17.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 98/31 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/36/KE
tas-16 ta’ April 2009
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, rigward prodotti kożmetiċi, għall-iskop tal-adattar tal-Anness III tagħhom mal-progress tekniku
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,
Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur,
Billi:
(1) |
Wara l-pubblikazzjoni ta’ studju xjentifiku fl-2001, bl-isem “L-użu ta’ żebgħa permanenti tax-xagħar u r-riskju tal-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina”, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti Kożmetiċi u Prodotti li Mhumiex tal-Ikel maħsuba għal Konsumaturi, attwalment il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti għal Konsumaturi (minn issa ‘l quddiem il-“KXPK”) (2), ikkonkluda li r-riskji potenzjali kienu ta’ tħassib. Dan irrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu iżjed passi biex tikkontrolla l-użu tal-kimiċi taż-żebgħa tax-xagħar. |
(2) |
Il-KXPK jirrakkomanda wkoll strateġija ta’ valutazzjoni ġenerali għas-sikurezza għas-sustanzi fiż-żebgħa tax-xagħar li tinkludi l-ħtiġijiet għall-ittestjar tas-sustanzi wżati fil-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar għall-ġenotossiċità/mutaġeniċità potenzjali tagħhom. |
(3) |
Skont l-opinjonijiet tal-KXPK, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, qablet dwar strateġija komprensiva biex tirregola s-sustanzi użati fiż-żebgħa tax-xagħar li dwarha l-industrija ġiet obbligata tressaq il-fajls bid-data xjentifika dwar is-sustanzi taż-żebgħa tax-xagħar biex jiġu vvalutati mill-KXPK. |
(4) |
Is-sustanzi li għalihom ġew ippreżentati fajls aġġornati dwar is-sikurezza qed jiġu vvalutati attwalment mill-KXPK. Diġà ngħataw opinjonijiet finali għal 17-il sustanza fiż-żebgħa tax-xagħar mill-KXPK. Għalhekk, tista’ ssir regolamentazzjoni definittiva ta’ dawn is-sustanzi fiż-żebgħa tax-xagħar, fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet bħal dawn. |
(5) |
Id-Direttiva 76/768/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE hu emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2009 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness ta’ din id-Direttiva mill-15 ta’ Mejju 2010,
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Günter VERHEUGEN
Viċi-President
(1) ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169.
(2) L-isem tal-kumitat ġie mibdul bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE (ĠU L 66, 04.03.2004, p. 45).
ANNESS
Id-Direttiva 76/768/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:
(1) |
Fil-Parti 1 tal-Anness III qed jiżdiedu n-numri ta’ referenzi 189-205 kif ġej:
|
(2) |
Titħassar it-taqsima b fil-kolonni “c” u “d” tan-numru ta’ reġistrazzjoni 55 tal-Parti 2 tal-Anness III. |
(3) |
Jitħassru n-numri ta’ referenza 7, 9, 14, 24, 28, 47, u 58 fil-Parti 2 tal-Anness III. |
(15) Il-bażi ħielsa u l-imluħa ta’ dan l-ingredjent ta’ kulur tax-xagħar, sakemm mhumiex projbiti skont l-Anness II, jistgħu jintużaw.”