar fuq il-ħażniet speċifiċi kollha miżmuma jew trasportati fit-territorju tagħhom, irrispettivament minn jekk dawk il-ħażniet ikunux jappartjenu lilhom jew lil Stati Membri oħra.
Artikolu 11
L-effett tad-delegi
Id-delegi msemmija fl-Artikoli 7 u 8 m’għandhom bl-ebda mod ibiddlu l-obbligi li huma r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru skont din id-Direttiva.
Artikolu 12
Sommarji tal-istatistika dwar il-ħażniet koperti mill-Artikolu 3
1. Fir-rigward tal-livelli tal-ħażniet li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 3, kull Stat Membru għandu jfassal sommarji tal-istatistika u jippreżentahom lill-Kummissjoni skont ir-regoli mniżżlin fl-Anness IV.
2. Ir-regoli għat-tfassil tas-sommarji msemmija fil-paragrafu 1, l-ambitu, il-kontenut u l-frekwenza u l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-regoli għall-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji lill-Kummissjoni jistgħu wkoll jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
3. L-Istati Membri ma jistgħux jinkludu l-kwantitajiet ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi li huma soġġetti għal ordni ta’ qbid jew azzjoni ta’ infurzar fis-sommarji tal-istatistika tagħhom dwar il-ħażniet ta’ emerġenza. Dan japplika wkoll għal ħażniet li jappartjenu għall-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni ta’ falliment jew li jkunu daħlu f’arranġament mal-kredituri.
Artikolu 13
Sommarji tal-istatistika dwar ħażniet speċifiċi
1. Kull Stat Membru kkonċernat għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni sommarju tal-istatistika għal kull kategorija ta’ prodotti, li juri l-ħażniet speċifiċi eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju u jispeċifika l-kwantitajiet u n-numru ta’ jiem ta’ konsum medju fis-sena kalendarja ta’ referenza li jirrappreżentaw dawk il-ħażniet. Jekk xi wħud minn dawk il-ħażniet speċifiċi jinżammu barra mit-territorju ta’ Stat Membru, dan għandu jipprovdi dettalji tal-ħażniet miżmuma fi, jew mid-diversi Stati Membri u s-CSEs kkonċernati. Huwa għandu jipprovdi wkoll indikazzjoni dettaljata dwar jekk dawk il-ħażniet jappartjenux kollha għalih jew jekk jappartjenux, kollha jew parzjalment, għas-CSE tiegħu.
2. Kull Stat Membru kkonċernat għandu jfassal u jippreżenta wkoll lill-Kummissjoni sommarju dwar il-ħażniet speċifiċi li jinsabu fit-territorju tiegħu u li jappartjenu għal Stati Membri jew CSEs oħra, li juri l-ħażniet eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju u mqassmin fil-kategoriji ta’ prodotti identifikati skont l-Artikolu 9(4). F’dak is-sommarju, l-Istat Membru għandu jindika wkoll, f’kull każ, l-Istat Membru jew is-CSE kkonċernata u l-kwantitajiet involuti.
3. Is-sommarji tal-istatistika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ppreżentati matul ix-xahar kalendarju ta’ wara dak li għalih huma jkunu japplikaw.
4. Kopji tas-sommarji tal-istatistika għandhom jintbagħtu wkoll immedjatament fuq talba mill-Kummissjoni. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika.
5. L-ambitu, il-kontenut u l-frekwenza tas-sommarji tal-istatistika kif ukoll l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-regoli għall-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji lill-Kummissjoni jistgħu wkoll jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 14
Sommarji tal-ħażniet kummerċjali
1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sommarju tal-istatistika ta’ kull xahar dwar il-livelli tal-ħażniet kummerċjali miżmuma fit-territorju nazzjonali tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jiżguraw li data sensittiva tkun protetta u m’għandhomx isemmu l-ismijiet tal-proprjetarji tal-ħażniet ikkonċernati.
2. Bl-użu tal-livelli aggregati, il-Kummissjoni għandha kull ġimgħa tippubblika sommarju tal-istatistika ta’ kull xahar dwar il-ħażniet kummerċjali fil-Komunità abbażi tas-sommarji ppreżentati mill-Istati Membri.
3. Ir-regoli għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tas-sommarji tal-istatistika, kif ukoll għall-frekwenza tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 15
Ipproċessar tad-data
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u ż-żamma u l-manutenzjoni tar-riżorsi informatiċi meħtieġa biex wieħed jirċievi, jaħżen u jwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data pprovduta fis-sommarji tal-istatistika, kull informazzjoni oħra ppreżentata mill-Istati Membri jew miġbura mill-Kummissjoni skont din id-Direttiva u kwalunkwe data dwar il-ħażniet taż-żejt miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 u meħtieġa għall-fini tat-tfassil tas-sommarji rikjesti minn din id-Direttiva.
Artikolu 16
Bijokarburanti u addittivi
1. Meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-obbligi skont l-Artikoli 3 u 9 l-bijokarburanti u l-addittivi għandhom jiġu kkunsidrati biss meta dawn ikunu ġew imħalltin mal-prodotti petroliferi ikkonċernati.
2. Meta jiġu kkalkulati l-livelli tal-ħżin li realment miżmuma, għandu jittieħed kont tal-bijokarburanti u l-addittivi meta:
(a) |
huma jkunu tħalltu mal-prodotti petroliferi ikkonċernati; jew |
(b) |
huma jkunu maħżuna fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dment li l-Istat Membru jkun adotta regoli li jiżguraw li dawn għandhom jitħalltu mal-prodotti petroliferi miżmumin skont ir-rekwiżiti tal-ħżin imniżżlin f’din id-Direttiva u li huma jkunu ser jintużaw fit-trasportazzjoni. |
3. Ir-regoli biex il-bijokarburanti u l-addittivi jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-obbligi tal-ħżin u l-livelli tal-ħażniet, kif stabbilit fil-paragrafu 1 u 2, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 17
Grupp ta’ Koordinazzjoni għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi
1. Grupp ta’ Koordinazzjoni għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi huwa b’dan stabbilit (minn hawn ‘il quddiem il-“Grupp ta’ Koordinazzjoni”). Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni huwa Grupp konsultattiv li għandu jikkontribwixxi biex issir analiżi tas-sitwazzjoni fil-Komunità fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi u għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri f’dak il-qasam.
2. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Huwa għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni. Korpi rappreżentattivi mis-settur ikkonċernat jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni fuq l-istedina tal-Kummissjoni.
Artikolu 18
Reviżjonijiet tal-istat ta’ tħejjija għal emerġenza u l-ħżin
1. Kummissjoni tista’, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, twettaq reviżjonijet sabiex tivverifika l-istat tagħhom ta’ tħejjija għal emerġenza u, jekk ikun ikkunsidrat xieraq mill-Kummissjoni, tal-ħżin relatat. Meta tkun qed tħejji għal tali reviżjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-isforzi ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u tikkonsulta lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni.
2. Grupp ta’ Koordinazzjoni jista’ jaqbel dwar il-parteċipazzjoni ta’ aġenti u rappreżentanti awtorizzati ta’ Stati Membri oħrajn fir-reviżjonijiet. Uffiċjali nazzjonali nnominati tal-Istat Membru li ssirlu r-reviżjoni jistgħu jakkumpanjaw lill-persuni li jkunu qed iwettqu r-reviżjoni. Fi żmien ġimgħa wara li titħabbar reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru kkonċernat li jkun għadu ma provdiex lill-Kummissjoni b’data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet skont l-Artikoli 6 u 9 għandu jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-impjegati jew l-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom u dawk responsabbli għaż-żamma u l-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jaqblu dwar spezzjonijiet u jipprovdu assistenza lill-persuni awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu dawk ir-reviżjonijiet. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jingħataw id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti u r-reġistri kollha relatati mal-ħażniet u li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-siti kollha fejn jinżammu l-ħażniet u għad-dokumenti kollha relatati.
4. L-eżitu tar-reviżjonijiet imwettqa skont dan l-Artikolu għandu jiġi notifikat lill-Istat Membru rivedut u jista’ jintbagħat lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni.
5. L-Istati Membru u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-uffiċjali, l-aġenti u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni ma jistgħux jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni li tkun inġabret jew ġiet skambjata skont dan l-Artikolu u li, minħabba n-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, bħal pereżempju l-identità tal-proprjetarji tal-ħażniet.
6. L-objettivi tar-reviżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jinkludux l-ipproċessar ta’ data personali. Kwalunkwe data personali li tinstab jew li titfaċċa matul dawk ir-reviżjonijiet ma tistax tinġabar jew tiġi kkunsidrata u, jekk tinġabar aċċidentalment, għandha tiġi mħassra minnufih.
7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data, ir-rekords, is-sommarji u d-dokumenti kollha relatati mal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jinżammu għal perijodu ta’ mill-inqas 5 snin.
Artikolu 19
Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data
Din id-Direttiva hija bla preġudizzju għal u ma taffettwa bl-ebda mod il-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, ma tbiddel xejn mill-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif stabbilit mid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minnhom waqt li jkunu qegħdin iwettqu d-dmirijiet tagħhom.
Artikolu 20
Proċeduri f’emerġenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom proċeduri attwati u jieħdu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa, sabiex l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jirrilaxxaw malajr, b’mod effettiv u trasparenti l-ħażniet ta’ emerġenza jew il-ħażniet speċifiċi tagħhom kollha jew parti minnhom fil-każ ta’ interruzzjoni maġġuri tal-provvista, u li jimponu restrizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi fuq il-konsum f’konformità man-nuqqasijiet li jkunu stmati, fost l-oħrajn bl-allokazzjoni tal-prodotti petroliferi lil xi gruppi ta’ utenti fuq bażi prijoritarja.
2. F’kull ħin, l-Istati Membri għandu jkollhom pjani ta’ kontinġenza li għandhom jiġu implimentati fil-każ ta’ interruzzjoni kbira tal-provvista u għandhom jipprevedu miżuri ta’ organizzazzjoni li għandhom jittieħdu biex jippermettu li dawk il-pjani jiġu implimentati. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar bil-pjan ta’ kontinġenza tagħhom u l-arranġamenti organizzattivi korrispondenti.
3. F’każ ta’ deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet li taffettwa Stat Membru wieħed jew aktar:
(a) |
l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jużaw il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi tagħhom sabiex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom taħt dik id-deċiżjoni. Kwalunkwe Stat Membru li jagħmel dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih, sabiex din tkun tista’ ssejjaħ laqgħa tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni jew tikkonsulta l-membri tagħha permezz ta’ mezzi elettroniċi sabiex tivvaluta, b’mod partikolari, l-impatt ta’ dak ir-rilaxx; |
(b) |
il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jirrilaxxaw il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi kollha tagħhom jew parti minnhom jew biex jieħdu miżuri oħrajn b’effett ekwivalenti kif meqjus adatt. Il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss wara li tikkonsulta l-Grupp ta’ Koordinazzjoni. |
4. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet iżda meta jirriżultaw diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum jew tal-prodotti petroliferi lill-Komunità jew lil xi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-AIE fejn applikabbli, u tikkoordina magħha skont il-każ, u torganizza konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli, fuq talba ta’ xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. Meta Stat Membru jitlob konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni, din għandha ssir fi żmien mhux aktar minn erbat ijiem mit-talba, dment li l-Istat Membru ma jaqbilx li jkun hemm perijodu itwal. Abbażi tar-riżultati tal-eżami tas-sitwazzjoni mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk tkunx saret interruzzjoni maġġuri tal-provvista.
Jekk jitqies li tkun saret interruzzjoni maġġuri tal-provvista, il-Kummissjoni għandha tawtorizza r-rilaxx tal-kwantitajiet kollha tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jew ta’ parti minnhom li jkunu tqiegħdu tressqu għal dak l-iskop mill-Istat Membri kkonċernati.
5. L-Istati Membri jistgħu jirrilaxxaw ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi taħt il-livell minimu obbligatorju stabbilit minn din id-Direttiva f’ammonti li jkunu immedjatament meħtieġa għal rispons inizjali f’każijiet ta’ urġenza partikolari jew bħala soluzzjoni għall-kriżijiet lokali. F’każ ta’ tali rilaxx, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar l-ammont rilaxxat. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni.
6. Fil-każ li jiġu applikati l-paragrafi 3, 4 u 5, l-Istati Membri huma awtorizzati li jżommu b’mod temporanju livelli ta’ ħażniet aktar baxxi minn dawk stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni u, fejn applikabbli, f’koordinazzjoni mal-AIE, u partikolarment billi tieħu kont tas-sitwazzjoni fis-swieq internazzjonali taż-żejt u tal-prodotti petroliferi, skeda ta’ żmien raġonevoli li fiha l-Istati Membri għandhom jerġgħu jibnu l-ħażniet tagħhom sal-livelli minimi meħtieġa.
7. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu internazzjonali ieħor tal-Istati Membri kkonċernati.
Artikolu 21
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 22
Reviżjoni
Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tħaddim u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 23
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
Artikolu 24
Tħassir
Id-Direttiva 73/238/KEE, id-Direttiva 2006/67/KE u d-Deċiżjoni 68/416/KEE huma b’dan imħassra b’effett fil-31 ta’ Diċembru 2012.
Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra u għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.
Artikolu 25
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Permezz ta’ deroga mill-ewwel sottoparagrafu, l-Istati Membri li mhumiex membri tal-AIE sal-31 ta’ Diċembru 2012 u li jkopru l-konsum intern tagħhom tal-prodotti petroliferi bis-sħiħ permezz tal-importazzjonijiet għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2014. Sakemm dawk l-Istati Membri ma jkunux daħħlu fis-seħħ tali miżuri, huma għandhom iżommu ħażniet taż-żejt li jikkorrispondu għal medja ta’ importazzjonijiet netti ta’ kuljum ta’ 81 jum.
Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 27
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(1) L-Opinjoni tat-22.4.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) L-Opinjoni tat-13.5.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU C 128, 5.6.2009, p. 42.
(5) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(7) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 1.
(8) ĠU L 308, 23.12.1968, p. 19.
(9) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
ANNESS I
METODU GĦALL-KALKOLU TAL-EKWIVALENTI F’ŻEJT MHUX MAĦDUM TAL-IMPORTAZZJONI TA’ PRODOTTI PETROLIFERI
L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni ta’ prodotti petroliferi, kif imsemmi fl-Artikolu 3, għandha tiġi kkalkolata bl-użu tal-metodu li ġej:
L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni ta’ prodotti petroliferi tinkiseb billi jiġi kkalkolat it-total tal-importazzjoni netta ta’ żejt mhux maħdum, NGL, prodotti għall-alimentazzjoni tar-raffineriji u idrokarburi oħra kif definit fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE), bl-aġġustament tar-riżultat biex jittieħed kont ta’ kwalunkwe tibdil fil-ħażniet, bi tnaqqis ta’ 4 % għar-rendiment ta’ nafta (jew, jekk ir-rendiment medju ta’ nafta ġewwa t-territorju nazzjonali jkun akbar minn 7 %, bi tnaqqis tal-konsum effettiv nett ta’ nafta jew ir-rendiment medju ta’ nafta) u biż-żieda ta’ dan mal-importazzjoni netta tal-prodotti petroliferi l-oħra kollha barra n-nafta, aġġustati wkoll biex jittieħed kont tat-tibdil tal-ħażniet u mmultiplikat b’fattur ta’ 1,065.
L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.
ANNESS II
METODU GĦALL-KALKOLU TAL-EKWIVALENTI F’ŻEJT MHUX MAĦDUM TAL-KONSUM INTERN
Għall-fini tal-Artikolu 3, l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-metodu li ġej:
Il-konsum intern huwa t-total tal-“konsenji grossi osservati interni”, aggregati kif definit fit-Taqsima 3.2.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi, gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) kif definiti fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.
L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.
L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern huwa kkalkolat b’multiplikazzjoni b’fattur ta’ 1,2.
ANNESS III
METODI GĦALL-KALKOLU TAL-LIVELL TA’ ĦAŻNIET MIŻMUMA
Il-metodi li ġejjin għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet:
|
Mingħajr preġudizzju għall-każ ittrattat fl-Artikolu 4(3), l-ebda kwantità ma tista’ tingħadd bħala ħażna aktar minn darba; |
|
Il-ħażniet ta’ żejt mhux maħdum huma mnaqqsa b’4 %, li jikkorrispondi għar-rendiment medju ta’ nafta; |
|
Il-ħażniet ta’ nafta u ta’ prodotti petroliferi għall-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi; |
|
Prodotti petroliferi oħra huma inklużi fl-ammont tal-ħażniet bl-użu ta’ wieħed miż-żewġ metodi mniżżlin hawn taħt. L-Istati Membri għandhom ikomplu jużaw il-metodu li jkunu għażlu matul is-sena kalendarja kkonċernata kollha. |
L-Istati Membri jistgħu:
(a) |
jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,065; jew |
(b) |
jinkludu l-ħażniet tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi, gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,2. |
Il-kalkolu jista’ jinkludi l-kwantitajiet miżmuma:
— |
fit-tankijiet tar-raffineriji taż-żejt, |
— |
fit-terminals għall-merkanzija ta’ volum kbir, |
— |
fir-riżervi ta’ alimentazzjoni tal-pajpijiet taż-żejt, |
— |
fil-barkuni, |
— |
fit-tankers taż-żejt li jbaħħru tul il-kosta, |
— |
fit-tankijiet taż-żejt li jinsabu fil-portijiet, |
— |
fl-imħażen tal-bastimenti ta’ navigazzjoni interna, |
— |
fil-qiegħ tat-tankijiet, |
— |
fil-forma ta’ ħażniet għall-użu, |
— |
minn konsumaturi importanti għall-obbligu legali jew direttivi oħra tal-awtoritajiet. |
Madankollu, dawk il-kwantitajiet ħlief għal dawk miżmuma fit-tankijiet tar-raffineriji, fit-tankijiet tal-ħżin għall-alimentazzjoni tal-pajpijiet taż-żejt jew f’terminals tal-merkanzija, ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet speċifiċi fejn tali ħażniet jiġu kkalkolati separatament mill-ħażniet ta’ emerġenza.
Il-kalkolu ma jista’ qatt jinkludi:
(a) |
żejt mhux maħdum li jkun għadu ma ġiex prodott; |
(b) |
kwantitajiet miżmuma:
|
Fil-kalkolu tal-ħażniet tagħhom, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwantitajiet ta’ ħażniet kkalkolati kif imniżżla hawn fuq b’10 %. Dak it-tnaqqis japplika għall-kwantitajiet kollha inklużi f’kalkolu speċifiku.
Madanakollu, l-ebda tnaqqis ta’ 10 % ma għandu japplika għall-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet speċifiċi jew il-livelli tal-kategoriji differenti ta’ ħażniet speċifiċi fejn dawk il-ħażniet jew kategoriji jkunu kkunsidrati separatament mill-ħażniet ta’ emerġenza, partikolarment bil-ħsieb li tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli minimi stabbiliti mill-Artikolu 9.
ANNESS IV
Regoli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tas-sommarji tal-istatistika tal-ħażniet li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 3
Kull Stat Membru għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kull xahar, sommarju tal-istatistika definittiv tal-livell tal-ħażniet effettivament miżmum fl-aħħar jum tax-xahar kalendarju abbażi tan-numru ta’ jiem ta’ importazzjoni netta ta’ żejt jew abbażi tan-numru ta’ jiem ta’ konsum intern ta’ żejt, skont l-Artikolu 3. Is-sommarju tal-istatistika għandu jipprovdi dettalji preċiżi dwar ir-raġuni għaliex il-kalkolu huwa bbażat fuq in-numru ta’ jiem ta’ importazzjoni jew, għall-kuntrarju, fuq in-numru ta’ jiem ta’ konsum u għandu jispeċifika liema wieħed mill-metodi ta’ kalkolu mniżżlin fl-Anness III ntuża.
Jekk xi wħud mill-ħażniet inklużi fil-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet miżmuma skont l-Artikolu 3 jinżammu barra mit-territorju nazzjonali, kull sommarju għandu jagħti d-dettalji tal-ħażniet miżmuma mid-diversi Stati Membri u s-CSEs kkonċernati fl-aħħar jum tal-perijodu li għalih huwa japplika. Fis-sommarju tiegħu, kull Stat Membru għandu jindika wkoll, f’kull każ, jekk il-ħażniet ikunux qed jinżammu wara talba ta’ delega magħmula minn operatur ekonomiku wieħed jew aktar jew jekk ikunux qed jinżammu fuq it-talba tiegħu jew fuq it-talba tas-CSE tiegħu.
Għal kwalunkwe ħażna miżmuma minn Stat Membru fit-territorju tiegħu f’isem Stati Membri oħrajn jew CSEs oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni sommarju li juri l-ħażniet eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju, imqassmin skont il-kategoriji tal-prodotti. F’dak is-sommarju, l-Istat Membru għandu jindika wkoll, b’mod partikolari, l-Istat Membru jew is-CSE kkonċernata u l-kwantitajiet involuti f’kull każ.
Is-sommarji tal-istatistika msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fi żmien 55 jum wara t-tmiem tax-xahar li għalihom huma japplikaw. Dawk l-istess sommarji għandhom jiġu ppreżentati wkoll fi żmien xahrejn wara li ssir talba mill-Kummissjoni. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data li għaliha d-data tkun tapplika.