19.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/5


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/11/KE

tat-18 ta' Frar 2009

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta' sustanzi attivi biex jiġu vvalutati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad.

(2)

Għal dawn is-sustanzi attivi l-effetti fuq is-saħħa umana u l-ambjent ġew valutati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikaturi. Barra minn dan, dawk ir-Regolamenti jsemmu liema huma l-Istati Membri relaturi li għandhom jissottomettu r-rapporti tal-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għall-bensulfuron l-Istat Membru relatur kien l-Italja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fil-11 ta Settembru 2006. Għas-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate l-Istat Membru relatur kien il-Greċja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fis-7 ta’ Diċembru 2005. Għat-tebufenpyrad, l-Istat Membru relatur kien il-Ġermanja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fit-12 ta’ Marzu 2007.

(3)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni kienu riveduti b'mod inter pares mill-Istati Membri u mill-EFSA u mressqa lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2008 għall-bensulfuron, fit-30 ta’ Settembru 2008 għas-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate, u fit-23 ta' Ottubru 2008 għat-tebufenpyrad, fil-format tar-Rapporti Xjentifiċi tal-EFSA (4). Dawn ir-rapporti ġew irreveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-2 ta’ Diċembru 2008 fil-format tar-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għas-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad u fit-8 ta’ Diċembru 2008 fil-format tar-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-bensulfuron.

(4)

Minn eżamijiet varji li saru deher li jista' jiġi mistenni li l-prodotti ta' ħarsien għall-pjanti li fihom il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapporti ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat li dawn is-sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I, sabiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha jistgħu jiġu konċessi l-awtorizzazzjonijiet lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom dawn is-sustanzi attivi skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(5)

Mingħajr ħsara għal dik il-konklużjoni, hu xieraq li tiġi akkwistata iżjed informazzjoni fuq ċertu punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għal xi kundizzjonijiet. Għalhekk, in-notifikatur għandu jinħtieġ li jissottometti iktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni kimika, informazzjoni biex tiġi indirizzata iktar fil-fond ir-rotta u r-rata ta' degredazzjoni tal-bensulfuron fil-kundizzjonijiet ta' ħamrija aerobika mifqugħa bl-ilma u informazzjoni biex tiġi indirizzata r-relevanza tal-metaboliti għall-valutazzjoni tar-riskju lill-konsumatur. Għalhekk huwa xieraq li bħala rekwiżit, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate għandhom jiġu soġġetti għal aktar ittestjar għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskju għal ilma ta’ taħt l-art u li studji bħal dawn għandhom jitressqu min-notifikanti. Fl-aħħarnett, huwa xieraq li fir-rigward tat-tebufenpyrad, li jirrikjedu li n-notifikatur iressaq informazzjoni li tikkonferma li l-ebda impuritajiet relevanti ma jkunu preżenti u li jindirizza iktar riskju lill-għasafar insettivori.

(6)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jingħataw ċans jippreparaw irwieħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li jkunu jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Bla ħsara għall-obbligi definiti bid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet attwali ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad biex jaċċertaw li jintlaħqu r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kondizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jibdlu jew jirtiraw, kif xieraq, awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mil-limitu taż-żmien imsemmi, għandu jiġi provdut perjodu itwal għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tad-dossier komplut mal-Anness III ta’ kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet imsemmija fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE tas-sustanzi attivi valutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (5) uriet li jista’ jkun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ dawk li għandhom awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-dejta. Sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, għaldaqstant, jidher li hu meħtieġ li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, b’mod speċjali l-obbligu li jiġi vverifikat li min ikollu l-awtorizzazzjoni juri aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ma’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew dawk li għandhom l-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sal-ġurnata preżenti li jemendaw l-Anness I.

(9)

Għaldaqstant hu xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri ser jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2010 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva. Għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Mejju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif trid issir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   Skont id-Direttiva 91/414/KEE, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jieħdu lura l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad bħala sustanzi attivi sat-30 ta’ April 2010.

Sa dik id-data għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Anness I mad-Direttiva relatati mal-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad, minbarra dawk identifikati fit-taqsima tal-parti B li tikkonċerna dik is-sustanza attiva, u li min ikollu l-awtorizzazzjoni jkollu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti fl-Anness II ma’ dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li fih il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu tniżżlu fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Ottubru 2009, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi provduti fl-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ma’ dik id-Direttiva u wara li jikkunsidraw il-parti B tat-taqsima fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad rispettivament. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara din id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta' prodott li jkun fih il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad bħala l-unika sustanza attiva, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2014; jew

(b)

fil-każ ta' prodott li jkun fih li fih il-bensulfuron, is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate, is-sodium p-nitrophenolate u t-tebufenpyrad bħala wieħed minn diversi sustanzi attivi, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, meta meħtieġ, sat-30 ta' April 2014 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew awtorizzazzjoni fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rispettivi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, liema minnhom hija l-iktar riċenti.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2009.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 178, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva bensulfuron (iffinalizzat fis-26 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 191, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva sodium (5-nitroguaiacolate, o-nitrophenolate, p-nitrophenolate) (iffinalizzat fit-30 ta’ Settembru 2008).

Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 192, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva tebufenpyrad (iffinalizzat fit-23 ta’ Ottubru 2008).

(5)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.


ANNESS

L-entrata li ġejja għandha tiġi inkluża fl-aħħar parti tat-tabella fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

L-isem IUPAC

Purezza (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“276

Bensulfuron

CAS Nru 83055-99-6

CIPAC Nru 502.201

α-[(4,6-dimethoxypyrimidin-2-ylcarbamoyl)sulfamoyl]-o-toluic acid (bensulfuron)

methyl α-[(4,6-dimethoxypyrimidin-2-ylcarbamoyl)sulfamoyl]-o-toluate (bensulfuron-methyl)

≥ 975 g/kg

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2019

PARTI A

Biss għal użi bħala erbiċida

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-bensulfuron, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-8 ta’ Diċembru 2008.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għal li ġej:

il-ħarsien ta' organiżmi akkwatiċi; b’rabta ma’ dawn ir-riskji identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni ta’ paraventu, għandhom jiġu applikati fejn xieraq.

il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew klimatiċi.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni:

aktar studji ta’ speċifikazzjoni;

informazzjoni biex jindirizza iktar ir-rotta u r-rata tad-degredazzjoni tal-bensulfuron-methyl f’kundizzjonijiet ta’ ħamrija aerobika mifqugħa bl-ilma;

informazzjoni biex tiġi indirizzata r-relevanza tal-metaboliti għall-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumatur.

Għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu l-Kummissjoni bi studji bħal dawn sal-31 ta’ Ottubru 2011.

277

Sodium 5-nitroguaiacolate

CAS Nru 67233-85-6

CIPAC Nru mhux allokat

Sodium 2-methoxy-5-nitrophenolate

≥ 980 g/kg

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2019

PARTI A

L-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti biss jista’ jiġi awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-2 ta' Diċembru 2008.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kummerċjalment għandu jkun appoġġjat b’dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fid-dossiers tat-tossiċità għandu jiġi mqabbel u vverifikat ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

lill-ħarsien tas-sigurezza tal-operaturi u l-ħaddiema. Kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati għandhom jistabbilixxu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq u miżuri għat-tnaqqis tar-riskju sabiex titnaqqas l-espożizzjoni;

għall-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew klimatiċi; Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-taffija tar-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art. Għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu l-Kummissjoni bi studji bħal dawn sal-31 ta’ Ottubru 2011.

278

Sodium o-nitrophenolate

CAS Nru 824-39-5

CIPAC Nru mhux allokat

Sodium 2-nitrophenolate sodium o-nitrophenolate

≥ 980 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku::

 

Fenol

Kontenut massimu: 0,1 g/kg

 

2,4 dinitrophenol

kontenut massimu: 0,14 g/kg

 

2.6 dinitrophenol

kontenut massimu: 0,32 g/kg

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2019

PARTI A

L-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti biss jista’ jiġi awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-2 ta' Diċembru 2008.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kummerċjalment għandu jkun appoġġjat b’dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fid-dossiers tat-tossiċità għandu jiġi mqabbel u vverifikat ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

lill-ħarsien tas-sigurezza tal-operaturi u l-ħaddiema. Kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati għandhom jistabbilixxu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq u miżuri għat-tnaqqis tar-riskju sabiex titnaqqas l-espożizzjoni;

għall-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew klimatiċi. Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-taffija tar-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jindirizzaw ir-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art. Għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu l-Kummissjoni bi studji bħal dawn sal-31 ta’ Ottubru 2011.

279

Sodium o-nitrophenolate

CAS Nru 824-78-2

CIPAC Nru mhux allokat

Sodium 4-nitrophenolate Sodium o-nitrophenolate

≥ 998 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku:

 

Fenol

kontenut massimu: 0,1 g/kg

 

2,4 dinitrophenol

kontenut massimu: 0,07 g/kg

 

2.6 dinitrophenol

kontenut massimu: 0,09 g/kg

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2019

PARTI A

L-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti biss jista’ jiġi awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar H-is-sodium 5-nitroguaiacolate, is-sodium o-nitrophenolate u s-sodium p-nitrophenolate, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-2 ta' Diċembru 2008.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kummerċjalment għandu jkun appoġġjat b’dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fid-dossiers tat-tossiċità għandu jiġi mqabbel u vverifikat ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

lill-ħarsien tas-sigurezza tal-operaturi u l-ħaddiema. Kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati għandhom jistabbilixxu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq u miżuri għat-tnaqqis tar-riskju sabiex titnaqqas l-espożizzjoni;

għall-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew klimatiċi. Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-taffija tar-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jindirizzaw ir-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art. Għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu l-Kummissjoni bi studji bħal dawn sal-31 ta’ Ottubru 2011.

280

Tebufenpyrad

CAS Nru 119168-77-3

CIPAC Nru 725

N-(4-tert-butylbenzyl)-4-chloro-3-ethyl-1-methylpyrazole-5-carboxamide

≥ 980 g/kg

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2019

PARTI A

L-użi bħala insettiċidi u akariċidi biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-tebufenpyrad għal użu għajr dak tal-basktijiet li jinħallu fl-ilma, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1) (b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull dejta u tagħrif meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar it-tebufenpyrad, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tat-2 ta’ Diċembru 2008.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lis-sigurezza tal-operaturi u l-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta' protezzjoni personali xieraq;

lill-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri ta' taffija tar-riskju bħalma huma ż-żoni ta’ paraventu;

il-protezzjoni tal-għasafar insettivori u jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri ta' taffija tar-riskju.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni:

iktar informazzjoni li tikkonferma li l-ebda impuritajiet m’huma preżenti;

informazzjoni biex jindirizzaw aħjar ir-riskju għall-għasafar insettivori.

Għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu l-Kummissjoni bi studji bħal dawn sal-31 ta’ Ottubru 2011.”


(1)  Iżjed dettalji fuq l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma provduti fir-rapport tar-reviżjoni.