26.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 127/5 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/51/KE
tal-25 ta’ Mejju 2009
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva nicosulfuron
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Wara reviżjoni li fiha r-Renju Unit aġixxa bħala Stat Membru relatur, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/40/KE (2) żiedet is-sustanza attiva nicosulfuron fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Fir-rigward tal-purità, id-Direttiva 2008/40/KE tistabbilixxi livell minimu ta' 930 g/kg. Dan il-livell kien ibbażat fuq l-ispeċifikazzjoni mibgħuta min-notifikant. |
(2) |
Madankollu, il-prattika normali hija li l-livell minimu ta' purità jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet imfassla mill-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO - Food and Agriculture Organisation) tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward ta' purità u livelli ta' impurità f'ħafna sustanzi attivi. L-ispeċifikazzjoni tal-FAO dwar in-nicosulfuron (3) telenka purità minima ta' 910 g/kg. Din l-ispeċifikazzjoni kienet inkluża fir-rapport ta' valutazzjoni li kien reviżjonat minn esperti simili fl-Istati Membri u fl-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA - European Food Safety Authority) u ppreżentat lill-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2007 għan-nicosulfuron, fil-format tar-Rapport Xjentifiku tal-EFSA (4). Għalkemm il-Komunità hija intitolata li twaqqaf il-livell ta' protezzjoni tagħha għas-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, hija prattika ġenerali li jintużaw il-livelli tal-FAO. Sabiex produtturi oħrajn li huma konformi mal-livell tal-FAO jitħallew ipoġġu l-prodotti tagħhom fis-suq, hemm bżonn li din l-ispeċifikazzjoni tinbidel skont dan. |
(3) |
Il-bidla tal-purità minima tan-nicosulfuron hija għalhekk iġġustifikata. |
(4) |
Billi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/40/KE jirrikjedi li mill-1 ta’ Lulju 2009 l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet implimentattivi ta' dik id-Direttiva, l-ispeċifikazzjoni emendata għan-nicosulfuron għandha tapplika wkoll minn din id-data, mingħajr ħsara għall-iskadenzi l-oħrajn stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/40/KE. Bħala konsegwenza, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr. |
(5) |
Għaldaqstant hu xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skont dan. |
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-annotazzjoni 176 (nicosulfuron) tal-Anness I tad-Direttiva 91/414/KE, fil-kolonna 4 (il-purità), il-kliem “930 g/kg” jinbidlu bil-kliem “910 g/kg”.
Artikolu 2
Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll it-tabella korrelattiva bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2009.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza tali fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.
(3) 709/TC 2006.
(4) Ir-Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2007) 120, 1-91, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni ta' esperti simili tal-valutazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi tas-sustanza attiva nicosulfuron (iffinalizzat fid-29 ta' Novembru 2007).