2.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/23


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/77/KE

tal-1 ta’ Lulju 2009

li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi chlorsulfuron, cyromazine, dimethachlor, etofenprox, lufenuron, penconazole, tri-allate u triflusulfuron bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-ħsieb li jiġu possibilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi chlorsulfuron, cyromazine, dimethachlor, etofenprox, lufenuron, penconazole, tri-allate u triflusulfuron

(2)

Għal dawn is-sustanzi attivi l-effetti fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikanti. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) b’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għall-chlorsulfuron u s-cyromazine, l-Istat Membru relatur kien il-Greċja u l-informazzjoni rilevanti kollha tressqet fis-27 ta’ Lulju 2007 u fil-31 ta’ Awwissu 2007. Għad-dimethachlor u l-penconazole l-Istat Membru relatur kien il-Ġermanja u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fit-2 ta’ Mejju 2007 u fid-19 ta’ Ġunju 2007 rispettivament. Għall-etofenprox l-Istat Membru relatur kien l-Italja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fil-15 ta Lulju 2005. Għal-lufenuron l-Istat Membru relatur kien il-Portugall u tressqet l-informazzjoni kollha rilevanti fl-20 ta’ Settembru 2006. Għat-tri-allate, l-Istat Membru relatur kien ir-Renju Unit u tressqet l-informazzjoni kollha rilevanti fis-6 ta’ Awwissu 2007. Għat-triflusulfuron l-Istat Membru relatur kien Franza u tressqet l-informazzjoni kollha rilevanti fis-26 ta’ Lulju 2007.

(3)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni kienu riveduti b’mod inter pares mill-Istati Membri u mill-EFSA u mressqa quddiem il-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2008 għall-chlorsulfuron, fis-17 ta’ Settembru 2008 għas-cyromazine u għad-dimethachlor, u fid-19 ta’ Diċembru 2008 għall-etofenprox, fit-30 ta’ Settembru 2008 għal-lufenuron u t-triflusulfuron, fil-25 ta’ Settembru 2008 għall-penconazole u fis-26 ta’ Settembru 2008 għat-tri-allate fil-format tar-Rapporti Xjentifiċi tal-EFSA (4). Dawn ir-rapporti ġew riveduti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzati fis-26 ta’ Frar 2009 fil-format tar-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron u fit-13 ta’ Marzu 2009 għall-etofenprox.

(4)

Jidher mid-diversi eżaminazzjonijiet li saru, li l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapporti tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li dawn is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi jkunu jistgħu jingħataw skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Bla ħsara għal dik il-konklużjoni, huwa xieraq li jinkiseb iktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għal xi kundizzjonijiet. Għalhekk, għal-lufenuron, id-dimethachlor u l-chlorsulfuron in-notifikanti għandhom jintalbu jressqu tagħrif ulterjuri rigward l-ispeċifikazzjoni kimika tas-sustanzi attivi kif immanifatturati. Barra minn hekk, għas-cyromazine u l-penconazole huwa xieraq li n-notifikanti jintalbu jressqu informazzjoni ulterjuri rigward id-destin u l-imġiba tal-metabolit tal-ħamrija NOA 435343 (għas-cyromazine) u U1 (għall-penconazole) rigward ir-riskju tal-organiżmi akkwatiċi. Barra minn hekk, huwa xieraq fir-rigward tat-tri-allate, li jintalab li n-notifikant iressaq informazzjoni ulterjuri rigward il-metaboliżmu ewlieni tal-pjanti, id-destin u l-imġiba tal-metabolit tal-ħamrija diisopropylamine, il-potenzjal ta’ bijomanjifikazzjoni fi ktajjen alimentari akkwatiċi, ir-riskju għall-mammiferi li jieklu l-ħut u r-riskju fit-tul għall-ħniex. Barra minn hekk, huwa xieraq li għall-etofenprox jintalab li n-notifikant iressaq tagħrif ulterjuri dwar ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi inkluż ir-riskju għall-annimali li jgħixu fis-sediment, studji ulterjuri dwar il-potenzjal ta’ xkiel endokrinali f’organiżmi akkwatiċi (studju dwar iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-ħut) u bijomanjifikazzjoni. Finalment, għad-dimethachlor, il-chlorsulfuron u t-triflusulfuron, in-notifikanti għandhom jintalbu jressqu informazzjoni ulterjuri rigward ir-rilevanza tossikoloġika tal-metaboliti f’każ li s-sustanza tkun ikklassifikata bħala kategorija karċinoġenika 3.

(6)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Bla ħsara għall-obbligi definiti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, kif ikun xieraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mill-iskadenza stabbilita hawn fuq, għandu jiġi stipulat perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-fajl komplut tal-Anness III ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi eżaminati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (5) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti b’relazzjoni għall-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni jkollu x’juri li għandu aċċess għall-fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ din id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew dawk li għandhom l-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom b’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn hemm bżonn, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron bħala sustanzi attivi sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Sa dik id-data huma għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jikkonċernaw il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tikkonċerna dik is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu, jew ikollu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kemm huma ġew elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom jirrivalutaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u billi titqies il-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna l-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron rispettivament. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron bħala l-unika sustanza attiva, fejn hemm bżonn, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih il-chlorsulfuron, is-cyromazine, id-dimethachlor, l-etofenprox, il-lufenuron, il-penconazole, it-tri-allate u t-triflusulfuron bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn hemm bżonn, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2014 jew sad-data ffissata għal emenda jew irtirar ta’ din ix-xorta fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skont liema minnhom tkun l-iktar reċenti.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)   ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 201, Konkluzjoni dwar ir-revizjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva chlorsulfuron (iffinalizzata fis-26 ta’ Novembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 168, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva cyromazine (iffinalizzata fis-17 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 169, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva dimethachlor (iffinalizzata fis-17 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 213, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva etofenprox (iffinalizzata fid-19 ta’ Diċembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 189, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva lufenuron (iffinalizzata fit-30 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 175, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva penconazole (iffinalizzata fil-25 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 195, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva triflusulfuron (iffinalizzata fit-30 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 181, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tri-allate (iffinalizzata fis-26 ta’ Settembru 2008).

(5)   ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.


ANNESS

L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżied fl-aħħar tat-tabella tal-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“287

Chlorsulfuron

CAS Nru 64902-72-3

CIPAC Nru 391

1-(2-chlorophenylsulfonyl)-3-(4-methoxy-6-methyl-1,3,5-triazin-2-yl)urea

≥ 950 g/kg

Impuritajiet:

2-Chlorobenzenesulfonamide (IN-A4097) mhux iktar minn 5 g/kg u

4-methoxy-6-methyl-1,3,5-triazin-2-amine (IN-A4098) mhux iktar minn 6 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-chlorsulfuron, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi u pjanti mhux fil-mira; b’rabta ma’ dawn ir-riskji identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni ta’ lqugħ, għandhom jiġu applikati fejn xieraq.

għall-protezzjoni tal-ilma taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet tal-klima vulnerabbli.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom:

jiżguraw li n-notifikant jibgħat lill-Kummissjoni studji ulterjuri dwar l-ispeċifikazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2010.

Jekk il-chlorsulfuron huwa kklassifikat bħala kategorija karċinoġenika 3 b’konformità mal-punt 4.2.1. tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu t-tressiq ta’ iktar informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-metaboliti IN-A4097, IN-A4098, IN-JJ998, IN-B5528 u IN-V7160 fir-rigward tal-kankru u jiżguraw li n-notifikant jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur min-notifika tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni li tikkonċerna dik is-sustanza.

288

Cyromazine

CAS Nru 66215-27-8

CIPAC Nru 420

N-cyclopropyl-1,3,5-triazine-2,4,6-triamine

≥ 950 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala insettiċida fis-serer biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyromazine għal użi li mhumiex fit-tadam, jiġifieri fir-rigward tal-espożizzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1)(b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kwalunkwe dejta u informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar is-cyromazine, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-protezzjoni tal-ilma taħt l-art, meta s-sustanza attiva tkun applikata fir-reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet ta’ klima vulnerabbli;

għall-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi;

għall-protezzjoni ta’ impollinaturi.

Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu t-tressiq ta’ aktar informazzjoni dwar id-destin u l-imġiba tal-metabolit tal-ħamrija NOA 435343 u dwar ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu s-cyromazine ġiet inkluża f’dan l-Anness jipprovdu informazzjoni bħal din lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.

289

Dimethachlor

CAS Nru 50563-36-5

CIPAC Nru 688

2-chloro-N-(2-methoxyethyl)acet-2′,6′-xylidide

≥ 950 g/kg

Impurità 2,6-dimethylaniline: Mhux iktar minn 0,5 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala erbiċidi f’applikazzjoni ta’ massimu ta’ 1.0 kg/ha unikament kull tielet sena fl-istess għalqa biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-dimethachlor, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għas-sikurezza tal-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali adegwat;

għall-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi u pjanti mhux fil-mira; b’rabta ma’ dawn ir-riskji identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni ta’ lqugħ, għandhom jiġu applikati fejn xieraq;

għall-protezzjoni tal-ilma taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet tal-klima vulnerabbli.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju u għandhom jinbdew programmi ta’ sorveljanza biex tiġi vverifikata l-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma taħt l-art mill-metaboliti CGA 50266, CGA 354742, CGA 102935 u SYN 528702 f’żoni vulnerabbli, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom:

jiżguraw li n-notifikant jibgħat lill-Kummissjoni studji ulterjuri dwar l-ispeċifikazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2010;

Jekk id-dimethachlor huwa kklassifikat bħala kategorija karċinoġenika 3 b’konformità mal-punt 4.2.1. tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu t-tressiq ta’ iktar informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-metaboliti CGA 50266, CGA 354742, CGA 102935 u SYN 528702 fir-rigward tal-kankru u jiżguraw li n-notifikant jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur min-notifika ta’ deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni li tikkonċerna dik is-sustanza.

290

Etofenprox

CAS Nru 80844-07-1

CIPAC Nru 471

2-(4-ethoxyphenyl)-2-methylpropyl 3-phenoxybenzyl

ether

≥ 980 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala insettiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-etofenprox, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għas-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali adegwat;

għall-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi; b’rabta ma’ dawn ir-riskji identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni ta’ lqugħ, għandhom jiġu applikati fejn xieraq;

għall-protezzjoni ta’ naħal u artropodi mhux fil-mira; b’rabta ma’ dawn ir-riskji identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni ta’ lqugħ, għandhom jiġu applikati fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom

jiżguraw li n-notifikant jibgħat informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni dwar ir-riskju lill-organiżmi akkwatiċi inkluż ir-riskju għall-annimali li jgħixu fis-sediment u l-bijomanjifikazzjoni;

jiżguraw it-tressiq ta’ studji ulterjuri dwar potenzjal ta’ xkiel endokrinali f’organiżmi akkwatiċi (studju dwar iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-ħut).

Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu dawn l-istudji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011.

291

Lufenuron

CAS Nru 103055-07-8

CIPAC Nru 704

(RS)-1-[2,5-dichloro-4-(1,1,2,3,3,3-hexafluoro-propoxy)-phenyl]-3-(2,6-difluorobenzoyl)-urea

≥ 970 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi fuq ġewwa jew użu fi stazzjonijiet ta’ lixka fuq barra bħala insettiċida biss huma awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-lufenuron u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-persistenza għolja fl-ambjent u r-riskju għoli ta’ bijoakkumulazzjoni u għandhom jiżguraw li l-użu tal-lufenuron m’għandu l-ebda effetti ħżiena fit-tul fuq l-organiżmi li mhumiex fil-mira;

għall-protezzjoni tal-għasafar, il-mammiferi, l-organiżmi fil-ħamrija li mhumiex fil-mira, in-naħal, l-antropodi li mhumiex fil-mira, l-organiżmi akkwatiċi u dawk tal-ilmijiet tal-wiċċ f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom:

jiżguraw li n-notifikant jibgħat lill-Kummissjoni studji ulterjuri dwar l-ispeċifikazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2010.

292

Penconazole

CAS Nru 66246-88-6

CIPAC Nru 446

(RS) 1-[2-(2,4-dichloro-phenyl)-pentyl]-1H-[1,2,4] triazole

≥ 950 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala fungiċida fis-serer biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-penconazole u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tkun applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet ta’ klima vulnerabbli.

Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri dwar id-destin u l-imġiba tal-metabolit tal-ħamrija U1. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-penconazole f’dan l-Anness jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.

293

Tri-allate

CAS Nru 2303-17-5

CIPAC Nru 97

S-2,3,3-trichloroallyl di-isopropyl

(thiocarbamate)

≥ 940 g/kg

NDIPA (Nitroso-diisopropylamine)

massimu ta’ 0,02 mg/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-tri-allate u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għas-sikurezza tal-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali adegwat;

għall-espożizzjoni djetetika tal-konsumaturi għar-residwu ta’ tri-allate f’għelejjel ittrattati kif ukoll f’għelejjel rotazzjonali suċċessivi u fi prodotti ta’ oriġini mill-annimali;

għall-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi u ta’ pjanti li mhumiex fil-mira u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju bħal żoni ta’ lqugħ.

il-possibilità ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-prodotti ta’ degredazzjoni TCPSA meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonjiet tal-klima vulnerabbli. Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jridu jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni:

informazzjoni ulterjuri biex tivvaluta l-metaboliżmu ewlieni tal-pjanti;

informazzjoni ulterjuri dwar id-destin u l-imġiba tal-metabolit tal-ħamrija diisopropylamine;

informazzjoni ulterjuri dwar il-potenzjal għal bijomanjifikazzjoni fil-ktajjen alimentari akkwatiċi;

informazzjoni biex ikompli jiġi indirizzat ir-riskju għall-mammiferi li jieklu l-ħut u r-riskju fit-tul għall-ħniex.

Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011.

294

Triflusulfuron

CAS Nru 126535-15-7

CIPAC Nru 731

2-[4-dimethylamino-6-(2,2,2-trifluoroethoxy)-1,3,5-triazin-2-ylcarbamoylsulfamoyl]-m-toluic acid

≥ 960 g/kg

N,N-dimethyl-6-(2,2,2-trifluoroethoxy)-1,3,5-triazine-2,4-diamine

Massimu ta’ 6 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2010

il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

L-użi bħala erbiċida f’applikazzjoni fuq pitravi taz-zokkor u tal-għalf ta’ massimu ta’ 60 g/ha kull tielet sena fl-istess għalqa biss jistgħu jkunu awtorizzati. Il-weraq tal-għelejjel ittrattati ma jistgħux jintemgħu lill-bhejjem.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-triflusulfuron u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-espożizzjoni djetetika tal-konsumaturi għar-residwu tal-metaboliti IN-M7222 u IN-E7710 f’għelejjel rotazzjonali suċċessivi u fi prodotti ta’ oriġini mill-annimali;

għall-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi u ta’ pjanti akkwatiċi mir-riskju li ġej mit-triflusulfuron u l-metabolit IN-66036 u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju bħal żoni ta’ lqugħ;

il-possibilità ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-prodotti ta’ degredazzjoni IN-M7222 u IN-W6725 meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonjiet tal-klima vulnerabbli. Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jridu jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq.

Jekk it-triflusulfuron huwa kklassifikat bħala kategorija karċinoġenika 3 b’konformità mal-punt 4.2.1 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob it-tressiq ta’ iktar informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-metaboliti IN-M7222, IN-D8526 u IN-E7710 fir-rigward tal-kankru. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur min-notifika tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni li tikkonċerna s-sustanza.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta' reviżjoni.