29.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/73


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2009

dwar l-implimentazzjoni sikura tal-użu ta’ karburant b’livell baxx ta’ kubrit minn bastimenti rmiġġati fil-portijiet Komunitarji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/1020/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4b tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (1), kif emendata, tipprovdi għall-kontenut massimu tal-kubrit tal-karburanti għal fuq il-baħar użati minn bastimenti rmiġġati fil-portijiet Komunitarji, inklużi, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-obbligi għall-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-bastimenti ma jużawx karburanti għal fuq il-baħar b’kontenut ta’ kubrit li jisboq iż-0,1 % tal-piż, u li l-gas oils għal fuq il-baħar ma jitqegħdux fis-suq tat-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-gas oils għal fuq il-baħar jisboq iż-0,1 % tal-piż.

(2)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw permezz tal-kampjunar li l-kontenut ta’ kubrit tal-karburanti tal-baħar jikkonforma mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Artikolu 4b, u li l-kampjunar jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit.

(3)

Kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-notifiki tal-posponimenti tal-iskadenzi għall-ksib tar-riżultati u l-eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta’ limitu skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (2), konċentrazzjonijiet f’aktar minn 40 % taż-żoni u agglomerazzjonijiet fil-Komunità attwalment jisbqu l-valur ta’ limitu PM10 ta’ kuljum. L-implimentazzjoni ta’ limitu għal-livell baxx ta’ kubrit fil-karburant tal-bastimenti meta jkunu rmiġġati fil-portijiet Komunitarji hija essenzjali biex tittejjeb il-kwalità tal-arja, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet atmosferiċi minn bastimenti tal-baħar (3) u l-Istrateġija Tematika dwar it-tniġġis tal-arja, adottata fl-2005 (4).

(4)

F’Ottubru 2008 ġew adottati rekwiżiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (il-Konvenzjoni MARPOL), li għandha tiġi implimentata mill-1 ta’ Jannar 2015 għal bastimenti li jbaħħru ġewwa ż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet kif definiti mill-Artikolu 2(3e) tad-Direttiva 1999/32/KE.

(5)

Il-Kummissjoni, hi u tikkunsidra r-riskji tas-sikurezza involuti, tqis li huwa meħtieġ li tinħareġ gwida xierqa għall-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza u l-prevenzjoni effettiva tat-tniġġis mill-bastimenti fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva madwar il-Komunità.

(6)

Mill-1 ta’ Jannar 2010, bastimenti li jużaw żejt tqil bħala karburant fuq il-baħar għandhom jaqilbu għal karburanti eħfef għal fuq il-baħar, bħad-diżil għall-baħar jew gas oil, meta jkunu rmiġġati f’portijiet Komunitarji peress li ż-żejt tqil bħala karburant b’kontenut ta’ kubrit baxx biżżejjed ma huwiex ġeneralment disponibbli.

(7)

Jista’ jkun hemm problemi operattivi u riskji għas-sikurezza assoċjati mal-użu ta’ diżil u gas oil għall-baħar f’bastimenti li ma kinux maħsuba biex jużaw dawn il-karburanti u li ma sarulhomx ix-xogħlijiet meħtieġa għall-adattament tekniku. Il-Kummissjoni kkunsidrat ir-riskji assoċjati mal-bidla tal-karburanti u kkonkludiet li r-riskju ewlieni għas-sikurezza huwa marbut mal-bojlers tal-bastimenti li jkunu għadhom ma ġewx ivvalutati u ċċertifikati għall-użu mat-tip ta’ karburant meħtieġ. Filwaqt li l-bojlers jistgħu jużaw żejt tqil ta’ karburant jew karburanti distillati, ir-riskju jirriżulta mill-fatt li d-diżil ta’ fuq il-baħar u l-gas oils huma inqas viskużi u aktar volatili, u t-tisħin tas-sistema tal-karburant, li jkun meħtieġ għaż-żejt tqil ta’ karburant, mhux meħtieġ għall-karburanti distillati. Huwa diffiċli li jkun ivvalutat preċiżament l-għadd ta’ bastimenti affetwati u l-probabbiltà ta’ okkorrenzi bħal dawn.

(8)

Id-Direttiva 1999/32/KE ippermettiet biżżejjed żmien biex l-industrija tat-tbaħħir tadatta teknikament għal-limitu massimu ta’ 0,1 % tal-massa f’kubrit għall-karburanti tal-baħar, li jintużaw mill-bastimenti rmiġġati f’portijiet Komunitarji. Sabiex dawn ir-riskji jiġu limitati, hemm soluzzjonijiet tekniċi disponibbli. Madankollu, sal-lum għad fadal bastimenti li għad ma saritilhomx il-modifika meħtieġa, filwaqt li ftit huma l-bastimenti li għaddew mill-proċess meħtieġ ta’ verifika u ċertifikazzjoni.

(9)

Soluzzjonijiet tekniċi huma disponibbli sabiex jiġu mtaffija l-konsegwenzi potenzjali tal-bidla fil-karburant fuq l-irmiġġ. Id-domanda limitata mill-industrija tat-tbaħħir waslet biex jittardja l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa, u dan irriżulta f’dewmien fil-proċess ta’ verifika u ċertifikazzjoni.

(10)

Mill-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, jidher ċar li għal dawn il-bastimenti li ma sarulhomx il-modifiki tekniċi, it-tlestija tal-proċess kollu ma għandhiex iddum aktar minn tmien xhur.

(11)

Teżisti l-ħtieġa li l-manifatturi tal-bojlers u tal-magni jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet u proċeduri speċifiċi għar-retrofittjar (ex-post) ta’ dawn is-soluzzjonijiet, filwaqt li s-sidien tal-bastimenti għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri operazzjonali speċifiċi u jipprovdu taħriġ xieraq lill-ekwipaġġi,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Bħala parti mill-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Istati Membri kontra bastimenti li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jużaw karburanti b’kontenut massimu permess ta’ kubrit ta’ 0,1 % meta jkunu rmiġġati, l-Istati Membri għandhom jitolbu lil dawk il-bastimenti biex jipprovdu evidenza dettaljata tal-passi li qegħdin jieħdu biex jiksbu l-konformità. Dan għandu jinkludi kuntratt mal-manifattur u pjan approvat ta’ retrofittjar li għandu jiġi approvat mis-soċjetà ta’ klassifikar tal-bastimenti jew, għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, mill-organizzazzjoni li jkollha rikonoxximent f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-pjan ta’ retrofittjar għandu jiddikjara biċ-ċar id-data tat-tlestija tal-proċess ta’ adattament u ċertifikazzjoni.

2.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-eżistenza ta’ pjan approvat ta’ retrofittjar meta jivvalutaw il-livell ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għal bastimenti mhux konformi.

3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex itejbu l-għarfien fost is-sidien, l-operaturi u l-baħħara dwar ir-riskju għas-sikurezza marbut mal-bdil tal-karburant fin-nuqqas ta’ kwalunkwe adattament tekniku meħtieġ għas-sistema tal-karburant tal-bastiment u l-ħtieġa li jiġi pprovdut it-taħriġ.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13.

(2)  COM(2008) 403.

(3)  COM(2002) 595.

(4)  COM(2005) 446.

(5)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.