3.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 260/5 |
DIRETTIVA 2009/104/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Settembru 2009
dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
(verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata. |
(2) |
Din id-Direttiva hija direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (5). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KE huma applikabbli b’mod sħiħ fil-qasam tal-użu tat-tagħmir tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol mill-ħaddiema, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar stretti jew speċifiċi misjuba f’din id-Direttiva. |
(3) |
L-Artikolu 137(2) tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill jista jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi li jinkoraġġixxu t-titjib, b’mod partikolari fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jipproteġi s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema |
(4) |
Skond l-Artikolu msemmi, dawn id-Direttivi għandhom jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’manjiera li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. |
(5) |
Id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat ma jipprevjenu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi tal-kondizzjonijiet tax-xogħol aktar stretti li jkunu kompatibbli mat-Trattat. |
(6) |
Il-konformità mar-rekwiżiti minimi xierqa biex jiggarantixxu standard aħjar ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu ta’ tagħmir tax-xogħol hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema. |
(7) |
It-titjib fis-sikurezza, fl-iġjene u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huwa għan li ma jistax jiġi subordinat għal konsiderazzjonijiet purament ekonomiċi. |
(8) |
Ix-xogħol fil-għoli jista’ jesponi lill-ħaddiema għal riskji partikolarment severi għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom notevolment għar-riskji ta’ waqgħat mill-għoli u għal inċidenti serji tax-xogħol oħra, li jammontaw għal proporzjon kbir mill-inċidenti kollha, speċjalment ta’ inċidenti fatali. |
(9) |
Din id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku fl-isfond tat-twettiq tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern. |
(10) |
Skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 litistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika (6), l-Istati Membrihuma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull abbozz tar-regolamenti tekniċi ligħandhom x’jaqsmu mal-makkinarju, mat-tagħmir u mal-istallazzjonijiet. |
(11) |
Din id-Direttiva hi l-aktar mezz xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop. |
(12) |
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, Parti B, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
IL-KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Direttiva, li hija t-tieni Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi r-rekwżiti minimi dwar is- sikurezza u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Artikolu 2.
2. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE huma applikabbli b’mod sħiħ fil-kamp kollu msemmi fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-disposizzjonijiet aktar stretti jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:
(a) “tagħmir tax-xogħol”: kull magna, apparat, għodda, jew stallazzjoni użati waqt ix-xogħol;
(b) “użu tat-tagħmir tax-xogħol”: kull attività li tinvolvi t-tagħmir tax-xogħol bħal tqabbid jew waqfien tat-tagħmir, l-użu tiegħu, it-trasport, it-tiswija, il-modifika, il-manutenzjoni u s-servicing, inkluż, b’mod partikolari, it-tindif;
(c) “żona ta’ perikolu”: kull żona ġewwa jew madwar it-tagħmir tax-xogħol li fiha ħaddiem espost ikun suġġett għal riskju rigward is-saħħa jew is-sikurezza tiegħu;
(d) “ħaddiem espost”: kwalunkwe ħaddiem li jinsab kollu kemm hu jew parzjalment f’żona ta’ perikolu;
(e) “operatur”: il-ħaddiem jew il-ħaddiema inkarigati li jużaw it-tagħmir tax-xogħol.
IL-KAPITOLU II
L-OBBLIGI TA’ MIN IĦADDEM
Artikolu 3
Obbligi ġenerali
1. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi t-tagħmir tax-xogħol magħmul disponibbli għall-ħaddiema fl-impriża jew l-istabbiliment ikun xieraq għax-xogħol li għandu jitwettaq jew addattat kif jixraq għal dan l-iskop u jista’ jintuża mill-ħaddiema mingħajr ħsara għas-sikurezza jew is-saħħa tagħhom.
Fl-għażla tat-tagħmir tax-xogħol li hu biħsiebu juża, min iħaddem għandu jikkunsidra l-kondizzjonijiet u l-karatterstiċi speċifiċi tax-xogħol u l-perikli li jeżistu fl-impriża jew fl-istabbiliment, b’mod partikolari fuq il-postijiet tax-xogħol, għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, jew kull perikolu possibbli addizzjonali impost bl-użu tat-tagħmir tax-xogħol in kwistjoni.
2. Fejn mhux possibbli li jiġi żgurat għal kollox illi t-tagħmir tax-xogħol jista’ jintuża mill-ħaddiema mingħajr riskju għas-sikurezza jew għas-saħħa, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jimminimizza r-riskji.
Artikolu 4
Ir-Regoli li jirrigwardaw it-tagħmir tax-xogħol
1. Bla ħsara għall-Artikolu 3, min iħaddem għandu jikseb jew juża:
(a) |
it-tagħmir tax-xogħol li, jekk provdut lill-ħaddiema fl-impriża jew fl-istabbiliment għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Diċembru 1992, jikkonforma:
|
(b) |
mat-tagħmir tax-xogħol li, jekk diġà provdut lill-ħaddiema fl-impriża jew fl-istabbiliment sal-31 ta’ Diċembru 1992, jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi previsti fl-Anness I sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara din id-data; |
(c) |
mingħajr preġudizzju għall-punt (a)(i), u b’deroga mill-punt (a)(ii) u l-punt (b), tagħmir ta’ xogħol speċifiku suġġett għar-rekwiżiti tal-punt 3 tal-Anness I, jekk diġà provdut għall-ħaddiema fl-impriża u/jew stabbiliment sal-5 ta’ Diċembru 1998, li jikkonforma mar-rekwiżiti previsti stabbiliti fl-Anness I, sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara dik id-data. |
2. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi, matul il-ħajja tat-tagħmir tax-xogħol, dan jinżamm, permezz ta’ manutenzjoni adegwata, f’livell illi jikkonforma mal-paragrafu 1(a) jew (b) skont il-każ.
3. L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u b’kont meħud tal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali jistabilixxu l-miżuri li jippermettu li jintlaħaq livell ta’ sikurezza li jikkorrispondi mal-miri msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Anness II.
Artikolu 5
Spezzjoni ta’ tagħmir ta’ xogħol
1. Min jimpjiega għandu jassigura illi fejn is-sikurezza tat-tagħmir tax-xogħol tiddependi fuq il-kondizzjonijiet tal-installazzjoni, dan ikun soġġett għall-spezzjoni inizjali (wara l-installazzjoni imma qabel ma jibdew jaħdmu) u għal spezzjoni verifika wara kull assemblaġġ f’sit ġdid jew tqegħid f’lokazzjoni oħra, li ssir minn persuni kompetenti fis-sens tal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat l-installazzjoni korretta u l-funzjonament tajjeb ta’ dan it-tagħmir tax-xogħol.
2. Biex ikun garantit li l-kondizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza ikunu rispettati u li d-deterjorament li aktarx jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet ta’ perikolu ikun identifikat u rimedjat fil-ħin, min jimpjiega għandu jiżgura li t-tagħmir ta’ xogħol li jkun espost għal kondizzjonijiet li jikkawżaw tali deterjorazzjoni, jkun soġġett għal:
(a) |
spezzjonijiet perijodiċi u, meta jkun il-każ, provi perijodiċi minn persuni kompetenti fis-sens ta’ leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, |
(b) |
spezzjonijiet speċjali minn persuni kompetenti fis-sens ta’ leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali kull darba li sseħħ xi ġrajja eċċezzjonali li tista’ ġġib magħha konsegwenzi ta’ ħsara għas-sikurezza tat-tagħmir tax-xogħol bħalma huma xogħol ta’ modifika, inċidenti, fenomeni naturali, perijodi twal ta’ nuqqas ta’ użu, |
3. Ir-riżultati ta’ spezzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Għandhom jinżammu għal perijodu ta’ żmien xieraq.
Meta t-tagħmir tax-xogħol hu użat barra l-impriża għandu jkollu miegħu prova materjali li tkun saret l-aħħar spezzjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet li bihom għandhom isiru dawn l-ispezzjonijiet.
Artikolu 6
It-tagħmir tax-xogħol li jinvolvi riskji speċifiċi
Meta l-użu tat-tagħmir tax-xogħol x’aktarx jista’ jinvolvi riskju speċifiku għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ħaddiema, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:
(a) |
l-użu tat-tagħmir tax-xogħol ikun ristrett għal dawk il-ħaddiema inkarigati mill-użu tiegħu; |
(b) |
fil-każ ta’ tiswijiet, modifiki, manutenzjoni jew servicing, il-ħaddiema konċernati għandhom jiġu speċifikament awtorizzati biex jagħmlu dan ix-xogħol. |
Artikolu 7
L-Ergonomija u s-saħħa fuq ix-xogħol
Il-post tax-xogħol u l-pożizzjoni tal-ħaddiema meta qed jużaw tagħmir tax-xogħol kif ukoll il-prinċipji tal-ergonomija għandhom jiġu meħuda in konsiderazzjoni sħiħa minn min jimpjiega meta japplika r-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u ta’ sikurezza.
Artikolu 8
It-tagħrif lill-ħaddiema
1. Bla ħsara għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif adegwat u, fejn xieraq, istruzzjonijiet bil-miktub dwar it-tagħmir tax-xogħol użat fuq ix-xogħol.
2. It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub irid ikun fihom mill-inqas tagħrif adegwat dwar is-sikurezza u s-saħħa li jirrigwarda:
(a) |
il-kundizzjonijiet tal-użu tat-tagħmir tax-xogħol; |
(b) |
is-sitwazzjonijiet anormali li jistgħu jiġu previsti; |
(c) |
il-konklużjonijiet miġbura mill-esperjenza akkwistata, fejn xieraq, fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol. |
Il-ħaddiema għandhom jiġu magħmula konxji mir-riskji li jikkonċernawhom, mit-tagħmir tax-xogħol preżenti fl-ambjent immedjat tax-xogħol kif ukoll ta’ xi modifikazzjonijiet li jikkonċernawhom, sa fejn dawn jeffettwaw it-tagħmir tax-xogħol li jkunu jinsabu fl-ambjent tax-xogħol fil-qrib anke jekk ma jkunux qegħdin jużaw dan it-tagħmir direttament.
3. It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub iridu jkunu tali li jinftiehmu mill-ħaddiema kkonċernati.
Artikolu 9
It-taħriġ tal-ħaddiema
Bla ħsara għall-Artikolu 12 tad- Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:
(a) |
il-ħaddiema inkarigati mit-tagħmir tax-xogħol għandhom jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ dwar kull riskju li, skont il-każ jista’ jkun fih dan l-użu, |
(b) |
il-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 6(b) għandhom jirċievu taħriġ speċifiku adegwat. |
Artikolu 10
Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema
Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, dwar il-materji koperti b’din id-Direttiva, inklużi l-Annessi tagħha, għandhom isiru skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.
IL-KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI
Artikolu 11
Emenda tal-Annessi
1. Iż-żidiet għall-Anness I dwar ir-rekwiżiti minimi supplimentari applikabbli għat-tagħmir speċifiku tax-xogħol msemmi fil-punt 3 tal-Anness I għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 137(2) tat-Trattat.
2. L-adattamenti strettament ta’ natura teknika tal-Annessi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 89/391/KEE, b’riżultat ta’:
(a) |
l-adozzjoni tad-Direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tax-xogħol jew |
(b) |
il-progress tekniku, żviluppi fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali jew fit-tagħrif fil-qasam tat-tagħmir tax-xogħol. |
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet finali
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 13
Id-Direttiva 89/655/KEE, kif emendata mid-Direttivi msemmija fl-Anness III, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbilti fl-Anness III, Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.
Artikolu 14
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(1) ĠU C 100, 30.4.2009, p. 144.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.
(3) ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13.
(4) Ara l-Anness III, Parti A.
(5) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(6) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
ANNESS I
IR-REKWIŻITI MINIMI
msemmija fl-artikolu 4(1)(a)(ii) u (b)
1. Kumment ġenerali
L-obbligi stabbiliti f’dan l-Anness japplikaw skont din id-Direttiva u fejn jeżisti riskju li jikkorrispondi mat-tagħmir tax-xogħol in kwistjoni.
Ir-rekwiżiti minimi li ġejjin, sa fejn japplikaw għal tagħmir ta’ xogħol fl-użu, mhux neċessarjament jitolbu għall-istess miżuri bħar-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw it-tagħmir tax-xogħol ġdid.
2. Ir-rekwiżiti minimi ġenerali applikabbli għat-tagħmir tax-xogħol
2.1. |
L-istrumenti li jikkontrollaw it-tagħmir tax-xogħol li jaffettwaw is-sikurezza jridu jkunu jidhru identifikabbli biċ-ċar u, skont il-każ, mmarkati fejn meħtieġ. Għajr fejn jinħtieġ għal ċerti strumenti tal-kontroll, l-istrumenti tal-kontroll ghandhom jiġu mqiegħda ‘l barra miż-żoni ta’ perikolu u b’modi li l-operazzjoni tagħhom ma tistax tikkawża perikolu addizzjonali. M’għandhom joħolqu l-ebda perikolu bħala riżultat ta’ kull manuvra mhix intenzjonata. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, mill-pożizzjoni prinċipali tal-kontroll, il-ħaddiem irid ikun jista’ jiżgura illi l-ebda persuna ma tkun preżenti fiż-żoni ta’ perkolu. Jekk dan ma jkunx possibbli, kwalunkwe tħaddim tal-makkinarju għandu jkun ippreċedut awtomatikament minn sistema sikura bħal sinjal ta’ twissija li jinstama’ jew li jidher meta l-makkinarju jkun sejjer jitqabbad jaħdem. Ħaddiem espost irid ikollu l-ħin jew il-mezz sabiex jaħrab malajr mill-perikli kkawżati mit-tagħmir tax-xogħol huwa u jitqabbad jew jitwaqqaf. Is-Sistemi ta’ kontroll għandhom ikunu żguri u jintgħażlu wara li tkun ngħatat kunsiderazzjonji għal meta s-sistema tfalli, ikun fiha disturbi jew kondizzjonijiet speċjali li wieħed jista’ jipprevedi fil-qafas tal-użu maħsub. |
2.2. |
It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun jista’ jitqabbad jaħdem biss b’azzjoni maħsuba fuq strument ta’ kontroll provdut għal dan l-iskop. L-istess għandu japplika:
għajr jekk dan it-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla ma tippreżenta l-ebda periklu lill-ħaddiema esposti. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għat-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla fil-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet bħala riżultat tas-sekwenza normali taċ-ċiklu awtomatiku. |
2.3. |
It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun imgħammar b’kontroll sabiex iwaqqaf it-tagħmir kompletament u b’mod żgur. Kull stazzjon tax-xogħol trid tkun mgħammra b’kontroll li jwaqqaf parti mit-tagħmir tax-xogħol jew kollu, skont it-tip tal-perikolu, sabiex it-tagħmir ikun fi stat ta’ sikurezza. Il-kontroll tal-waqfien tat-tagħmir irid ikollu l-prijorità fuq il-kontrolli li jqabbdu t-tagħmir. Meta t-tagħmir tax-xogħol jew il-partijiet perikolużi tiegħu jieqfu, irid jiġi maqtugħ il-forniment tal-enerġija minn fejn jiġi azzjonat it-tagħmir. |
2.4. |
Fejn xieraq, u skont il-perikoli li jippreżenta t-tagħmir u l-ħin ta’ waqfien normali tiegħu, it-tagħmir tax-xogħol irid jiġi mgħammar b’mezz tal-waqfien f’emerġenza. |
2.5. |
It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta riskju minħabba l-oġġetti li jaqgħu jew il-biċċiet li jisporġu minnu irid ikun imgħammar bil-mezzi xierqa ta’ sikurezza li jikkorrispondu ma’ dawn ir-riskji. It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta perikli minħabba l-ħruġ ta’ gass, fwar, likwidu jew trab irid ikun mgħammar b’mezzi xierqa ta’ trażżin jew ta’ estrazzjoni maġenb is-sorsi tal-perikolu. |
2.6. |
It-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet minn dan it-tagħmir, fejn ikun meħtieġ għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jiġu mwaħħla bl-ikklampjar jew b’mezzi oħra. |
2.7. |
Fejn ikun hemm ir-riskju ta’ ksur jew tad-diżintegrazzjoni ta’ partijiet mit-tagħmir tax-xogħol, li x’ aktarx jista’ jkun ta’ perikolu sinifikanti għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jittieħdu l-miżuri protettivi xierqa. |
2.8. |
Fejn ikun hemm ir-riskju ta’ kuntatt mekkaniku ma’ partijiet li jiċċaqilqu tat-tagħmir tax-xogħol li jistgħu jwasslu għal inċidenti, dawn il-partijiet iridu jkunu provduti bi lqugħ jew b’mezzi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żoni ta’ perikolu jew sabiex iwaqqfu ċ-ċaqliq tal-partijiet perikolużi qabel jintlaħqu ż-żoni tal-perikolu. L-ilqugħ u l-mezzi ta’ protezzjoni jridu:
|
2.9. |
Iż-żoni u l-postijiet għax-xogħol fuq it-tagħmir tax-xogħol, jew il-manutenzjoni tiegħu, iridu jkunu mdawla biżżejjed skont l-operazzjoni li trid titwettaq. |
2.10. |
Il-partijiet tat-tagħmir tax-xogħol f’temperatura għolja jew f’temperatura baxxa ħafna jridu, fejn xieraq, ikunu protetti sabiex jevitaw ir-riskju li l-ħaddiema jiġu f’kuntatt miegħu jew qrib wisq. |
2.11. |
Il-mezzi tat-twissija fuq it-tagħmir tax-xogħol ma jridux ikunu ambigwi u jridu jidhru u jiġu mifhuma faċilment. |
2.12. |
It-tagħmir tax-xogħol ma jistax jintuża għall-operazzjonijiet u f’kondizzjonijiet li għalihom m’huwiex xieraq. |
2.13. |
Irid ikun possibbli li jitwettqu operazzjonijiet ta’ manutenzjoni meta t-tagħmir ikun mitfi. Jekk dan ma jkunx possibbli, irid ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni sabiex isiru dawn l-operazzjonijiet jew sabiex dawn l-operazzjonijiet isiru barra miż-żoni tal-periklu. Jekk magna jkollha reġistru tal-manutenzjoni, dan irid jinżamm aġġornat. |
2.14. |
It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikollu fuqu mezzi identifikabbli b’mod ċar sabiex ikun jista’ jiġi iżolat mis-sorsi kollha tal-enerġija tiegħu. Għandu jkun preżunt illi t-twaħħil mill-ġdid (mas-sorsi tal-enerġija) ma jippreżenta l-ebda riskju għall-ħaddiema involuti. |
2.15. |
It-tagħmir tax-xogħol irid iġorr miegħu it-twissijiet u l-marki essenzjali sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema. |
2.16. |
Il-ħaddiema jrid ikollhom mezzi żguri ta’ aċċess għaż-żoni kollha tal-operazzjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ aġġustament u ta’ manutenzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u jridu jkunu kapaċi jibqgħu fihom fis-sikurezza. |
2.17. |
It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskju li t-tagħmir tax-xogħol jieħu n-nar jew jisħon iżżejjed, jew li minnu joħorġu gassijiet, trab, likwidu, fwar jew sustanzi oħra prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol. |
2.18. |
It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipprevjeni r-riskju li jisplodi t-tagħmir tax-xogħol jew li jisplodu is-sustanzi prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol. |
2.19. |
It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema esposti mir-riskju ta’ kuntatt dirett jew indirett mal-elettriku. |
3. Ir-rekwiżiti minimi addizzjonali applikabbli għal tipi speċifiċi ta’ tagħmir ta’ xogħol
3.1. Ir-rekwiżiti minimi għal tagħmir ta’ xogħol mobbli, kemm jekk jimxi waħdu kemm le
3.1.1. It-tagħmir ta’ xogħol li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu magħmulin b’tali mod li jitnaqqsu ir-riskji għal ħaddiema meta jiċċaqalqu.
Dawk ir-riskji għandhom jinkludu r-riskji ta’ kuntatt tal-ħaddiema mar-roti jew mal-linji jew li jinqabdu minnhom.
3.1.2. It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun mogħti tagħmir speċjali jew magħmul b’mod li ma jkunx jista’ jkun hemm imblokk mhux maħsub bejn l-elementi ta’ trazzjoni u l-aċċessorji jew l-oġġetti irmunkati miegħu.
Meta dan l-imblokk ma jistax jiġi evitat, għandha tittieħed kull miżura possibbli biex jiġu evitati xi konsegwenzi ta’ ħsara għall-ħaddiema.
3.1.3. Meta elementi ta’ trasmissjoni ta’ emerġija bejn tagħmir tax-xogħol mobbli jistgħu jitħassru jew tiġrilhom il-ħsara bit-tkaxkir fuq l-art, għandu jkun hemm faċilitajiet għall-irbit.
3.1.4. It-tagħmir ta’ xogħol mobbli li iġorr ħaddiema għandu jkun maħsub b’mod li inaqqas kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet ta’ użu attwali, ir-riskji li joħorġu mir-reġgħa lura jew mill-qlib ta’ tagħmir tax-xogħol:
— |
bi struttura ta’ protezzjoni li timpedixxi lil tagħmir tax-xogħol milli jmur lura iktar minn kwart ta’ dawra, jew |
— |
bi struttura li tiggarantixxi spazju biżżejjed madwar il-ħaddiema li jkollu fuqu jekk il-moviment ikompli għal iktar minn kwart ta’ dawra, jew |
— |
b’xi dispożsittiv ieħor b’effett ekwivalenti. |
Dawn l-istrutturi ta’ protezzjoni jistgħu jkunu parti integrali tat-tagħmir ta’ xogħol.
Dawn l-istrutturi ta’ protezzjoni mhumiex meħtieġa meta t-tagħmir ta’ xogħol ikun fiss matul l-operazzjoni jew meta ir-raġgħa lura jew il-qlib ikunu impossibbli minħabba l-mod kif ikun iddisinjat it-tagħmir.
Meta jkun hemm riskju li l-ħaddiema ta’ fuqu jistgħu jitgħaffġu bejn it-tagħmir tax-xogħol u l-art meta t-tagħmir imur lura jew jinqaleb għandha ssir sistema biex jinżammu milli jaqgħu.
3.1.5. Trukkijiet bil-forklifts li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu addattati jew mgħammra biex inaqqsu ir-riskji tat-truck tal-fork lift milli jinqaleb, eż.:
— |
bl-installazzjoni ta’ xi kaxxa għal min isuq, jew |
— |
bi struttura li tipprevjeni t-truck tal-fork lift milli jinqaleb, jew |
— |
bi struttura li tiżgura li, jekk it-truck tal-fork lift jinqaleb, jibqa’ biżżejjed vojt bejn l-art u ċerti partijiet tat-truck tal-forklift għall-ħaddiema li jkunu fuqu, jew |
— |
bi struttura li tirrestrinġi lill-ħaddiema fuq is-sedil ta’ sewqan biex tipprevenihom milli jiġu mgħaffġa minn partijiet tat-truck tal-forklift li jinqaleb. |
3.1.6. It-tagħmir ta’ xogħol illi jkun jimxi waħdu u li meta jiċċaqlaq joħloq riskji għal persuni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
it-tagħmir għandu jkollu mezzi li jevitaw illi jibda jaħdem mingħajr ma jkun awtorizzat; |
(b) |
għandu jkollu mezzi xierqa biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta’ kolliżjoni meta hemm aktar minn tagħmir ta’ xogħol wieħed li qed jiċċaqlaq fuq il-linji fl-istess ħin; |
(c) |
għandhom ikollhom mezzi ta’ brejkijiet u waqfien. Sa fejn ir-restrizzjonijiet ta’ sikurezza jkunu jeħtieġu dan, għandhom ikunu disponibbli mezzi ta’ emerġenza, li jitħaddmu minn kontrolli faċilment aċċessibbli jew b’sistemi awtomatiċi, għall-ibbrejkjar u t-twaqqif fil-każ illi jfallu l-mezzi prinċipali; |
(d) |
meta il-vista diretta tax-xufier ma tkunx biżżejjed biex tiżgura is-sikurezza, għandu jiġi installat apparat awżiljarju biex itejjeb il-vista; |
(e) |
it-tagħmir ta’ xogħol maħsub għal użu bil-lejl jew f’postijiet mudlama għandu jkun mgħammar b’dawl xieraq għax-xogħol li jkun irid isir u biex jiżgura biżżejjed sikurezza għall-ħaddiema; |
(f) |
it-tagħmir ta’ xogħol li jista’ jkollu perikolu ta’ nar, kemm minnu u kemm mill-oġġetti li jkun jirmonka jew iġorr u li jista’ jipperikola lill-ħaddiema għandu jkun mgħammar b’apparat xieraq tat-tifi tan-nar ħlief meta dak l-apparat ikun disponibbli fil-viċin biżżejjed fil-post tal-użu; |
(g) |
it-tagħmir ta’ xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza għandu jkun jieqaf awtomatikament meta joħroġ mid-distanza ta’ kontroll; |
(h) |
it-tagħmir ta’ xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza li jista’ f’ċirkostanzi normali joħloq perikolu li jolqot jew jgħaffeġ lill-ħaddiema għandu jkollu mezzi ta’ protezzjoni kontra dan il-periklu, sakemm ma jkunx hemm mezzi oħra xierqa biex jikkontrollaw dan il-periklu. |
3.2. Rekwiżiti minimi għal tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ t-tagħbija
3.2.1. Meta t-tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ tagħbija huwa installat permanentament, is-saħħa u l-istabbilità tiegħu għandhom ikunu żgurati, billi jingħata kas, b’mod partikolari, għat-tagħbija li għandha tintrefa’ u l-istress li jsir fuq il-punt ta’ suspensjoni jew tal-igganċjar tiegħu mal-istrutturi.
3.2.2. Il-makkinarju li jerfa’ t-tagħbija għandu jkun immarkat b’mod ċar b’indikazzjonijiet tat-tagħbija nominali tiegħu, u fejn xieraq tabella li turi il-piż nominali għal kull konfigurazzjoni tal-makkinarju.
L-aċċessorji għat-tagħmir ta’ tagħbija għandhom ikunu mmarkati b’mod illi jkun possibbli li tidentifika l-karatteristiċi essenzjali ta’ użu sigur.
It-tagħmir ta’ xogħol li mhux maħsub biex jerfa’ persuni imma li jista jiġi wżat hekk b’konfużjoni għandu jkun immarkat b’mod xieraq u li jidher għal dan l-iskop.
3.2.3. It-tagħmir ta’ xogħol installat b’mod permanenti għandu jkun installat b’tali mod li jitnaqqas ir-riskju li t-tagħbija:
(a) |
tolqot lill-ħaddiema; |
(b) |
waħedha, tiċċaqlaq b’mod perikoluż jew taqa’; |
(c) |
tiġi mitluqa involontarjament. |
3.2.4. It-tagħmir ta’ xogħol tal-irfigħ jew ġarr ta’ ħaddiema għandu jkun tali li:
(a) |
jipprevjeni l-perikolu li taqa’ l-kabina, meta teżisti waħda, permeżż ta’ apparat xieraq; |
(b) |
jipprevjeni lill-utent milli jaqa’ mill-kabina, meta teżisti waħda; |
(c) |
jipprevjeni l-perikolu li l-utent jiġi mgħaffeġ, maqbud jew milqut, b’mod partikolari b’kuntatt involontarju ma’ oġġetti; |
(d) |
jiggarantixxi li persuni maqbuda fil-kabina fil-każ ta’ xi inċident ma jkunux esposti għall-periklu u jkunu jistgħu jinħelsu. |
Jekk, għal raġunijiet marbutin man-natura tal-post u dislivell, ir-riskji msemmija fil-punt (a) ma jistgħux jiġu evitati b’mezzi ta’ sikurezza għandu jiġi installat cable b’koeffiċjent ta’ sikurezza miżjud, u għandu li jinżamm fi stat tajjeb u jiġi kkontrollat kull ġurnata ta’ xogħol biex jiġi żgurat li qed jinżamm fi stat tajjeb.
ANNESS II
DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-UŻU TA’ TAGĦMIR TAX-XOGĦOL
imsemmi fl-artikolu 4(3)
Kumment preliminari
Dan l-Anness għandhu japplika f’konformita’ ma’ din id-Direttiva u meta r-riskju korrispondenti jeżisti għat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.
1. Dispożizzjonijiet ta’ ordni ġenerali applikabbli għat-tagħmir kollu tax- xogħol
1.1. |
It-tagħmir tax-xogħol għandu jiġi installat, imqiegħed u utilizzat b’mod li jippermetti li jitnaqqsu ir-riskji għall-utent tat-tagħmir ta’ xogħol u għall-ħaddiema l-oħra per eżempju billi jiġi żgurat li hemm biżżejjed spazju bejn l-elementi li jiċċaqilqu fit-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet fl-ambjent ta’ madwar li huma mwaħħla jew li jiċċaqilqu u billi l-enerġija u l-materjali użati jew prodotti ikunu jistgħu jinġabu jew jitneħħew b’mod sigur. |
1.2. |
Il-muntaġġ u żżarmar tat-tagħmir tax-xogħol għandu jsir taħt kundizzjonnijiet ta’ sikurezza, partikolarment billi jiġu rrispettati l-istruzzjonijiet li jistgħu ikunu fornuti mill-manufattur. |
1.3. |
It-tagħmir tax-xogħol li sakemm jintużaw jistgħu jintlaqtu mis-sajjetti għandhom ikunu protetti jew b’dispożittivi jew b’miżuri xierqa kontra l-effetti tas-sajjetti. |
2. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ tagħmir mobbli, kemm jekk jimxu waħedhom kemm jekk le
2.1. |
It-tagħmir ta’ xogħol li jimxi waħdu għandu jinsaq biss minn ħaddiema li jkunu tħarrġu b’mod adegwat biex iħaddmu sewwa dak it-tagħmir tax-xogħol. |
2.2. |
Jekk it-tagħmir ta’ xogħol jisposta ruħu f’żona ta’ xogħol għandu jkun hemm regoli stabbiliti u segwiti ta’ ċirkolazzjoni adegwata. |
2.3. |
Għandhom jittieħdu miżuri ta’ tqassim tax-xogħol biex jevitaw illi xi ħaddiema mexjin jinsabu f’dik iż-żona tax-xogħol fejn ikun hemm it-tagħmir ta’ xogħol li jimxi waħdu. Meta jkun meħtieġ li l-ħaddiema fuq saqajhom ikunu preżenti biex ix-xogħol isir għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat li jkunu midruba mit-tagħmir. |
2.4. |
It-trasport ta’ ħaddiema fuq tagħmir ta’ xogħol mobbli misjuq mekkanikament għandu jkun awtorizzat biss fejn hemm provduti faċilitajiet sikuri għal dan. Jekk ix-xogħol għandu jsir matul il-vjaġġ, il-veloċità għandha tiġi adattata kif meħtieġ. |
2.5. |
It-tagħmir ta’ xogħol mobbli li jkollu mutur ta’ kombustjoni ma jistax jiġi mħaddem fiż-żona tax-xogħol ħlief meta tkun tista’ tiġi ggarantita arja fi kwantità suffiċjenti li ma tippreżenta ebda riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. |
3. Dispożizzjonijiet li jolqtu l-użu ta’ tagħmir tax-xogħol li jerfa’ t-tagħbija
3.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
3.1.1. It-tagħmir ta’ xogħol li jiżżarma jew li hu mobbli li jservi biex jerfa’ t-tagħbijiet għandu jkun imħaddem b’mod li jiggarantixxi l-istabilità tat-tagħmir tax-xogħol waqt li jkun qiegħed jiġi mħaddem taħt il-kondizzjonijiet kollha prevedibbli, meħud kont tan-natura tal-art.
3.1.2. Il-ħaddiema m’għandhomx jinġarru fuq tagħmir tax-xogħol u aċċessorji tiegħu li mhux maħsub għalhekk.
Bla ħsara għall-Artikolu 5 ta’ Direttiva 89/391/KEE, eċċezzjonalment, it-tagħmir ta’ xogħol li mhux maħsub għall-ġarr tal-ħaddiema jista’ jiġi użat għal dan l-iskop sakemm jittieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw sikurezza skont il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali li jipprevedu sorveljanza xierqa.
Meta jkun hemm il-ħaddiema fuq tagħmir tax-xogħol li suppost iservi għall-irfigħ tat-tagħbija il-posta tal-kmand għandha tkun okkupata l-ħin kollu. Il-ħaddiema li jinġarru għandhom ikunu jistgħu jiddisponu minn mezz żgur ta’ komunikazzjoni. Jenħtieġ li jkun hemm ħsieb għall-mod kif jinħarġu f’każ ta’ perikolu.
3.1.3. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex ma jkunx hemm ħaddiema preżenti taħt it-tagħbijiet imdendla sakemm din il-preżenza ma tkunx meħtieġa biex ix-xogħol isir sewwa.
M’għandux ikun permess illi tagħbija imdendla tiġi mgħoddija minn postijiet tax-xogħol mhux protetti li fihom abitwalment ikun hemm il-ħaddiema.
F’dan il-każ, jekk ix-xogħol ma jistax isir sewwa mod ieħor għandhom ikunu definiti u applikati proċeduri xierqa.
3.1.4. L-aċċessorji tal-irfigħ għandhom jintgħażlu skont it-tagħbija li jerfgħu, skont il-punti ta’ qbid, skont il-mezz tal-igganċjar u l-kondizzjonijiet atmosferiċi u meħud kont tal-mod u l-konfigurazzjoni tal-imbragar. L-assemblaġġ tal-aċċessorji tal-irfigħ għandu jkun immarkat b’mod ċar biex jippermetti lill-utent li jirrikonoxxu l-karatteristiċi tagħhom, jekk ma jkunux żmantellati wara l-użu.
3.1.5. L-aċċessorji tal-irfigħ għandhom jiġu maħżuna b’mod li jiżgura li ma ssirilhomx ħsara jew deterjorament.
3.2. It-tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ tagħbijiet mhux iggwidati
3.2.1. Jekk żewġ biċċiet ta’ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati jkunu installati jew imwaqqfa fuq post tax-xogħol b’mod tali illi il-kamp tax-xogħol tagħhom jgħaddi fuq ta’ xulxin għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati kolliżjonijiet bejn it-tagħbijiet jew elementi tat-tagħmir tax-xogħol stess.
3.2.2. Waqt li jkun qed juża tagħmir tax-xogħol ta’ rfigħ ta’ tagħbija mhux iggwidata għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li jitbandlu illi jinqalbu jew jekk ikun il-każ jinqalgħu minn posthom u jiżolqu. Għandu jkun hemm kontroll li dawn il-miżuri ttieħdu.
3.2.3. Jekk min ikun iħaddem it-tagħmir tax-xogħol ta’ rfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati ma jkunx jista’ josserva it-traġitt sħiħ tat-tagħbija la direttament u lanqas permezz ta’ apparat awżiljarju li jtuh informazzjoni siewja għandu jkun hemm komunikazzjoni mal-operatur biex tiggwidah u għandu jiġi organizzat mod kif jiġu evitati il-kolliżjonijiet ta’ tagħbija li tista’ tkun ta’ perikolu għall-ħaddiema.
3.2.4. Ix-xogħlijiet għandhom ikunu organizzati b’mod li meta l-ħaddiema jkunu qegħdin jigganċjaw jew jisganċjaw xi tagħbija bl-idejn dawn l-operazzjonijet jkunu jistgħu isiru b’mod sigur u l-ħaddiema jkunu jistgħu jidderieġu direttament jew indirettament l-operazzjoni.
3.2.5. L-operazzjonijiet kollha tal-irfigħ għandhom jiġu pprogrammati, issorveljati b’mod xieraq u effettwati b’mod li tiġi mħarsa s-sikurezza tal-ħaddiema.
In partikolari jekk tagħbija tkun trid tintrefa’ simultanjament minn żewġ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati għandha tkun stabbilita u applikata proċedura biex tiżgura l-koordinazzjoni tajba bejn l-operaturi.
3.2.6. Jekk xi tagħmir tax-xogħol li jservi għall-irfigħ ta’ tagħbija mhux iggwidata ma jkunx jista’ jżomm it-tagħbija fil-każ li jmur għal kollox jew inparti il-forniment tal-enerġija, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu esposti għal perikoli korrispondenti.
It-tagħbija mdendla m’għandhiex tibqa’ mingħajr sorveljanza ħlief jekk l-aċċess għaż-żona ta’ periklu ikun projbit u jekk it-tagħbija tkun igganċjata b’mod sigur u miżmuma wkoll b’mod sigur.
3.2.7. L-użu fuq barra ta’ tagħmir tax-xogħol tal-irfigħ tat-tagħbija mhux iggwidata għandu jieqaf meta l-kondizzjonijiet metereoloġiċi jeħżienu sal-punt illi jipperikolaw l-użu sikur tat-tagħmir u jesponu l-ħaddiema għal xi riskji. Miżuri adegwati ta’ protezzjoni maħsuba partikolarment biex jimpedixxu li t-tagħmir tax-xogħol jinqaleb għandhom jittieħdu biex jevitaw periklu għall-ħaddiema.
4. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-tagħmir għax-xogħol ipprovdut għax-xogħol temporanju fl-għoli
4.1. Dispożizzjonijiet ġenerali
4.1.1. Jekk, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, ma jistax jitwettaq xogħol temporanju fil-għoli b’mod sikur u skont il-kondizzjonijiet ergonomiċi xierqa minn fuq wiċċ xieraq, għandu jintgħażel it-tagħmir tax-xogħol l-aktar xieraq illi jiżgura u jżomm il-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-sikurezza. Il-miżuri kollettivi ta’ protezzjoni jridu jingħataw prijorità fuq il-miżuri protettivi individwali. Id-dimensjonijiet tat-tagħmir tax-xogħol għandhom ikunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid itwettaq u għat-tensjonijiet previsti u jħallu l-possibiltà ta’ mogħdija minn fuqu mingħajr periklu.
Għandu jintgħażel il-mezz l-aktar xieraq għall-aċċess għall-postijiet tax-xogħol temporanju fil-għoli skont il-frekwenza tal-mogħdija minn fuqu, il-għoli li jrid jintlaħaq u t-tul taż-żmien tal-użu. L-għażla magħmula għandha tippermetti l-evakwazzjoni f’każ ta’ periklu imminenti. Il-mogħdija f’direzzjoni jew l-oħra bejn il-mezz tal-aċċess u l-pjattaformi, il-gverti jew il-passaġġi ma jridux joħolqu riskji addizzjonali ta’ waqgħat.
4.1.2. Is-slielem jistgħu jiġu użati bħala stazzjonijiet tax-xogħol għal xogħol fil-għoli biss fiċ-ċirkostanzi li fihom, meħud kont tal-punt 4.1.1, ma jkunx iġġustifikat l-użu ta’ tagħmir ieħor tax-xogħol aktar sikur minħabba l-livell baxx tar-riskju u jew l-medda qasira taż-żmien tal-użu tagħhom jew il-karatteristiċi eżistenti fuq il-post tax-xogħol illi min iħaddem ma jistax jibdel.
4.1.3. It-teknika marbuta mal-aċċess u l-pozizzjonament permezz tal-ħbula jistgħu jintużaw biss fiċ-ċirkostanzi fejn l-istima tar-riskju tindika illi x-xogħol jista’ jitwettaq b’sikurezza u fejn ma jkunx iġġustifikat l-użu ta’ tagħmir ieħor tax-xogħol aktar sikur.
Meta titqies l-istima tar-riskju u b’mod partikolari it-tul taż-żmien tax-xogħolijiet u d-diffikultajiet ergonomiċi, għandu jkun provdut post b’aċċessorji xierqa fejn persuna tista’ tpogġi.
4.1.4. Skond it-tip tat-tagħmir magħżul tax-xogħol fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, iridu jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa sabiex jiġu mminimizzati r-riskji għall-ħaddiema inerenti f’dan it-tip ta’ tagħmir. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu stallati miżuri ta’ salvagwardja sabiex jipprevjenu l-waqgħat. Dawn għandhom ikunu ta’ konfigurazzjoni xierqa u ta’ qawwa suffiċjenti li jipprevjenu jew iwaqqfu l-waqgħat mill-għoli u, fejn hu possibbli, li jipprekludu l-korriment tal-ħaddiema. Is-salvagwardji kollettivi biex jipprevjenu l-waqgħat jistgħu jiġu interrotti biss fuq il-postijiet tal-aċċess għas-slielem jew għat-taraġ.
4.1.5. Meta l-qadi ta’ xogħol partikolari jeħtieġ li jitneħħa temporanjament is-salvagward kollettiv li jipprevjeni l-waqgħat, iridu jittieħdu miżuri effettivi kompensatorji ta’ sikurezza. Ix-xogħol ma jistax jitwettaq sakemm ikunu ttieħdu dawn il-miżuri. Ġaladarba jkun tlesta x-xogħol partikolari, definittivament jew temporanjament, iridu jiġu stallati mill-ġdid is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat.
4.1.6. Ix-xogħol temporanju fil-għoli jista’ jsir biss meta l-kondizzjonijiet tat-temp ma jippreġudikawx is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema.
4.2. Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-użu tas-slielem
4.2.1. Is-slielem iridu jitwaqqfu b’mod illi tiġi żgurata l-istabbilità tagħhom matul l-użu. Is-slielem li jinġarru jridu jserrħu fuq bażi immobbli, stabbli, b’saħħtu, ta’ daqs xieraq hekk li l-iskaluni jibqgħu orizzontali. Is-slielem imdendla jridu jkunu mqabbda b’mod sikur u, bl-eċċezzjoni tas-slielem tal-ħabel, hekk li ma jkunx jista’ jinbidlilhom posthom u hekk li jipprevjenu t-tbandil.
4.2.2. Il-bażijiet tas-slielem li jinġarru jridu jkunu prevenuti milli jiżolqu waqt l-użu billi jiġu marbuta sewwa l-waqqafiet fit-truf ta’ fuq jew ta’ isfel, jew viċin ta’ dawn, b’apparat kontra ż-żliq jew b’kull arranġament ieħor tal-istess effettività. Is-slielem użati għall-aċċess għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jisporġu biżżejjed lil hemm mill-pjattaforma tal-aċċess, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri sabiex jiżguraw qabda soda. Is-slielem li jidħlu ġo xulxin u s-slielem li jitwalu jridu jiġu użati hekk li s-sezzjonijiet differenti jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu relattivament bejniethom. Is-slielem mobbli jridu jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu qabel l-irfis fuqhom.
4.2.3. Is-slielem għandhom jiġu użati hekk li jkollhom qabda sikura u appoġġ sikur għall-ħaddiema f’kull ħin. B’mod partikolari, jekk tagħbija trid tinġarr bl-idejn waqt li l-ħaddiem ikun fuq sellum, din ma għandhiex tipprekludi ż-żamma ta’ qabda sigura.
4.3. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu tal-armar
4.3.1. Meta ma tkunx disponibbli nota dwar il-kalkoli għall-armar magħżul jew meta n-nota ma tkoprix l-arranġamenti strutturali kkontemplati, għandhom jitwettqu l-kalkoli tas-saħħa u tal-istabbilità għajr jekk l-armar jiġi mibni skont konfigurazzjoni standard rikonoxxuta b’mod ġenerali.
4.3.2. Skond il-komplessità tal-armar magħżul, għandu jiġi mfassal pjan tal-armar, tal-użu u tal-ħatt tiegħu minn persuna kompetenti. Dan jista’ jsir fil-għamla ta’ pjan ġenerali, ikkompletat b’emendi tal-pjan li jkollhom x’jaqsmu mad-dettalji speċifiċi tal-armar in kwistjoni.
4.3.3. Il-komponenti taż-żamm tal-armar għandhom ikunu protetti mill-possibilità ta’ żliq, kemm jekk bit-twaħħil ma’ kull wiċċ li jerfa’, b’użu ta’ mezz kontra ż-żliq jew b’kull mezz ieħor ta’ effettività ugwali, u l-wiċċ li jerfa’ t-toqol għandu jkun ta’ kapaċità suffiċjenti. Għandu jiġi żgurat illi l-armar huwa stabbli. L-armar bir-roti jrid jiġi pprevenut b’mezzi xierqa milli jiċċaqlaq aċċidentalment matul ix-xogħol fil-għoli.
4.3.4. Id-dimensjonijiet, il-għamla u t-tifsila tal-pjattaformi tal-armar iridu jkunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid isir u xierqa għat-toqol li jrid jinġarr u jippermettu x-xogħol u l-mogħdija fis-siġurtà. Il-pjattaformi tal-armar iridu jiġu mmontati hekk li l-komponenti tagħhom ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu waqt l-użu normali. Ma jridx ikun hemm xquq perikolużi bejn il-komponenti tal-pjattaformi u s-salvagwardji kollettivi vertikali li jipprevjenu l-waqgħat.
4.3.5. Meta partijiet mill-armar ma jkunux lesti għall-użu, bħal per eżempju matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil, dawn iridu jiġu mmarkati b’sinjali ta’ twissija ġenerali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta’ sinjali tas-sigurtà jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa’ Direttiva individwali fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (1) u jkunu delimitati b’mod xieraq b’mezzi fiżiċi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żona tal-perikolu.
4.3.6. L-armar jista’ biss jiġi mmontat, żarmat jew mibdul b’mod sinifikanti taħt is-superviżjoni ta’ persuna kompetenti u minn ħaddiema li jkunu rċevew taħriġ xieraq u speċifiku fl-operazzjonijiet maħsuba, li jindirizzaw ir-riskji speċifiċi skont l-Artikolu 9, u b’mod aktar partikolari:
(a) |
li jifhmu l-pjanta tal-immontar, taż-żarmar jew tal-bidla tal-armar ikkonċernat; |
(b) |
is-sikurezza matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bidla tal-armar ikkonċernat; |
(c) |
il-miżuri li jipprevjenu r-riskju li jaqgħu persuni jew oġġetti; |
(d) |
il-miżuri ta’ sikurezza fil-każ ta’ bdil fil-kondizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin is-sikurezza tal-armar in kwistjoni; |
(e) |
il-kondizzjonijiet fir-rigward tat-tagħbijiet permissibbli; |
(f) |
kull riskju ieħor li x-xogħol tal-immontar, iż-żarmar jew il-bdil imsemmi hawn fuq jista’ jeħtieġ. |
Il-persuna li tissorvelja u l-ħaddiema konċernati jrid ikollhom disponibbli l-pjanta tal-immontar u taż-żarmar kif msemmi fil-punt fl-4.3.2, inkluż kull istruzzjoni li jista’ jkun fiha.
4.4. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-teknika marbuta mal-aċċess u l-pozizzjonament permezz tal-ħbula
It-teknika marbuta mal-aċċess u l-pożizzjonament permezz tal-ħbulairid jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
is-sistema jrid ikun fiha minn tal-anqas żewgt iħbula ankrati separatament, wieħed bħala mezz tal-aċċess, tal-inżul u ta’ appoġġ (xogħol bil-ħabel) u l-ieħor bħala riserva (ħabel tas-sikurezza); |
(b) |
il-ħaddiema jridu jiġu pprovduti u jużaw sarġ xieraq u jkunu mqabbda miegħu b’ħabel tas-sikurezza; |
(c) |
il-ħabel tax-xogħol għandu jkun imgħammar b’mezzi siguri għat-tlugħ u l-inżul u jkollu sistema li tinqafel waħedha sabiex jipprevjeni lil min jużah milli jaqa’ jekk jitlef il-kontroll tal-movimenti tiegħu. Il-ħabel tas-sikurezza jrid ikun imgħammar b’sistema mobbli ta’ prevenzjoni mill-waqgħat li ssegwi l-movimenti tal-ħaddiem; |
(d) |
l-għodda u l-aċċessorji l-oħra li jridu jintużaw minn ħaddiem għandhom ikunu mqabbda mas-sarġ jew mal-maqgħad tal-ħaddiem jew ma’ xi mezz ieħor xieraq; |
(e) |
ix-xogħol għandu jkun ippjanat u ssorveljat tajjeb, sabiex ħaddiem ikun jista’ jiġi salvat immedjatament f’emerġenza; |
(f) |
skont l-Artikolu 9, il-ħaddiema konċernati jenħtieġ li jirċievu taħriġ xieraq u speċifiku għall-operazzjonijiet maħsuba, b’mod partikolari l-proċeduri tas-salvataġġ. |
F’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn, bil-ħsieb tal-istima tar-riskji, l-użu tat-tieni ħabel jagħmel ix-xogħol aktar perikoluż, l-użu ta’ ħabel wieħed jista’ jiġi permess, sakemm ikunu ttieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sikurezza skont il-liġijiet jew/u l-prattika nazzjonali.
ANNESS III
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien mal-emendamenti suċċessivi tagħha
(imsemmi fl-Artikolu 13)
Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE |
|
Direttiva tal-Kunsill 95/63/KE |
|
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/45/KE |
|
Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
Biss fir-rigward tar-referenzi magħmula fil-punt 3 tal-Artiklu 3, tad-Direttiva 89/655/KEE |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmi fl-Artikolu 13)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
89/655/KEE |
fil-31 ta’ Diċembru 1992 |
95/63/KE |
fl-4 ta’ Diċembru 1998 |
2001/45/KE |
19 ta’ Lulju 2004 (1) |
2007/30/KE |
31 Diċembru 2012 |
(1) L-Istati Membri għandu ikollhom id-dritt, rigward l-implimentazzjoni tal-punt 4 tal-Anness II tad-Direttiva 89/655/KEE, li jagħmlu użu minn perjodu transitorju taż-żmien ta’ mhux aktar minn sentejn mid-19 ta’ Lulju 2004, sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet varji li jistgħu jinħolqu mill-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 2001/45/KE b’mod partikolari mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.
ANNESS IV
Tabella ta’ korrelazzjoni
Direttiva 89/655/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4a(1) |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 4a(2) l-ewwel u t-tieni inċiżi |
Artikolu 5(2)(a) u (b) |
Artikolu 4a(3) |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 4a(4) |
Artikolu 5(4) |
Artikolu 5, l-ewwel u t-tieni inċiżi |
Artikolu 6(a) u (b) |
Artikolu 5a |
Artikolu 7 |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi |
Artikolu 8(2) l-ewwel sub-paragrafu (a), (b) u (c) |
Artikolu 6(2) it-tieni sub-paragrafu |
Artikolu 8((2) it-tieni sub-paragrafu |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 7 l-ewwel inċiż |
Artikolu 9(a) |
Artikolu 7 it-tieni inċiż |
Artikolu 9(b) |
Artikolu 8 |
Artikolu 10 |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 11(1) |
Artikolu 9(2) l-ewwel u t-tieni inċiżi |
Artikolu 11(2)(a) u (b) |
Artikolu 10(1) |
— |
Artikolu 10 (2) |
Artikolu 12 |
— |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
Artikolu 11 |
Artikolu 15 |
Anness I |
Anness I |
Anness II |
Anness II |
— |
Anness III |
— |
Anness IV |