15.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ġunju 2009

dwar l-aġġornament tal-2009 tal-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

(2009/531/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 128(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fit-13 u fl-14 ta’ Marzu 2009,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

Il-Kunsill adotta, fit-12 ta’ Lulju 2005, ir-Rakkomandazzjoni 2005/601 dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Komunità (2005 sa 2008) (1) u d-Deċiżjoni 2005/600/KE dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma (minn hawn ‘il quddiem “PNR”) tagħhom.

(2)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2006, l-2007 u l-2008 identifika u kkonferma erba’ oqsma ta’ prijorità (R&Ż u innovazzjoni, ambjent tan-negozju, opportunitajiet ta’ impjiegi u politika integrata tal-enerġija/l-infrastruttura) li huma l-pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda. F’dawn l-oqsma l-Kunsill Ewropew qabel dwar numru limitat ta’ azzjonijiet speċifiċi u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex ilestuhom sal-iskadenzi stabbiliti.

(3)

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2006, l-Istati Membri jippreżentaw rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom (minn hawn ‘il quddiem “rapporti ta’ implimentazzjoni”).

(4)

Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, inħarġu numru ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għallpajjiżi lill-Istati Membri fl-2007 u fl-2008.

(5)

Sabiex l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi tkun segwita b’mod koerenti u integrat, dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew adottati fi strument wieħed. Dan l-approċċ jirrifletti l-istruttura integrata tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u r-rapporti ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-konsistenza meħtieġa bejn il-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika tal-Artikolu 99(2) tat-Trattat, kif enfasizzat fl-Artikolu 128(2).

(6)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2008 nieda t-tieni fażi tal-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda, li ser titlesta fl-2010. Il-Kunsill adotta, fl-14 ta’ Mejju 2008, ir-Rakkomandazzjoni 2008/390/KE rigward il-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika għall-Istati Membri u l-Komunità (2008 sa 2010) (3), u fil-15 ta’ Lulju 2008 adotta d-Deċiżjoni 2008/618/KE dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (4), li flimkien jiffurmaw “Il-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi” attwali.

(7)

Wara dan, l-Istati Membri kkonfermaw, aġġornaw jew fasslu PNR ġodda, li ppreżentaw lill-Kummissjoni sa Ottubru 2008 flimkien mar-rapport ta’ implimentazzjoni. Sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tar-riformi u jitjieb il-proċess ta’ sorveljanza multilaterali fil-Kunsill, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2008 talab lill-Istati Membri biex jistabbilixxu azzjonijiet dettaljati u konkreti li jindirizzaw ir-rispons ta’ politika speċifika tagħhom għal-Linji Gwida Integrati, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u “punti li jeħtieġu attenzjoni” fil-PNR tagħhom u r-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali sussegwenti.

(8)

Fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali, fl-2008 l-Kunsill Ewropew qabel dwar Pjan ta’ Rilanċ (minn hawn ‘il quddiem “il-Pjan ta’ Rilanċ”), abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni (5). Dan il-pjan jipprevedi stimulu baġitarju koordinat, fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sabiex jagħti spinta lid-domanda u jerġa jqajjem il-fiduċja, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali u l-isforzi tal-Istati Membri li diġà ttieħdu bi tweġiba għall-problemi ekonomiċi. Il-Pjan ta’ Rilanċ jipprevedi li l-istimulu baġitarju jkun akkumpanjat minn aċċelerazzjoni ta’ riformi strutturali, ibbażati fuq l-Istrateġija ta’ Liżbona, sabiex jistimulaw l-ekonomija filwaqt li jagħtu spinta lill-potenzjal ta’ tkabbir għall-perijodu fit-tul, l-iktar billi tkun promossal-bidla lejn ekonomija li tuża livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u intensiva fir-rigward tal-konoxxenza. Huwa jippreżenta wkoll proposti sabiex jiġu stimulati s-swieq tax-xogħol tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ politika integrata ta’ “flessigurtà”, iffukati fuq miżuri ta’ attivazzjoni u ħiliet. Dawn huma essenzjali fil-promozzjoni tal-kapaċità għall-impjiegi u l-iżgurar ta’ re-integrazzjoni rapida fis-suq tax-xogħol.

(9)

Il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-miżuri meħudin bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pjan ta’ Rilanċ kif ġie miftiehem fil-Kunsill Ewropew, fost oħrajn billi jieħdu kont dovut tal-ħtieġa li tiġi żgurata r-reversibbiltà tad-deterjorament fiskali, jitjieb it-tfassil tal-politika baġitarja, u tiġi żgurata s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(10)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi indirizzati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2008/399/KE tal-14 ta’ Mejju 2008 dwar l-aġġornament 2008 tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (6) għandhom issa jiġu aġġornati, sabiex jirriflettu l-progress li sar bl-implimentazzjoni tal-PNR u l-prinċipji tal-Pjan ta’ Rilanċ. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu implimentati malajr. Il-Kummissjoni ser tipprovdi assistenza bħala parti mis-sħubija ta’ Liżbona, timmonitorja u tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress.

(11)

Sabiex l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi tiġi implimentata bis-sħiħ, huwa kunsiljabbli li din ir-Rakkomandazzjoni tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li jiffurmaw parti miż-żona tal-euro.

(12)

Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni (7),

B’DAN JIRRAKOMANDA li l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni fil-linji stabbiliti fl-Anness.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. MIKO


(1)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28.

(2)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(3)  ĠU L 137, 27.5.2008, p. 13.

(4)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.

(5)  COM(2008) 800.

(6)  ĠU L 139, 29.5.2008, p. 57.

(7)  L-Opinjoni tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

IL-BELĠJU

1.

It-tkabbir tal-PDG naqas notevolment għal 1,3 % fl-2008. Dan kien minħabba dgħjufija tad-domanda esterna u domanda domestika baxxa relatati l-iktar ma’ inflazzjoni għolja u l-impatt tal-kriżi finanzjarja. Is-sitwazzjoni ekonomika hi mistennija li tidgħajjef iktar b’mod konsiderevoli fl-2009. L-inflazzjoni fl-2008 hi stmata li kienet madwar 4,5 %, kważi d-doppju tar-rata osservata fl-2007, l-iktar minħabba prezzijiet ogħla ta’ enerġija domestika. It-tnaqqis fil-prezzijiet globali tal-enerġija għandu jnaqqas l-inflazzjoni fl-2009. Fl-2008 hu mistenni defiċit pubbliku finanzjarju ta’ madwar 0,9 % tal-PDG mill-Kummissjoni. Id-dejn gross hu mistenni li jibqa’ madwar 88 % tal-PDG fl-2008. Il-bilanċ tradizzjonalment favorevoli tal-kont kurrenti nbidel f’defiċit fl-2008 u hu mistenni jiżdied fl-2009.

2.

It-tkabbir fl-impjiegi kien pożittiv fl-2008 u r-rata tal-qgħad naqset għal 6,9 %. Madankollu l-prospettiva għall-2009 hi inqas pożittiva, minħabba li qed jiżdied il-qgħad. Is-setturi l-iktar affettwati mill-kriżi huma l-industriji tal-karozzi u tal-azzar kif ukoll is-settur finanzjarju.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-UE, il-Belġju adotta miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju sabiex jistabbilizza s-settur bankarju, li għandu wkoll jgħin biex itejjeb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk jagħti appoġġ lill-ekonomija ġenerali, u jsostni l-istabbiltà makro-ekonomika. Barra minn hekk, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-Belġju dan l-aħħar ħabbar miżuri, inkluż appoġġ finanzjarju għall-impriżi żgħar u medji.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Belġju biex iwieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Belġju kompla l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu. Ġew imħabbra miżuri bil-ħsieb li jkomplu jnaqqsu t-taxxa fuq ix-xogħol permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ dħul eżenti mit-taxxa għall-ħaddiema bi dħul baxx jew medju, iżda jista’ jkun għad hemm bżonn ta’ passi addizzjonali. Huma meħtieġa iktar sforzi sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, speċjalment għall-ħaddiema ikbar fl-età u gruppi żvantaġġjati, tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għall-perijodu fit-tul, tiżdied il-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u tal-elettriku, u titjieb il-prestazzjoni tar-R&Ż.

6.

Peress li l-Belġju hu ekonomija orjentata lejn l-esportazzjoni, huwa partikolarment importanti li l-kompetittività tiegħu tkun ippreservata. F’dan il-kuntest, iżvilupp tal-kost ta’ unità lavorattiva b’konformità mal-imsieħba kummerċjali l-iktar importanti hu kruċjali. Madankollu, il-kost kompetittività ddeterjora fl-2008. Kompetizzjoni mtejba fis-swieqi tal-gass u tal-elettriku jkun ta’ benefiċċju. Investiment sostnut fir-R&Ż u fil-ħiliet hu importanti biex ikun aċċelerat it-tkabbir tal-produttività u biex tkun promossal-kompetittività. Parteċipazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol, nefqa relatata mal-età li qed tiżdied, u dejn pubbliku għoli jpoġġu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi f’riskju, u jenfasizzaw l-ħtieġa għaż-żieda tal-bilanċi favorevoli primarji u l-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika li jappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi. Approċċ integrat lejn l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali jista’ jaċċellera l-kisba ta’ riżultati fil-Belġju. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Belġju biex jissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, hu rakkomandat li l-Belġju:

ikompli jnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, l-iktar billi jnaqqas ir-rati fiskali fuq il-ħaddiema b’paga baxxa, filwaqt li fil-perijodu medju jtejjeb it-trażżin tal-infiq biex isostni l-konsolidazzjoni fiskali;

itejjeb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u l-elettriku billi jadotta qafas regolatorju iktar favur il-kompetizzjoni, b’regolaturi totalment indipendenti u effettivi, u jkompli l-isforzi fir-rigward tal-operaturi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni;

fil-qafas ta’ approċċ integrat ta’ flessigurtà, jaċċellera l-implimentazzjoni tal-miżuri politiċi kkoordinati li jtejbu l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol, jirrivedi l-benefiċċji tal-qgħad sabiex jiffaċilita ritorn rapidu tal-persuni qiegħda lejn is-suq tax-xogħol, itejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (l-iktar għall-ħaddiema ikbar fl-età u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni), inaqqas id-diverġenzi reġjonali u jżid il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja fir-reġjuni kollha.

IL-BULGARIJA

1.

Minħabba domanda domestika qawwija, it-tkabbir tal-PDG fil-Bulgarija żdiet fir-ritmu għal 7 % għall-ewwel disa’ xhur tal-2008, filwaqt li ġab il-PDG per capita għal madwar 40 % tal-medja tal-UE. It-tkabbir hu mistenni li jimmodera b’mod konsiderevoli fl-2009 fid-dawl tal-ambjent estern li qed jiddeterjora rapidament u kundizzjonijiet ta’ self iktar stretti. L-inflazzjoni medja annwali laħqet għoli rekord ta’ 12 % fl-2008, ikkawżata minn żidiet li oriġinaw esternament fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, mogħtija spinta mid-domanda domestika u msaħħa miż-żidiet qawwija fil-pagi li qabżu bil-kbir it-tkabbir tal-produttività. L-inflazzjoni qed tonqos iżda aktarx tibqa’ ogħla mill-medja tal-UE. Il-pożizzjoni baġitarja għadha b’saħħitha, b’bilanċ favorevoli tal-baġit iktar minn 3 % tal-PDG fl-2008, minħabba kompożizzjoni favorevoli tat-tkabbir u ġbir aħjar tat-taxxa. Madankollu, domanda domestika qawwija b’mod partikolari investiment li kkawża importazzjoni għolja ta’ prodotti ta’ investiment ikkontribwiet għad-deterjorament fid-defiċit tal-kont kurrenti. Id-defiċit tal-kont kurrenti jinsab f’livell għoli ta’ kważi 25 % tal-PDG.

2.

L-impjiegi żdiedu b’iktar minn 3 % fl-2008, iżda din ir-rata ta’ tkabbir ser timxi iktar bil-mod fis-sentejn li ġejjin. Il-qgħad naqas għal 6 % fl-2008, iżda hu mistenni li jiżdied kemmxejn fl-2009. Id-deterjorament reċenti tal-klima tan-negozju u t-tnaqqis tad-domanda f’diversi setturi, b’mod partikolari fil-manifattura u l-kostruzzjoni, x’aktarx ser inaqqsu l-impjiegi f’dawn is-setturi u f’setturi ekonomiċi li jakkumpanjawhom.

3.

Il-Bulgarija segwiet linji ta’ politika makroenomiċi u fiskali orjentati lejn l-istabbiltà, u dan l-aħħar ħabbret miżuri, inkluż it-titjib tal-kompetizzjoni fis-setturi tal-enerġija u tal-bejgħ bl-imnut.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri adottati mill-Bulgarija biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, il-Bulgarija għandha żżomm pożizzjoni fiskali stretta u tindirizza b’mod urġenti l-iżbilanċi makro-ekonomiċi tagħha. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Bulgarija kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Il-progress kien moderat, għalkemm fit-tieni nofs tas-sena, il-miżuri kienu mgħaġġla minħabba deċiżjonijiet intenzjonati tal-gvern. Il-Bulgarija baqgħet timplimenta l-politika fiskali prudenti tagħha minkejja li l-effiċjenza tan-nefqa pubblika għad tista’ titjieb. Ittieħdu wkoll miżuri inkoraġġanti biex jissaħħu l-organizzazzjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni, iżda hu meħtieġ iktar modernizzar sabiex jitjiebu l-governanza u r-rizultati. Jinħtieġu iktar sforzi biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u għal forniment fil-waqt tar-reviżjoni operattiva indipendenti mħabbra sabiex titjieb b’mod sinifikattiv l-implimentazzjoni tar-riformi. Għad hemm ukoll skop ewlieni għall-progress biex inaqqas il-burokrazija, jinvesti ħafna iktar fil-ħiliet u jirriforma s-sistema pubblika tar-R&Ż.

6.

Fl-isfond tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, hu importanti iktar minn qatt qabel għall-Bulgarija biex titratta l-vulnerabbiltajiet makro-ekonomiċi tagħha (inflazzjoni għolja u defiċit kbir tal-kont kurrenti) billi żżomm il-politika fiskali stretta tagħha u billi tgħaġġel ir-riformi strutturali sabiex issaħħaħ il-kompetittività tagħha. Il-pass tal-implimentazzjoni jrid ikun mgħaġġel sabiex il-Bulgarija tkun tista’ tbiddel l-ekonomija tagħha, minn waħda li hi bbażata essenzjalment fuq spejjeż baxxi, f’waħda iktar produttiva u intensiva fir-rigward tal-konoxxenza. Fil-kuntest attwali ekonomiku u monetarju, dawn ir-riformi huma wkoll essenzjali biex tinżamm il-kompetittività tal-ekonomija tal-Bulgarija. L-implimentazzjoni effettiva tar-riformi meħtieġa tiddependi b’mod kritiku fuq il-kapaċità tal-Bulgarija biex ittejjeb b’mod urġenti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Bulgarija biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, hu rakkomandat li l-Bulgarija:

tkompli ssaħħaħ b’mod urġenti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari billi tiffoka fuq funzjonijiet ewlenin tal-gvern, inkluż il-kompetizzjoni, l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji, u l-ġudikatura, u tkompli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura kontrolli finanzjarji effettivi u ġestjoni tajba tal-fondi strutturali;

iżżomm politika fiskali stretta, ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, iżżomm l-iżviluppi tal-pagi skont iż-żidiet fil-produttività, u ssaħħaħ il-kompetizzjoni effettiva sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u jitnaqqsu l-iżbilanċi esterni;

tadotta u timplimenta malajr miżuri ġodda sabiex tinqatal-burokrazija b’mod sostanzjali fil-livell ċentrali u lokali u tnaqqas id-dewmien proċedurali sabiex ittejjeb l-ambjent tan-negozju, li ser jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

bħala parti minn approċċ integrat ta’ “flessigurtà”, tiffoka fuq iż-żieda tal-kwalità tal-provvista tax-xogħol u r-rata tal-impjiegi billi ttejjeb l-effiċjenza, l-effikaċja u l-immirar tal-linji ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol u billi timmodernizza u tadatta iktar il-mod kif l-edukazzjoni hi rregolata biex jiżdiedu l-ħiliet għal livelli li jikkorrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola.

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

1.

It-tkabbir tal-PDG hu mistenni li jkun immodera sa madwar 4 % fl-2008, bi tnaqqis ulterjuri mistenni mill-Kummissjoni fl-2009. Ir-rata medja tal-inflazzjoni, li ammontat għal 6,3 % għas-sena kollha, issa mistennija tonqos minħabba li l-effett ta’ żidiet fit-taxxi li saru qabel qiegħed jonqos u minħabba prezzijiet orħos tal-enerġija. Id-defiċit tal-baġit tnaqqas fuq diversi snin, għal 1,2 % tal-PDG fl-2008. Fl-2008 d-defiċit tal-kont kurrenti kien ta’ madwar 1 % tal-PDG u l-bilanċ kummerċjali favorevoli huwa wieħed sinifikattiv.

2.

Mill-2005 r-rata tal-impjiegi żdiedet b’aktar minn 1,8 punti perċentwali fis-sena, u laħqet is-66,6 % fl-2008. Ir-rata tal-qgħad naqset minn 4,3 % fit-tielet kwart tal-2008 u tinsab fl-aktar livell baxx ta’ dawn l-aħħar 12-il sena. It-tbassir kurrenti jindika tnaqqis moderat fit-tkabbir tar-rata tal-impjiegi u żieda fil-qgħad. Fid-dawl tad-domanda tal-esportazzjoni li qiegħda tonqos, il-qgħad mistenni jolqot b’mod partikolari l-ħaddiema fl-industrija tal-karozzi u f’industriji oħrajn orjentati lejn l-esportazzjoni.

3.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mir-Repubblika Ċeka biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-paragrafu 6, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

4.

Ir-Repubblika Ċeka ssuktat bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Saru għadd ta’ riformi biex titjieb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, jitnaqqas il-piż amministrattiv, jiżdied l-investiment fir-R&Ż, għar-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni, l-iżgurar ta’ tixjiħ attiv, u l-iżvilupp ta’ approċċ għar-riforma tas-suq tax-xogħol ibbażat fuq il-“flessigurtà”. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, jiżdied l-investiment fir-R&Ż, jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għall-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol.

5.

Ir-Repubblika Ċeka għandha popolazzjoni li qed tixjieħ b’mod rapidu fl-UE li ser tħalli impatt sinifikattiv fuq is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa. Għalhekk l-isfidi strutturali ewlenin jinkludu l-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, u l-inkoraġġiment ta’ transizzjoni għal ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi strutturali ser itejjeb il-potenzjal tat-tkabbir, joħloq l-impjiegi, u jsaħħaħ l-ekonomija fil-konfront ta’ xokkijiet esterni. Dan kollu jeħtieġ riformi ulterjuri fl-oqsma tar-R&Ż, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, approċċ aktar integrat ta’ “flessigurtà” fir-riforma tas-suq tax-xogħol, u titjib ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-attività imprenditorjali. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

6.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lir-Repubblika Ċeka biex tissokta bl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li r-Repubblika Ċeka:

ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, u tissokta bir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa;

issaħħaħ l-isforzi biex ittejjeb il-kollaborazzjoni bejn in-negozji, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-R&Ż, tippromwovi aktar riżorsi umani għar-R&Ż, iżżid l-effikaċja u l-ammont tal-investiment pubbliku fir-R&Ż biex tilħaq il-mira fir-rigward tan-nefqa nazzjonali għar-R&Ż;

fi ħdan strateġija integrata ta’ “flessigurtà”, timmodernizza aktar il-protezzjoni tal-impjiegi, ittejjeb l-effiċjenza u l-ekwità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment ir-reattività tagħha għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u tipprovdi inċentivi biex isir investiment fit-taħriġ, b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età u dawk b’inqas ħiliet.

ID-DANIMARKA

1.

It-tkabbir tal-PDG naqas sostanzjalment fl-2008. It-tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar wassal għal anqas domanda domestika, filwaqt li dgħajjef il-konsum privat u l-attività tal-kostruzzjoni. Kundizzjonijiet aktar stretti ta’ finanzjament x’aktarx li jwasslu għal tnaqqis aktar rapidu tal-prezzijiet tad-djar, u b’hekk jiggrava r-reċessjoni globali fuq l-ekonomija. L-inflazzjoni, imsaħħa bi prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel, laħqet medja ta’ 3,6 % fl-2008, iżda bdiet tonqos. Il-bilanċ favorevoli tal-baġit tal-gvern jista’ jeċċedi t-3 % tal-PDG fl-2008, iżda għandu jiddeterjora b’mod sinifikattiv għal livell qrib lejn bilanċ fl-2009. Fl-2008 u l-2009 d-Danimarka għandu jkollha bilanċ favorevoli żgħir tal-kont kurrenti.

2.

Matul l-2008 l-impjiegi żdiedu, iżda mistennija jonqsu matul l-2009. Bl-istess mod, ir-rata tal-qgħad żdiedet fl-aħħar xhur tal-2008 u mistennija tiżdied fl-2009. Filwaqt li dan jista’ jnaqqas il-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol fil-perijodu qasir, ser ikun importanti li jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-impjiegi u tiġi ffaċilitata ulterjorment it-transizzjoni tas-suq tax-xogħol. L-isfida tal-impjiegi fuq perijodu medju tibqa’ ż-żieda tad-daqs ġenerali u t-tqabbil tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u fil-perijodu qasir riforma tat-taxxa għandha ssostni l-isforzi f’dan ir-rigward.

3.

Bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, id-Danimarka adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu fit-titjib tal-aċċess għall-finanzi u b’hekk jappoġġaw lill-ekonomija ġenerali, u jsaħħu l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn hekk, il-politika fiskali ġenerali hija espansiva b’madwar 1 fil-mija tal-PDG, u tinkludi tnaqqis fit-taxxi u żidiet fl-infiq mill-2009.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mid-Danimarka biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

5.

Id-Danimarka ssuktat bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Sar progress ulterjuri fi ħdan il-qafas ta’ pjanijiet ta’ riforma li tnedew preċedentement, partikolarment fir-rigward li tiġi stimulata l-provvista tax-xogħol u inkluż it-tnaqqis ta’ taxxi marġinali mill-2009. Pjanijiet ulterjuri ta’ riforma tat-taxxi u tas-suq tax-xogħol qegħdin jiġu żviluppati fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

6.

Il-potenzjal ta’ tkabbir tad-Danimarka jiddependi b’mod kruċjali fuq it-tisħiħ tal-provvista tax-xogħol u l-produttività, u fuq riżultati aħjar mill-investiment fil-kapital uman, ir-riċerka u l-innovazzjoni. It-tixjiħ demografiku beda jaffettwa l-provvista tax-xogħol, u kompla jkabbar il-ħtieġa għal riformi li jħeġġu l-parteċipazzjoni u s-sigħat ta’ xogħol. Sfida oħra tikkonsisti fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni biex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet tal-konsumatur li fid-Danimarka huwa relattivament għoli. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

IL-ĠERMANJA

1.

It-tkabbir tal-PDG tal-Ġermanja naqqas fir-ritmu għal 1,3 % fl-2008 minn 2,5 % fl-2007, hekk kif it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali wassal għal tnaqqis qawwi fiż-żieda tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, kundizzjonijiet aktar stretti tal-finanzjament u prospettivi ekonomiċi li sejrin għall-agħar x’aktarx inaqqsu l-investiment. Għalhekk fl-2009 l-attività ekonomika ser tonqos b’mod konsiderevoli. Minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fl-ewwel nofs tal-2008, l-inflazzjoni laħqet massimu ta’ 3,2 %, u mistennija tonqos fl-2009. Fl-2008 l-baġit tal-gvern kien kważi f’bilanċ, u fl-2009 l-Kummissjoni qed tistenna li jkun f’defiċit ta’ kważi 3 %. Il-kisbiet konsiderevoli li saru fil-kompetittività tal-prezzijiet f’dawn l-aħħar snin ikkontribwixxew biex fl-2008 kien hemm bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti ta’ madwar 7 % tal-PDG.

2.

Fl-2008, ir-rata tal-impjiegi żdiedet b’1,3 % iżda t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku mistenni jolqot lis-suq tax-xogħol b’żieda fil-qgħad fl-2009. Minħabba li kull ma jmur il-forza tax-xogħol qed tiċkien u bħala konsegwenza ta’ tibdil demografiku, jista’ jkun li l-kumpanniji jippruvaw iżommu l-persunal ikkwalifikat tagħhom u għalhekk is-sensji ser jolqtu l-aktar lil ħaddiema bi ftit kwalifiki u dawk temporanji.

3.

Bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, il-Ġermanja adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll fit-titjib tal-aċċess għall-finanzi u b’hekk jgħinu lill-ekonomija ġenerali, u jsaħħu l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn hekk, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, dan l-aħħar il-Ġermanja adottat diversi miżuri, inkluż investiment fl-infrastruttura edukattiva u infrastruttura oħra, l-iżgurar tal-għoti ta’ kreditu lin-negozji, tnaqqis fit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll miżuri biex jiġu evitati s-sensji u jitjiebu l-kwalifiki.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Ġermanja biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Ġermanja ssuktat bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Ittieħdu għadd ta’ miżuri pożittivi biex tinkiseb soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza, għall-promozzjoni tal-innovazzjoni ekoloġika u r-riforma tas-suq tax-xogħol. Sar progress tajjeb fir-rigward tal-objettivi baġitarji fil-perijodu medju u dwar il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Huma meħtieġa miżuri addizzjonali għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-servizzi, għat-titjib tal-ambjent kummerċjali u għat-tnaqqis tal-qgħad strutturali.

6.

It-titjib tat-tkabbir tal-produttività u l-indirizzar tar-rati għolja tal-qgħad fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki, speċjalment fil-Lvant għandhom jgħinu l-prestazzjoni ekonomika soda tal-Ġermanja fil-ġejjieni. F’dan ir-rigward, it-titjib fir-R&Ż u l-innovazzjoni għandhom jgħinu. Madanakollu, funzjonament aħjar tas-swieq tas-servizzi, partikolament tas-servizzi professjonali u s-settur tal-enerġija u s-settur ferrovjarju, u titjib fl-ambjent kummerċjali jżidu aktar il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija Ġermaniża. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Ġermanja biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Ġermanja:

ittejjeb il-qafas għall-kompetizzjoni fis-servizzi billi ttejjeb il-proċeduri tal-akkwist pubbliku, tillaxka aktar ir-regoli restrittivi f’negozji u servizzi rregolati, u ttejjeb aktar l-aċċess għan-netwerk ferrovjarju;

tissokta bit-twettiq ta’ miżuri ppjanati u ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja tas-servizzi tal-impjiegi u tippromwovi l-integrazzjoni tan-nies b’ħiliet limitati u li jkunu ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol permezz ta’ approċċ ta’ “flessigurtà” li jikkombina aċċess aħjar għall-kwalifiki ma’ inċentivi mtejba għax-xogħol.

L-ESTONJA

1.

Wara li fl-2007 esperjenzat tkabbir ta’ 6,3 % fil-PDG, l-ekonomija naqset fl-2008. Fl-2009 huwa mistenni tnaqqis ulterjuri. Dan l-iżvilupp huwa kkawżat minn tnaqqis fil-konsum privat u l-investiment fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja fil-passat u kundizzjonijiet aktar stretti fir-rigward tas-self. L-inflazzjoni qiegħda tonqos flimkien ma’ żidiet fis-salarji aktar baxxi kif ukoll prezzijiet aktar baxxi internazzjonali tal-prodotti bażiċi. Il-finanzi pubbliċi ddeterjoraw b’mod sinifikattiv, u minkejja qtugħ sinifikattiv fl-infiq, fl-2008 kien hemm defiċit baġitarju wara l-bilanċ favorevoli ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2007. Fl-2008 d-defiċit tal-kont kurrenti naqas b’mod sinifikattiv għal 10 % tal-PDG, u huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jonqos aktar.

2.

It-tnaqqis tal-attività ekonomika qiegħed jaffettwa s-suq tax-xogħol b’ rata tal-qgħad li qed tiżdied b’ritmu mgħaġġel. It-tbassir attwali tal-Kummissjoni jissuġġerixxi żieda fir-rata tal-qgħad fl-2009 minn madwar 5 % fl-2008. Is-setturi tal-kostruzzjoni, tad-djar u tal-bejgħ bl-imnut x’aktarx ser ikunu l-aktar milquta. Huwa mistenni tnaqqis sinifikattiv fiż-żidiet tas-salarji u possibbilment tnaqqis tas-salarji kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol huma partikolarment diffiċli għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-eta’ u għaż-żgħażagħ.

3.

Bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, dan l-aħħar l-Estonja ħabbret miżuri, inklużi dawk tal-investiment fl-infrastruttura u għat-titjib fil-ħiliet.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Estonja biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, l-Estonja għandha tissokta bil-konsolidazzjoni fiskali. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Estonja ssuktat bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Ittieħdu għadd ta’ miżuri biex jittejbu r-R&Ż u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni, tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jitħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja. Ir-rispons ta’ politika kienet aktar imħallta fir-rigward tal-politika fiskali u f’termini ta’ riformi strutturali mmirati li jiffaċilitaw l-aġġustament tas-suq tax-xogħol (partikolarment linji ta’ politika attivi fis-suq tax-xogħol) li jgħinu fil-kontroll tal-inflazzjoni u l-inflazzjoni tas-salarji. Minħabba r-rwol kruċjali tal-Fondi Strutturali biex jiffinanzjaw il-miżuri tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex jiġu implimentati l-programmi.

6.

L-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi huwa komponent kruċjali għall-prestazzjoni ekonomika ġenerali tal-pajjiż. Huma meħtieġa riformi strutturali urġenti biex jappoġġaw ir-riallokazzjoni ta’ riżorsi lejn setturi li jiddependu mid-domanda esterna u li huma ta’ valur miżjud ogħla. Huwa meħtieġ li jissokta l-investiment fir-R&Ż, fl-innovazzjoni u l-edukazzjoni biex dawn ipattu għat-telf tal-kost kompetittività f’setturi li jirrekjedu ħafna ħaddiema u jiżguraw tkabbir fil-produttività u l-produzzjoni fuq perijodu medju u dak fit-tul. Is-suq tax-xogħol, li qed jiddeterjora, ser jeħtieġ fokus aktar qawwi fuq linji ta’ politika attivi fis-suq tax-xogħol u tagħlim tul il-ħajja bħala reazzjoni għall-ħtiġiet li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol. Aspett importanti addizzjonali biex il-kompetittività tqum fuq saqajha huwa li jiġi żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-iżviluppi fil-produttività. Jeħtieġ monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ riforma tas-suq tax-xogħol sabiex titnaqqas ir-riġidità fis-suq tax-xogħol. Sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika, huma meħtieġa politika fiskali determinata u orjentata lejn l-istabbiltà, politika tal-kompetizzjoni infurzata tajjeb u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Estonja biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Estonja:

tħaffef l-implimentazzjoni tal-pakkett legali ġdid dwar l-impjiegi u żżid l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, partikolarment permezz ta’ linji ta’ politika attivi u b’miri ċari fis-suq tax-xogħol bil-għan li jiffaċilitaw it-transizzjoni fis-suq tax-xogħol.

L-IRLANDA

1.

Minħabba d-deterjorament fis-suq tad-djar, amplifikat mill-kriżi finanzjarja, il-PDG huwa stmat li naqas bi 2 % fl-2008 (meta mqabbel ma’ tkabbir ta’ 6 % fl-2007). Barra minn hekk, l-Irlanda hija partikolarment esposta għall-prospetti ta’ tkabbir inqas tajbin mal-imsieħba tagħha fil-kummerċ u l-PDG reali huwa mistenni li jonqos iżjed fl-2009. L-inflazzjoni, li telgħet sa viċin l-4 % f’nofs l-2008, battiet sew lejn tmiem l-2008 u l-Kummissjoni qed tistenna li fl-2009 tonqos aktar. Il-finanzi pubbliċi ddeterjoraw minħabba dħul partikolarment anqas mit-taxxa b’rabta mal-korrezzjoni fis-suq tal-proprjetà kif ukoll mar-riċessjoni aktar ġenerali. Id-defiċit tal-baġit kien ta’ 6 % tal-PDG fl-2008, li reġġa’ lura l-bilanċi baġitarji pożittivi modesti reċenti, u hemm riskju li dan id-defiċit ikompli jikber b’mod konsiderevoli sussegwentement. Il-bilanċi esterni ddgħajfu fis-snin reċenti minħabba telf fil-kost kompetittività u l-Kummissjoni qed tipproġetta defiċit tal-kont kurrenti (ta’ madwar 6 % tal-PDG) għall-2008 pjuttost inqas għall-2009.

2.

L-estimi kurrenti għas-suq tax-xogħol juru li għall-2008 n-numri fl-impjiegi naqsu, u ser jonqsu iżjed fl-2009. Ir-rata tal-qgħad hija stmata li żdiedet għal 6,5 % fl-2008 u mistennija tiżdied aktar fl-2009. In-numru medju ta’ nies li talbu l-benefiċċji tal-qgħad żdied b’40 % fl-2008 meta mqabbel mal-2007. Il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni, partikolarment l-irġiel żgħażagħ, huma l-aktar li ntlaqtu mill-qgħad li qed jiżdied.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-UE, l-Irlanda adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament u għalhekk tiġi appoġġjata l-ekonomija ġenerali, u jsaħħu l-istabbiltà makro-ekonomika. Barra minn hekk, bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Irlanda reċentement adottat miżuri, li jinkludu appoġġ għas-settur tad-djar u appoġġ għad-dħul ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri li ttieħdu mill-Irlanda biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Irlanda kompliet bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali dwar ir-Riforma tagħha. Ittieħdu miżuri sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal u sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet. Filwaqt li huma meħtieġa aktar sforzi, qed issir ħidma biex jiġi ppreżentat qafas għal politika aktar fit-tul dwar il-pensjonijiet. L-iżviluppi fis-suq tad-djar kellhom aktar effett negattiv fuq il-finanzi pubbliċi u fuq it-tkabbir tal-PDG milli kien mistenni.

6.

L-isfidi ewlenin li l-Irlanda qed tiffaċċja bħalissa huma riżultat tal-konsegwenzi taż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u l-kriżi finanzjarja. Madankollu, l-ekonomija Irlandiża saret ukoll aktar vulnerabbli hekk kif il-pożizzjoni kompetittiva tagħha tnaqqret bil-mod il-mod. Issa hemm ħtieġa urġenti biex it-tkabbir jerġa’ jiġi bbilanċjat u terġa’ tinbena l-kompetittività permezz ta’ miżuri li jsaħħu t-tkabbir tal-produttività u linji ta’ politika adegwati dwar il-pagi. Hija meħtieġa riforma ulterjuri tal-pensjonijiet fil-perijodu medju biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà. Hekk kif is-sitwazzjoni baġitarja wkoll iddeterjorat b’mod sinifikattiv, il-ħidma biex is-sostenibbiltà fiskali terġa’ tqum fuq saqajha, għandha tingħata prijorità. Flimkien ma’ prijoritizzazzjoni bir-reqqa tan-nefqa pubblika u l-promozzjoni ta’ riformi li jsaħħu t-tkabbir ta’ produttività aktar għolja permezz tal-espansjoni u t-titjib tal-kapital fiżiku u uman, din ser iżżid il-kapaċità tal-ekonomija Irlandiża biex taġġusta u bil-mod il-mod terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli fil-perijodu medju. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ tisħiħ tal-kompetizzjoni inkluż fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Irlanda taħdem biex tissokta bl-implimnetazzjoni ta’ riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rrakkomandat li l-Irlanda:

taħdem biex bil-mod il-mod is-sostenibbiltà fiskali terġa’ tqum fuq saqajha;

trawwem aġġustament rapidu għat-tkabbir sostenibbli fil-perijodu medju permezz ta’ miżuri li jsaħħu l-produttività u li ser jgħinu sabiex jerġa’ jkun hemm il-kompetittività u linji ta’ politika adegwati dwar il-pagi.

IL-GREĊJA

1.

It-tkabbir tal-PDG naqas xi ftit fl-2008 għal eżatt taħt it-3 %, l-aktar minħabba li d-domanda minn barra qed tiddgħajjef. Il-Kummissjoni qed tistenna li t-tkabbir ikompli jonqos fl-2009, miġbud ‘l isfel min-nixfa fis-settur tad-djar u investiment li qed ikun anqas ottimist. L-inflazzjoni, imbuttata ‘l fuq mill-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, telgħet għal aktar minn 4 % fl-2008, imma mistennija tbatti fl-2009. Id-defiċit baġitarju laħaq it-3,4 % tal-PDG fl-2008 minħabba dħul inqas milli mistenni u, fi grad inqas, infiq aktar minn dak ippjanat. Id-dejn gross hu mistenni li jibqa’ madwar 94 % tal-PDG fl-2008. Il-kont kurrenti ser jirreġistra defiċit ta’ 13,4 % tal-PDG fl-2008. Dan hu mistenni mill-Kummissjoni li jonqos fl-2009.

2.

L-impjiegi żdiedu fl-2008, għalkemm it-tkabbir fl-impjiegi mexa aktar bil-mod mis-sena ta’ qabel. It-tkabbir mistenni li jaqleb għan-negattiv fl-2009. Il-qgħad hu previst li jiżdied għal 9 % fl-2009. Il-kriżi finanzjarja mistennija tolqot lill-SMEs b’mod partikolari, permezz tal-issikkar tal-kundizzjonijiet tal-kreditu. L-effetti tagħha qed jinħassu diġà fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-trasport marittimu.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-UE, il-Greċja adottat miżuri ta’ appoġġ fis-serttur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament u hekk jappoġġaw l-ekonomija ġenerali, u tintrifed l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn dan, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-Greċja reċentement ħabbret miżuri mmirati li jinkludu appoġġ għall-SMEs u l-gruppi soċjali ekonomikament vulnerabbli.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri li ttieħdu mill-Greċja biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-Programmi ta’ Stabbiltà aġġornati mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra mill-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Greċja kompliet bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Ittieħdu numru ta’ miżuri biex tiġi rriformata s-sistema tal-pensjonijiet. In-nuqqas ta’ lħiq tal-miri fiskali fl-2007 ssottolinja l-ħtieġa li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali li bdiet fl-2004. Huwa tajjeb li l-Greċja qed tiffoka l-politika tagħha fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika bis-suċċess issa jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva. Hemm bżonn ta’ aktar sforz fil-qasam tal-politika, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji ta’ politika attivi fis-suq tax-xogħol u miżuri biex jiġi ttrattat ix-xogħol mhux dikjarat, sabiex il-Greċja tindirizza l-isfidi tagħha fis-suq tax-xogħol. L-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tiġi aċċellerata.

6.

L-ambjent internazzjonali diffiċli jobbliga l-intensifikazzjoni tal-isforzi biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u d-dgħufijiet strutturali tal-ekonomija Griega. Sabiex jissaħħu l-kompetittività u l-potenzjal għat-tkabbir, huwa fundamentali li tkompli r-riforma strutturali. Il-Greċja għandha tiffoka b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika ta’ investiment fil-kapital uman, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, inkluż bit-twaqqif ta’ punti uniċi minn fejn wieħed jinqeda, iż-żieda fl-effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika, u l-ħidma favur ambjent makro-ekonomiku sostenibbli. Aspett importanti ieħor biex il-kompetittività tqum fuq saqajha huwa li jiġi żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-iżviluppi fil-produttività. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kunmissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Greċja tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rrakkomandat li l-Greċja:

tkompli bil-ħidma għal konsolidazzjoni fiskali fil-perijodu medju u ttejjeb l-effiċjenza tal-infiq primarju, tgħaġġel ir-riformi li għaddejjin fl-amministrazzjoni tat-taxxa u l-proċess baġitarju, tnaqqas il-proporzjon tad-dejn mal-PDG, u tkompli tipproċedi bl-implimentazzjoni tar-riforma fil-pensjonijiet malajr kemm jista’ jkun;

bil-ħsieb li titjieb il-kompetittività u jiġu żgurati żviluppi adegwati fil-kost ta’ unità lavorattiva, tieħu miżuri biex iżżid il-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali, timplimenta r-riformi biex iżżid l-investiment fir-R&Ż; u tuża l-Fondi Strutturali b’mod aktar effettiv biex taċċellera l-proġetti orjentati lejn l-investiment;

timplimenta r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika billi tibni kapaċitajiet effettivi, regolatorji ta’ kontroll u infurzar, b’enfasi fuq is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju għan-negozji u ċ-ċittadini, u tnaqqas il-burokrazija;

b’approċċ integrat ta’“flessigurtà”, timmodernizza l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, tnaqqas l-ispejjeż li mhumiex relatati mal-pagi għal dawk bi dħul baxx, issaħħaħ aktar il-linji ta’ politika attivi dwar is-suq tax-xogħol, u tittrasforma xogħol mhux dikjarat f’impjiegi formali; u taċċellera l-implimentazzjoni ta’ riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iżżid il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja u tiffaċilita t-transizzjoni għax-xogħol, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

SPANJA

1.

It-tkabbir tal-PDG reali ta’ Spanja batta b’mod sinifikattiv għal 1,2 % fl-2008. Aktarx li jkun hemm aktar tnaqqis fl-2009. Dan l-iżvilupp ġej min-nixfa li għaddejja fil-kostruzzjoni residenzjali, u kien aggravat bil-kriżi finanzjarja globali u l-issikkar tal-kundizzjonijiet tal-kreditu, li wasslu għal tnaqqis qawwi fid-domanda domestika. L-inflazzjoni telgħet għal 4,1 % fl-2008, imma hi mistennija li timmodera b’mod sinifikattiv. Fl-2008 l-baġit tal-gvern irreġistra defiċit ta’ 3,4 % tal-PDG, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ ‘l fuq minn 5 punti perċentwali meta mqabbel mal-2007. Id-defiċit tal-kont kurrenti laħaq kważi 9,5 % tal-PDG fl-2008, għalkemm huwa wkoll mistenni mill-Kummissjoni li jimmodera fl-2009.

2.

L-impjiegi naqsu fl-2008 u ser jkomplu jonqsu fl-2009, minkejja li l-parteċipazzjoni, speċjalment tan-nisa, baqgħet f’saħħitha. Dan wassal biex ir-rata tal-qgħad taqbeż il-11 % fl-2008, b’żieda addizzjonali sinifikattiva ta’ aktar minn 16 % mistennija fl-2009. L-immigranti, iż-żgħażagħ, u dawk b’ħiliet limitati, b’mod partikolari l-irġiel ta’ bejn il-25 u l-54 sena, huma l-aktar affettwati, u s-settur tal-kostruzzjoni residenzjali u dak tal-karozzi qed jiffaċċjaw riskji partikolari.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ tal-UE kkoordinat, Spanja adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament u hekk jappoġġjaw l-ekonomija ġenerali, u tintrifed l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn dan, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, Spanja reċenetement ħabbret miżuri, inkluż investiment fix-xogħlijiet pubbliċi, l-iffaċilitar tal-finanzjament għall-SMEs, u appoġġ għan-nies qiegħda.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri li ttieħdu minn Spanja bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Spanja kompliet bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Inkiseb progress taħt l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar u f’termini ta’ titjib għall-aċċess għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal, fl-indirizzar tal-isfida biex jitjieb it-tħaddim tas-settur tal-enerġija, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-interkonnessjoni mal-pajjiżi ġirien.

6.

L-isfida ewlenija fil-perijodu medju hija li jitkomplew ir-riformi strutturali biex jiġi sostnut it-tkabbir potenzjali, jiġi kkoreġut id-defiċit kbir fil-kont kurrenti u jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tas-settur tad-djar. L-aktar sfida importanti f’dan ir-rigward hija t-titjib fil-kompetittività. Għal dan il-għan, prijoritajiet importanti jinkludu t-tkabbir fl-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni, speċjalment fis-servizzi, titjib fir-regolamentazzjoni tas-suq tal-kera, u żieda fil-kwalità tal-kapital uman permezz tat-tagħlim tul il-ħajja u l-implimentazzjoni tar-riforma fl-edukazzjoni. Aspett ieħor importanti biex titjieb il-kompetittività huwa li jiġi żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-iżviluppi fil-produttività fil-livell ta’ kumpanija, fil-kuntest ta’ djalogu soċjali. Il-kontinwazzjoni tar-ristrutturazzjoni tan-nefqa pubblika lejn elementi li jsaħħu l-produttività, bħar-R&Ż u l-innovazzjoni, jgħinu biex jiġu sostnuti l-impjiegi u l-attività ekonomika. Żieda fil-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi tgħin biex l-inflazzjoni tinżamm baxxa u tiżdied il-kompetittività bbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li Spanja tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li Spanja:

tippromwovi transizzjoni mgħaġġla fl-impjiegi, b’aktar inkoraġġiment għall-mobbilità, titjib tal-ħiliet u ħidma kontra s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol;

tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi edukattivi, anke fil-livell reġjonali, bl-objettivi ewlenin li jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola u tiżdied ir-rata ta’ gradwati fl-edukazzjoni sekondarja ogħla u tiżgura li l-universitajiet jadattaw għall-proċess ta’ Bolonja b’ħeffa;

ittejjeb il-kompetittività billi żżid il-kompetizzjoni fis-sevizzi, inklużi s-servizzi professjonali, u fl-industriji li jagħmlu parti min-netwerk (portijiet, ferroviji, trasport ta’ merkanzija, telekomunikazzjoni u enerġija elettrika), u tkompli l-progress sabiex titjieb l-effiċjenza tar-riċerka u l-iżvilupp. Fis-settur tal-elettriku, Spanja għandha tkompli bl-eliminazzjoni tat-tariffi biex tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni fil-prezzijiet.

FRANZA

1.

It-tkabbir tal-PDG fi Franza batta notevolment għal 0,7 % fl-2008, l-aktar minħabba domanda domestika dgħajfa. It-tkabbir tal-investiment fil-kapital u dak residenzjali qed jieqaf minħabba li l-previżjonijiet ekonomiċi sejrin għall-agħar u l-kundizzjonijiet tal-kreditu qed ikunu dejjem aktar issikkati. Il-prestazzjoni dgħajfa tat-tkabbir mistennija tkompli fl-2009. L-inflazzjoni żdiedet fl-2008 għal rata ta’ 3,2 %, imma ser tonqos fl-2009. Id-defiċit pubbliku kien ta’ 3,2 % tal-PDG fl-2008. Ir-riċessjoni mondjali qed tolqot ħażin l-esportazzjoni u b’hekk qed tikkontribwixxi għal twessigħ mistenni tad-defiċit tal-kont kurrenti għal madwar 3,8 % tal-PDG fl-2008, li hu mistenni mill-Kummissjoni li jippersisti.

2.

It-tkabbir fl-impjiegi kien kważi staġnat fl-2008 u hu mistenni li jaqleb għan-negattiv fl-2009. Il-qgħad baqa’ fil-livell ta’ madwar 8 % fl-2008 imma għandu jiżdied fl-2009. It-tnaqqis tal-attività ekonomika attwali beda jaffettwa b’mod sinifikattiv is-suq tax-xogħol bis-settur tal-industrija; bl-industrija tal-karozzi b’mod partikolari ssofri telf ta’ impjiegi.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-UE, Franza adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament u għalhekk tiġi sostnuta l-ekonomija ġenerali, u tintrifed l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn dan, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, Franza reċenetement ħabbret miżuri li jinkludu investiment fl-infrastruttura, fl-effiċjenza tal-enerġija u l-produzzjoni, u l-appoġġ għall-SMEs u s-settur tal-kostruzzjoni.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda minn Franza biex tirrispondi għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Franza kompliet bl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Bħala parti minn programm ta’ riforma komprensiv, ittieħdu diversi miżuri, l-aktar fl-oqsma tal-appoġġ għall-SMEs, l-użu tal-ICT, il-prestazzjoni tar-R&Ż, il-linji ta’ politika ambjentali, is-settur tal-bejgħ bl-imnut u r-riformi tas-suq tax-xogħol, it-titjib tad-djalogu soċjali u l-ippjanar ta’ politika fiskali fil-perijodu medju. Hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex titjieb il-konsolidazzjoni baġitarja fil-perijodu medju, il-kompetizzjoni fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, u fil-professjonijiet irregolati, biex tiġi mmodernizzata aktar il-liġi dwar ix-xogħol, u jitjiebu l-opportunitajiet fit-taħriġ vokazzjonali.

6.

L-isfidi ewlenin ta’ Franza fil-perijodu medju ser ikunu t-tkomplija tal-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex jiffunzjona aħjar u li tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, u li tkompli ttejjeb il-qafas kompetittiv ġenerali fis-settur tas-servizzi inkluż is-settur tal-bejgħ bl-imnut. Dawn hemm bżonn li jiġu indirizzati waqt li tinżamm strettament il-mira dwar l-infiq imħabbra mill-gvern ta’ volum ta’ tkabbir żero għall-Istat. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li Franza taħdem biex timplimenta r-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rrakkomandat li Franza:

issaħħaħ il-pass tal-konsolidazzjoni baġitarja u t-tnaqqis tad-dejn fil-perijodu medju billi żżomm mal-miri tagħha dwar l-infiq u tirrispetta b’mod partikolari l-volum ta’ tkabbir żero għan-nefqa tal-Istat. Dan għandu jimxi id f’id ma’ titjib ulterjuri fis-sistema tal-pensjonijiet, sabiex tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;

tkompli ttejjeb il-qafas kompetittiv ġenerali, b’enfasi partikolari fuq: l-industriji tan-netwerk (gass, elettriku u merkanzija bl-ajru waqt li tnaqqas ir-regolamenti restrittivi tal-kummerċ u l-professjonijiet irregolati, b’mod partikolari fis-servizzi, u billi tagħmel użu effettiv mill-poteri tal-awtorità tal-kompetizzjoni u r-regolatur tas-servizzi ferrovjarji;

fil-qafas ta’ approċċ integrat ta’ “flessigurtà”, tkompli timmodernizza s-suq tax-xogħol sabiex titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol fost it-tipi ta’ kuntratti, u tappoġġa d-dħul u t-transizzjoni fis-suq tax-xogħol, u ttejjeb l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex ikunu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

L-ITALJA

1.

Fl-2008 l-ekonomija Taljana huwa stmat li naqset b’0,6 %. Inflazzjoni għolja, effetti negattivi ta’ ġid, u aktar inċertezza żammew lura l-konsum privat, waqt li tnaqqis fid-domanda u kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti wasslu għal investiment aktar baxx. Kost kompetittività ta’ infiq li sejra lura u domanda globali aktar dgħajfa laqtu wkoll l-esportazzjoni. Il-PDG hu mistenni mill-Kummissjoni li jonqos aktar bi 2 % fl-2009. L-inflazzjoni laħqet quċċata fit-tielet kwart tal-2008, u hi mistennija li tonqos. Wara li naqas għal 1,6 % tal-PDG fl-2007, id-defiċit baġitarju qiegħed jiżdied mill-ġdid. Id-dejn gross hu mistenni li jkun tela’ ‘l fuq minn 105 % tal-PDG fl-2008 u li jiżdied aktar fl-2009 u fl-2010. Id-defiċit tal-kont kurrenti hu mistenni mill-Kummissjoni li jkun aktar minn 2 % tal-PDG fl-2008, iżda li jibqà mrażżan fl-2009 u fl-2010.

2.

Waqt li t-tkabbir fl-impjiegi huwa stmat li jkun baqà kemmxejn pożittiv fl-2008, dan hu mistenni li jaqleb għan-negattiv fl-2009. Peress li t-tkabbir tal-għadd tal-ħaddiema jisboq it-tkabbir fl-impjiegi, ir-rata tal-qgħad żdiedet fl-2008 għall-ewwel darba f’għaxar snin u din it-tendenza negattiva hija mistennija li tkompli fl-2009. Il-ħaddiema b’ħiliet limitati u dawk fuq kuntratti mhux tipiċi huma fost il-gruppi li l-aktar għandhom ċans li jintlaqtu minn din il-kriżi.

3.

Bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ tal-UE kkoordinat, l-Italja adottat miżuri ta’ għajnuna għas-settur finanzjarju sabiex tistabilizza s-settur bankarju, u dawn għandhom ukoll itejbu l-aċċess għall-finanzi u b’hekk jgħinu l-ekonomija aktar wiesgħa, u jssaħħu l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn dan, bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Italja adottat miżuri bil-għan li jsostnu l-konsum privat, b’mod partikolari bħala appoġġ għall-familji bi dħul baxx, u għall-investiment.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Italja sabiex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Italja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Il-progress huwa l-aktar viżibbli fil-qasam tal-korrezzjoni fiskali. Ġew introdotti xi miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju b’mod partikolari bit-tneħħija ta’ numru ta’ liġijiet żejda u b’titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. Ġiet stabbilita mira għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq in-negozjanti b’25 % sal-2012 u qed jitlesta proġett li jkejjel dan il-piż. Ittieħdu passi inizjali lejn approċċ ibbażat fuq il-“flessigurtà”, u għad irid ikun magħruf x’ser ikun l-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq il-qasam tal-edukazzjoni u riċerka. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tkompli tittejjeb il-kompetizzjoni.

6.

L-ekonomija tal-Italja nżammet lura għal diversi snin minn tkabbir dgħajjef fil-produttività u livell ta’ dejn pubbliku ‘l fuq mill-PDG b’mod persistenti, għalkemm id-dejn fis-settur korporattiv u dak tad-djar huwa relattivament baxx. Id-dejn pubbliku jitfa’ piż fuq is-sostenibbiltà fiskali. Il-linji ta’ politika ewlenin li huma meħtieġa sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-produttività jinvolvu riformi strutturali ta’ importanza kbira, inkluż it-tisħiħ tal-qafas tal-kompetizzjoni, aktar titjib fl-ambjent kummerċjali billi tinqatà l-burokrazija f’kull livell governattiv, titjib fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni tar-R&Ż. Aktar attenzjoni għandha tingħata lill-formazzjoni tal-kapital uman, u l-potenzjal mhux użat tax-xogħol għandu jiġi sfruttat aħjar, partikolarment fin-Nofsinhar. Aspett ieħor importanti sabiex tiġi restawrata l-kompetitività huwa li jiġi assigurat li l-iżviluppi fil-pagi jiġu allinjati mal-iżvilluppi fil-produttività, permezz ta’ aktar deċentralizzazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iffissar tal-paga. Sabiex wieħed ikompli fuq ir-riformi baġitarji li ttieħdu f’Lulju 2008, huwa importanti li fil-perijodu medju l-finanzi pubbliċi jinżammu fit-triq permanenti u sostenibbli sabiex jinħolqu kondizzjonijiet aktar favorevoli għall-investiment, u jinħoloq spazju għal aktar infiq fuq il-kapital uman u l-infrastruttura. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Italja biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Italja:

issegwi l-konsolidazzjoni fiskali fil-perijodu medju bil-ħsieb ta’ titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari billi trażżan it-tkabbir fl-infiq primarju kurrenti waqt li ssaħħaħ l-effiċjenza fl-infiq, u tiżviluppa l-qafas li ġej ta’ federaliżmu fiskali b’mod li jappoġġa dan il-għan;

tkompli, u fejn hu possibbli, tgħaġġel l-isforzi biex: tintroduċi u tinforza riformi komprensivi biex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi, tissimplifika l-leġislazzjoni, tnaqqas il-piż amministrattiv fil-livelli kollha tal-gvern, u tirriforma l-amministrazzjoni pubblika biex b’hekk tkun qed ittejjeb il-produttività tagħha;

fil-qafas ta’ approċċ ta’ “flessigurtà” u bil-ħsieb li jitnaqqsu d-differenzi reġjonali, tiżgura t-tħaddim effiċjenti tas-servizzi tal-impjiegi, tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, tkompli talloka mill-ġdid l-infiq soċjali fir-restrizzjoni tal-finanzi pubbliċi, biex bil-mod il-mod tistabbilixxi sistema komprensiva ta’ benefiċċju għall-qgħad, u tkompli tittratta x-xogħol mhux dikjarat; ittejjeb l-effiċjenza, ir-riżultati u l-istandards tas-sistema edukattiva.

ĊIPRU

1.

It-tkabbir reali tal-PDG naqas biss moderatament għal 3,6 % fl-2008, hekk kif domanda domestika, u speċjalment il-konsum privat, komplew jiżdiedu bis-saħħa. It-tkabbir huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jkompli jimmodera fl-2009 għal madwar 1 %, l-aktar minħabba l-impatt li attività ekonomika aktar baxxa bejn l-imsieħba prinċipali tal-kummerċ f’Ċipru se jkollu fuq it-turiżmu u d-domanda barranija għad-djar. Il-piż tad-dejn tal-familji li qed jiżdied u ambjent inċert aktarx li ser idgħajfu wkoll il-konsum privat. Ir-rata tal-inflazzjoni ta’ 4,4 % fl-2008 kienet id-doppju tar-rata tagħha fl-2007, prinċipalment minħabba prezzijiet ogħla ta’ żejt u ikel importat. Dan hu mistenni mill-Kummissjoni li jinżel għal 2 % fl-2009. Il-baġit tal-gvern huwa mistenni li jkun 1 % tal-PDG f’bilanċ favorevoli fl-2008. Tnaqqis fid-domanda esterna, tnaqqis fid-dħul mit-turiżmu, prezzijiet konsiderevolment ogħla taż-żejt u l-prodotti bażiċi u żidiet nominali fil-pagi affettwaw il-kompetittività tal-ekonomija Ċiprijotta u wessgħu d-defiċit tal-kont kurrenti għal aktar minn 13 % tal-PDG fl-2008. Dan hu mistenni li jinżel għal 12 % fl-2009. Hemm il-ħtieġa li terġa’ tinbena l-kompetittività permezz ta’ miżuri li jsaħħu t-tkabbir tal-produttività u żviluppi adegwati fil-kost ta’ unità lavorattiva.

2.

Stimi tas-suq tax-xogħol attwali juru li t-tkabbir fl-impjiegi kien bejn wieħed u ieħor 2 % fl-2008 bir-rata tal-qgħad tibqa’ madwar 4 %. It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jonqos matul l-2009, u b’hekk iwassal għal żieda fil-qgħad ta’ madwar 5 %. Żvilluppi attwali fis-suq tax-xogħol jindikaw li s-setturi tat-turiżmu u tal-kostruzzjoni flimkien mal-ħaddiema barranin li ġeneralment huma mhux ta’ ħiliet limitati impjegati f’dawn is-setturi aktarx li ser ikunu dawk li l-aktar ser jintlaqtu mill-impatt tal-kriżi.

3.

Bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, Ċipru reċentement ħabbar miżuri, inkluż appoġġ għal familji bi dħul baxx u self b’rata baxxa għad-djar. Kienu mħabbra wkoll miżuri oħra li jipprovdu appoġġ għas-setturi tal-kostruzzjoni u t-turiżmu, inklużi passi biex iħaffu l-proċeduri sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda minn Ċipru sabiex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Ċipru kompla l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Il-linji ta’ politika mikroekonomiċi li huma mmirati li jiżviluppaw is-soċjetà tal-informazzjoni u joħolqu l-kondizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli, flimkien ma’ linji ta’ politika komprensivi ta’ inklużjoni soċjali, ikkontribwixxew għal prestazzjoni qawwija ta’ Ċipru fl-2008. Ġew ippreżentati miżuri lill-Kamra tar-Rapprezentanti għall-approvazzjoni, li għandhom jgħinu sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà fiskali għal perijodu fit-tul, speċjalment fil-qasam tal-pensjonijiet. Biex jikkumplimentaw lil dan, huma meħtieġa aktar miżuri biex tiġi riformata s-sistema tal-kura tas-saħħa. F’Ċipru qed issir promozzjoni għal aktar miżuri biex itejbu l-innovazzjoni aktar milli r-R&Ż, minħabba l-orjentament tal-ekonomija lejn is-servizzi u d-daqs żgħir ħafna tal-parti l-kbira tal-kumpanniji. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għat-Tagħlim Tul il-Ħajja bdiet, waqt li għandhom ikunu segwiti aktar azzjonijiet għar-riforma tal-edukazzjoni sekondarja teknika u vokazzjonali u s-sistema ta’ apprendistat. Fil-qasam mikroekonomiku xi miżuri ġodda għenu biex tingħeleb kompetizzjoni insuffiċjenti fis-servizzi professjonali.

6.

L-ekonomija Ċiprijotta għandha grad għoli ta’ speċjalizzazzjoni fil-kummerċ, li flimkien mal-ftuħ tal-pajjiż, iżid l-espożizzjoni tagħha għal xokkijiet esterni. It-trażizzjoni kontinwa lejn ekonomija aktar iddiversifikata u mmexxija mill-innovazzjoni hija importanti sabiex tissaħħaħ fil-konfront tal-kompetizzjoni li ġejja mill-ekonomiji ta’ spiża aktar baxxa. Huma meħtieġa sforzi sabiex tiżdied il-produttività tax-xogħol permezz ta’ investimenti fil-konoxxenza, teknoloġiji ġodda, ħiliet, l-ambjent kummerċjali, u l-innovazzjoni. Sfida importanti ta’ politika ser tkun biex isir titjib fil-kompetittività tal-pajjiż. Minħabba l-iżbilanċi esterni relattivament għolja, ikun importanti li jiġu intensifikati r-riformi strutturali li jżidu t-tkabbir tal-produttività u jallinjaw il-pagi mal-produttività. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lil Ċipru biex jissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li Ċipru:

ikompli bl-isforzi sabiex jespandi l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal gruppi b’ħiliet limitati, dawk qiegħda u gruppi żvantaġġati, billi jkompli bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet skont l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja inkluż ir-riformi fil-qasam vokazzjonali, edukattiv, u dak tat-taħriġ u l-Iskema Ġdida u Moderna tal-Apprendistat.

IL-LATVJA

1.

Skont il-Kummissjoni t-tkabbir tal-PDG tal-Latvja ddeterjora drastikament fl-2008, minn aktar minn 10 % fl-2007 għal tnaqqis mistenni ta’ madwar 2 %. Is-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa u l-kriżi finanzjarja naqqsu d-disponibbiltà tal-kreditu, li wasslu għal anqas konsum mill-privat u fis-suq tad-djar. L-investiment ġie affettwat b’mod partikolari u mistenni li jkun naqqas bejn wieħed u ieħor 9 % fl-2008. Il-PDG aktarx li jkompli jonqos b’mod sinifikattiv għal xi żmien. L-inflazzjoni telgħet għal 15,3 % fl-2008, iżda ser tonqos fl-2009. Ir-riċessjoni profonda ser jkollha effett negattiv fuq il-bilanċ tal-gvern, li hu mistenni mill-Kummissjoni li jkun laħaq defiċit ta’ madwar 3,5 % tal-PDG fl-2008. Tnaqqis fid-domanda domestika kkontribwixxa għal rimedju ta’ żbilanċi esterni kbar. L-importazzjoni naqset b’mod sinifikattiv fl-2008, li b’hekk naqqset id-defiċit tal-kont kurrenti għal madwar 15 % tal-PDG.

2.

L-impjiegi ser jonqsu konsiderevolment fl-2009. Il-qgħad issa qiegħed jiżdied u hu mistenni li jiżdied b’mod sostanzjali minn madwar 6,5 % fl-2008. S’issa t-telf tal-impjiegi l-aktar li affettwa kien lill-ħaddiema b’ħiliet limitati mis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut iżda gruppi oħra qed jiġu dejjem aktar affettwati. Firxa ta’ gruppi żvantaġġati u ż-żgħażagħ probabbilment ser ibatu, b’hekk jitfgħu lura l-progress fl-impjiegi li kien hemm fl-imgħoddi reċenti fost dawn il-gruppi.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja, u f’assoċjazzjoni mal-għajnuna finanzjarja internazzjonali maqbula f’Diċembru 2008, il-Latvja adottat miżuri ta’ appoġġ għas-settur finanzjarju sabiex tistabbilizza s-settur bankarju, li għandu jgħin ukoll biex itejjeb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk jgħinu l-ekonomija aktar wiesgħa, u jirfdu l-istabbiltà makroekonomika. Matul l-2008 rriżulta li l-Latvja ser tesperjenza tnaqqis fir-ritmu qawwi u fit-tul. Minħabba pressjonijiet li akkumulaw fuq is-swieq kapitali u finanzjarji Latvjani u fis-sistema bankarja tagħha, li wasslu għall-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet tal-ħtieġa urġenti għal għajnuna finanzjarja internazzjonali. F’dan il-kuntest, fit-12 ta’ Diċembru 2008, il-Parlament Latvjan adotta Programm ta’ Stabbilizzazzjoni Ekonomika u Rilanċ tat-Tkabbir, li għandu jgħin għaż-żamma tal-fiduċja domestika u internazzjonali fis-sistema finanzjarja, jikkontribwixxi direttament u indirettament għall-waqfien u l-irriversjar tat-tendenza negattiva fil-kost kompetittività u l-pressjonijiet mill-inflazzjoni permezz ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-pagi fis-settur pubbliku bħala ċ-ċentru ta’ pożizzjoni fiskali aktar ħarxa, u t-tisħiħ tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija permezz ta’ firxa ta’ riformi strutturali.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Latvja sabiex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbilit fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, il-Latvja għandha tirrispetta l-miri tal-finanzi pubbliċi stabbiliti fil-Programm Ekonomiku ta’ Stabilizzazzjoni tagħha, tindirizza b’mod urġenti l-iżbilanċi makroekonomiċi tagħha, u timplimenta b’mod sħiħ il-memorandum tal-bilanċ ta’ pagamenti tagħha. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Latvja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Il-gvern naqqas mill-infiq ippjanat u ppropona miżuri sabiex jillimita t-tkabbir fil-paga fis-settur pubbliku. Ittieħdu miżuri sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tar-R&Ż. Ittieħdu azzjonjiet notevoli sabiex jiżdiedu l-ħaddiema disponnibbli għax-xogħol fil-perijodu medju, iżda huwa meħtieġ li jsir aktar sabiex tiġi żviluppata strateġija ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-ambjent regolatorju ġie mtejjeb aktar. Sar xi progress ukoll fl-aċċess għall-kura tat-tfal.

6.

L-isfida ta’ politika ekonomika immedjata għal-Latvja hi li tiżgura stabbiltà makrofinanzjarja minħabba li hemm riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu qawwi u fit-tul. Fil-perijodu medju, produttività li twassal għal investiment fir-R&Ż, innovazzjoni u edukazzjoni għandhom jiffaċilitaw ċaqlieqa mis-setturi mmexxija mid-domanda domestika għal affarijiet negozjabbli. Huma meħtieġa riformi strutturali b’mod urġenti sabiex tiżdied il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u jingħata appoġġ għat-transizzjoni, primarjament permezz ta’ attivazzjoni u taħriġ aktar effiċjenti. Politika ta’ pagi pubbliki għandha tagħti s-sinjal it-tajjeb għall-moderazzjoni fil-pagi fis-settur privat, li twassal biex tgħin fil-kontroll tal-inflazzjoni, u sabiex tmanti l-kost kompetittività tal-esportazzjoni. Implimentazzjoni f’waqtha u b’mod determinat tal-programmi ta’ Fondi Strutturali ser ikollha effett pożittiv fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tad-disponibbiltà tal-ekonomija, tappoġġa l-impjiegi u tissalvagwardja l-aċċess għall-finanzi għan-negozji. Huwa essernzjali li tinżamm il-kapaċità amministrattiva sabiex timplimenta l-programmi. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Latvja tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Latvja:

issegwi politika fiskali restrittiva, li fiha l-infiq jiġi prijorizzat b’attenzjoni u kemm il-miżuri ta’ taxxi u nfiq ikunu ffokati fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tad-disponibbiltà tal-ekonomija; dan għandu jkun iffaċilitat bl-adozzjoni ta’ qafas fiskali b’saħħtu, ta’ perijodu medju, b’limiti ta’ nfiq stretti;

sabiex tnaqqas l-inflazzjoni u ttejjeb il-kompetittività, tippromwovi moderazzjoni fil-pagi fis-settur pubbliku u privat;

fl-approċċ ta’ “flessigurtà” integrata, tintensifika l-isforzi sabiex iżżid id-disponibbiltà u l-produttività tax-xogħol billi: ssaħħaħ il-mizuri ta’ attivazzjoni; u billi ttejjeb ir-rispons tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għall-ħtiġijeit tas-suq tax-xogħol, inkluż l-implimentazzjoni ta’ strateġija għal tagħlim tul il-ħajja koerenti;

tintegra aktar mill-qrib il-linji ta’ politika tar-R&Ż u l-innovazzjoni, speċjalment permezz ta’ sħubija fost atturi prinċipali privati u pubbliċi, u permezz ta’ inċentivi addizzjonali għal l-investiment mis-settur privat.

IL-LITWANJA

1.

Il-PDG hu mistenni mill-Kummissjoni li jkun kiber bi 3,4 % fl-2008, ħafna anqas mill-2007 (8,9 %). Bil-korrezzjoni fis-suq tad-djar, l-investiment naqas. Restrizzjonijiet ta’ kreditu stretti, li jnaqqsu d-dħul reali, u t-tnaqqis tal-kunfidenza fil-kummerċ u fost il-konsumaturi huma mistennija li naqqsu d-domanda domestika għall-2009. L-inflazzjoni telgħat għal 11,1 % fl-2008, minħabba prezzijiet għolja tal-prodotti bażiċi u pressjonijiet ta’ pagi domestiċi. Minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika globali u nfiq addizzjonali, id-defiċit tal-gvern żdied. Hu mistenni mill-Kummissjoni li kellu jkun qrib ta’ 3 % tal-PDG fl-2008, u anke fl-2009 peress li kienu adottati numru ta’ miżuri ta’ salvagwardja. Żidiet sinifikattivi fil-pagi jista’ jkun li għamlu ħsara lill-kompetittività esterna, li flimkien ma’ domanda esterna dgħajfa għandhom iwasslu għal anqas tkabbir fl-esportazzjoni fl-2009. Madankollu, fis-snin li ġejjin hu mistenni tnaqqis fit-tkabbir tal-paga nominali. Barra minn dan, domanda interna mrażżna probabbilment ser iddgħajjef it-tkabbir fl-importazzjoni, li jwassal għal defiċit tal-kont kurrenti aktar baxx minn dak ipproġettat ta’ 12,6 % tal-PDG fl-2008. ‘Il quddiem, hemm il-ħtieġa ta’ tħejjija għall-impatt tal-għeluq maqbul tal-impjant nukleari ta’ Ignalina fl-2010 fuq il-PDG potenzjali u l-prezzijiet tal-enerġija domestiċi.

2.

Il-figuri tas-suq tax-xogħol attwali jissuġġerixxu li fl-2008 it-tkabbir fl-impjiegi qaleb għan-negattiv u l-qgħad hu mistenni li jiżdied għal aktar minn 5 %. Tkeċċija ta’ impjegati fuq skala kbira diġà qed tiżdied, u qed teffettwa b’mod partikolari lil dawk li huma ta’ ħiliet limitati, żgħażagħ bi ftit kwalifiki, residenti rurali u ħaddiema akbar fl-età. Differenzi reġjonali fil-qgħad jistgħu jsiru aktar qawwija.

3.

Fid-9 ta’ Diċembru 2008 il-gvern il-ġdid elett adotta programm tal-gvern kontra l-kriżijiet li ħabbar numru ta’ miżuri fiskali sabiex jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi tal-pajjiż u sabiex inaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern mill-2009 ‘l quddiem.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mil-Litwanja sabiex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, il-Litwanja għandha tirrispetta l-miri ta’ finanzi pubbliċi kif stabbiliti fil-programm tagħha kontra l-kriżi. Minbarra l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Litwanja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Numru ta’ miżuri ġew implimentati sabiex itejbu l-impjegabbiltà fost iż-żgħażagħ u jipprovdu taħriġ imprenditorjali. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jindirizzaw l-oqsma ta’ politika prinċipali li jtejbu l-istabbiltà makrofinanzjarja u jnaqqsu l-inflazzjoni. Barra minn dan, ser ikun meħtieġ aktar appoġġ sabiex ikun inkoraġġit investiment dirett barrani, isir titjib fir-R&Ż u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni, l-ambjent regolatorju, żieda fil-kura tat-tfal u titjib fis-saħħa u s-sigurtà.

6.

It-tkabbir ekonomiku għoli u l-emigrazzjoni ssikkaw is-suq tax-xogħol u żiedu fl-ispejjeż tiegħu, u b’hekk affettwaw negattivament il-kompetittività tal-Litwanja. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali mandankollu ser iwassal għal żieda fil-qgħad u għalhekk politika attiva tas-suq tax-xogħol issir ta’ importanza vitali. Madankollu, l-isfida l-aktar urġenti tibqa’ t-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi mdaqqsa. Sabiex l-inflazzjoni tkun ikkontrollata u titwaqqaf id-deterjorazzjoni fil-kompetittività, żviluppi fil-pagi għandhom ikunu allinjati mal-produttività. Ċerti miżuri li jinkludu tkabbir fil-pagi fis-settur pubbliku diġà ġew implimentati f’konformità mal-politika ta’ tfaddil ġenerali fuq in-naħa tan-nefqa. L-ambjent tan-negozju għandu jittejjeb u l-kapaċità amministrattiva għandha tissaħħaħ. Barra minn dan, tkabbir fil-produttività trid tissaħħaħ billi jittejbu l-ħiliet u tiżdied il-prestazzjoni tal-innovazzjoni, inkluż billi jkun attirat investiment dirett minn barra. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Litwanja biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Litwanja:

waqt li tibni fuq il-baġit tal-2009, issaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika billi ssegwi politika fiskali restrittiva li fiha l-nfiq jiġi prijorizzat b’attenzjoni;

tippreserva l-kompetittività esterna billi żżomm l-iżviluppi fil-pagi aktar allinjati mat-tijib fil-produttività, inkluż fil-livell settorjali;

tappoġġa l-attività ekonomika billi tmexxi ‘l quddiem l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-UE ffinanzjati minn fondi strutturali tal-UE kif ukoll tiżgura li l-implimentazzjoni tar-riforma strutturali tas-sistema tar-R&Ż u l-innovazzjoni tibqa’ prijorità flimkien mà impenn finanzjarju suffiċjenti, b’attenzjoni akbar fuq riżorsi umani għar-R&Ż u aktar involviment ta’ kumpaniji fl-innovazzjoni;

tintensifika l-isforzi sabiex tirriforma s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex tassigura l-kwalità u r-rilevanza tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tippromwovi tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

IL-LUSSEMBURGU

1.

It-tkabbir tal-PDG naqas fl-2008 għal madwar 1 %, ħafna anqas mill-pass tal-2007 (5,2 %), hekk kif it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku internazzjonali beda jħalli l-impatt tiegħu. Dan in-nuqqas fir-ritmu mistenni li jkompli fl-2009. Dan l-iżvilupp qiegħed jitmexxa minn domanda esterna baxxa u investiment privat baxx. L-inflazzjoni żdiedet għal aktar minn 4 % fl-2008 fuq żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, iżda hi mistennija li tonqos fl-2009. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku probabbilment naqqas il-bilanċ favorevoli tal-baġit għal 3,0 % tal-PDG fl-2008. Skont il-Kummissjoni, il-Lussemburgu għandu jkollu bilanċ favorevoli fil-kont kurrenti ta’ aktar minn 8 % tal-PDG għall-2008, li probabilment jonqos xi ftit fl-2009.

2.

L-impjiegi komplew jiżdiedu fl-2008 u r-rata tal-qgħad baqgħet 4,1 %. Is-sitwazzjoni fl-2009 hi mistennija li tkun anqas pożittiva, bit-tnaqqis fit-tkabbir tal-impjiegi u żieda fil-qgħad. Il-Lussemburgu ser iħabbat wiċċu ma’ sfidi kkaġunati mill-kriżi kurrenti li probabbilment ser jaffettwaw is-setturi tal-finanzi, t-trasport u l-azzar kif ukoll intrapriżi relatati mal-industrija tal-karozzi.

3.

Bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ tal-UE kkoordinat, il-Lussermburgu adottat miżuri ta’ għajnuna għas-settur finanzjarju sabiex tistabbilizza s-settur bankarju, u dawn għandhom ukoll itejbu l-aċċess għall-finanzi u b’hekk jgħinu l-ekonomija aktar wiesgħa, u jssaħħu l-istabbilità makroekonomika. Barra minn hekk, bħala tweġiba għat-tnaqqis ekonomiku, il-Lussemburgu dan l-aħħar ħabbret miżuri, inkluż anqas taxxi fuq negozji u għajnuna għal familji bi dħul aktar baxx.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Lussemburgu sabiex iwieġeb għat-tnaqqis ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. B’rabta mal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

5.

Il-Lussemburgu kompla l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu. Il-Lussemburgu għamel xi progress sabiex iżid ir-rata ta’ impjiegi ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età, inaqqas in-numru ta’ dawk li jitilqu mill-iskola f’età bikrija u jneħħi ostakoli artifiċjali fis-sistema edukattiva, u jagħmel l-ambjent ekonomiku aktar attraenti. Huma meħtieġa aktar miżuri sabiex ikunu indirizzati dawn l-isfidi tal-bażi.

6.

Minħabba li s-settur finanzjarju jgħodd għal aktar minn kwart tal-PDG, il-kriżi finanzjarja attwali tista’ taffettwa profondement il-pajjiż. Barra minn dan, iż-żieda ta’ malajr b’paragun fil-kost ta’ unità lavorattiva probabbilment ser jaffettwa b’mod negattiv il-kompetittività. Dan id-deterjorament aktarx li ser jkompli fis-snin li ġejjin minħabba li l-produttività hija mistennija li tonqos fl-2008 u fl-2009. F’perspettiva aktar fit-tul, is-sistema tal-pensjoni għandha bżonn tiġi rriformata sabiex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tagħha. Ir-rata ta’ impjiegi tal-populazzjoni residenti tibqà taħt il-medja Ewropea b’dik tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età partikolarment baxxa. Il-Lussemburgu jrid ukoll jaħdem biex l-ambjent tal-kummerċ ikun aktar attraenti. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

L-UNGERIJA

1.

Wara li fl-2007 waqà drastikament għal 1,1 % (prinċipalment minħabba l-programm fiskali ta’ aġġustament li beda fin-nofs tal-2006), it-tkabbir tal-PDG niżel għal 0,9 % fl-2008 minkejja produzzjoni agrikola sinifikattiva. Jekk wieħed iħares ‘il quddiem, tnaqqis ekonomiku qawwi hu mistenni fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-ambjent estern li qed tiddeterjorja b’mod mgħaġġel. Il-kriżi finanzjarja kellha effetti partikolarment ħżiena u qawwija fuq is-swieq ta’ kambju Ungeriżi finanzjarji u barranin, li wasslu għall-iffriżar temporanju tas-suq tal-gvern tal-bonds tal-gvern, niżla qawwija fis-suq tal-istokks, u żvalutar qawwi tal-valuta. L-inflazzjoni kienet aktar minn 6 % fl-2008, iżda t-tendenza min-nofs l-2007 kienet dejjem ‘l isfel u għandha tkompli tonqos. Minkejja t-tnaqqis, id-defiċit tal-baġit hu mistenni mill-Kummissjoni li jkun naqas għal 3,3 % tal-PDG fl-2008 b’aktar aġġustamenti ppjanati mill-awtoritajiet. Fl-2008, id-defiċit tal-kont kurrenti b’xi mod żdied għal bejn wieħed u ieħor 7 % tal-PDG.

2.

L-impjiegi naqqsu fl-2008 b’madwar 1 % u din it-tendenza ser tkompli fl-2009. Ir-rata tal-qgħad għandha tkompli tiżdied mir-rata ta’ madwar 7,7 % fl-2008. Skont l-intensità tan-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-qgħad jistà ma jkunx ristrett biss għall-ħaddiema b’ħiliet limitati u għall-gruppi u ż-żoni ġeografiċi żvantaġġati.

3.

Fil-kuntest ta’ self Komunitarju ta’ bilanċ ta’ pagamenti bħala appoġġ għat-tweġiba tal-Ungerija għat-turbolenzi tas-suq finanzjarju, l-awtoritajiet iffirmaw memorandum ta’ ftehim fid-19 ta’ Novembru 2008, fejn elenkaw kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika mehmuża mal-iżburżar tagħha, partikolarment fir-rigward ta’ konsolidazzjoni fiskali u riforma fiskali ta’ kontroll.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Ungerija sabiex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan Ewropew għar-Rilanċ Ekonomiku kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, l-Ungerija għandha timplimenta kompletament il-memorandum ta’ bilanċ ta’ pagamenti tagħha. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Ungerija kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Il-politika fiskali aktarx li ser terġa’ tirriżulta f’livell ta’ konsolidazzjoni fl-2008 li hu aħjar minn kif kien immirat. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa fir-riformi tas-suq strutturali u tax-xogħol. Il-Fondi Strutturali jilagħbu rwol importanti fl-implimentazzjonni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-eżekuzzjoni tiegħu hija bejn wieħed u ieħor fi triqitha. Wara t-taqlib fis-suq finanzjarju l-awtoritajiet Ungeriżi adottaw serje ta’ miżuri sabiex isaħħu l-fiduċja fis-suq, inkluż tnaqqis b’ritmu mgħaġġel tad-defiċit, aktar kontroll fiskali u settur finanzjarju ta’ regolamenti u superviżjoni aktar b’saħħtu.

6.

L-isfida politika għall-Ungerija hi li tnaqqas l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja waqt li żżomm stabbiltà fiskali u ttejjeb il-kredibbiltà tal-politika ekonomika. Għal dan il-għan, aktar deterjorazzjoni fil-kompetittività esterna għandha titwaqqaf billi jkun żgurat li żidiet fil-pagi jkunu konformi mal-produttività. Fil-perijodu medju sforzi għal titjib fl-istabbilt makroekonomika u fiskali huma tal-akbar importanza. Dan jirrikjedi żieda fl-effettività tas-settur pubbliku u tal-kura tas-saħħa u titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari t-tkomplija tar-riforma tas-sistema tal-protezzjoni soċjali sabiex ix-xogħol ikun irendi. Minkejja l-progress li sar min-nofs l-2006, jista’ jkun hemm aktar tfaddil effiċjenti fis-settur pubbliku. Ir-rata ġenerali ta’ impjiegi fl-Ungerija (57,3 %) kienet it-tielet l-inqas fl-UE fl-2007, b’rata ta’ partiċipazzjoni partikolarment baxxa ta’ persuni żgħażagħ u nies aktar avvanzati fl-età u gruppi żvantaġġati oħra. L-abbiltà tas-sistema edukattiva u tat-taħriġ li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol trid tkun żviluppata aktar sabiex tnaqqas b’mod effettiv il-problema ta’ nuqqas ta’ ħiliet meta mqabbla mal-ħtiġijiet. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li twettaq, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Ungerija biex tissokta bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-Ungerija:

tibni fuq il-progress sinifikattiv li għamlet fil-konsolidazzjoni fiskali, timplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura tnaqqis li jdum tad-defiċit tal-gvern u tal-proporzjon tad-dejn pubbliku, b’aktar dipendenza fuq in-naħa tal-infiq;

tkompli tirriforma s-sistemi tal-amministrazzjoni pubblika, kura tas-saħħa, pensjoni u edukazzjoni bil-għan li tiżgura sostenibbiltà fiskali fit-tul u titjib tal-effiċjenza ekonomika. Dan għadu jinkludi passi sabiex iżżid aktar l-età effettiva tal-irtir, sabiex timplimenta b’mod rigoruż ir-riforma adottata tas-sistema tal-pensjonijiet tad-diżabbli u sabiex tirristruttura aktar il-kura tas-saħħa;

tkompli ssaħħaħ u timmira aħjar il-linji ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, speċjalment ta’ gruppi u żoni ġeografiċi żvantaġġati;

tkompli ttejjeb il-livelli tal-ħiliet, anke billi żżid il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja; tkompli ttejjeb l-abbiltà tas-sistema edukattiva u tat-taħriġ li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tiżgura aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd.

MALTA

1.

Il-PDG huwa mistenni mill-Kummissjoni li jkun kiber bi 2,1 % fl-2008, ‘l isfel mit-3,9 % tal-2007. It-tkabbir tal-PDG huwa mistenni li jiddgħajjef fl-2009. L-inflazzjoni żdiedet għal 5,7 % f’Ottubru 2008, minħabba prezzijiet internazzjonali ogħla tal-ikel u taż-żejt, u possibbilment raffurzata minn kompetizzjoni domestika dgħajfa u dipendenza għolja fuq l-importazzjoni tal-enerġija. Il-pożizzjoni fiskali ddeterjorat fl-2008, bid-defiċit baġitarju jitla’ għal 3,5 % tal-PDG. Domanda globali iktar dgħajfa wasslet għat-twessiegħ tad-defiċit tal-kont kurrenti.

2.

It-tkabbir tal-impjiegi naqas fl-2008 u dan jidher li ser jkompli fl-2009 hekk kif jonqos ir-ritmu tal-attività ekonomika. L-impjieg femminili żdied bi ftit fl-2007, iżda b’36,9 % jibqa’ l-iktar wieħed baxx fl-UE. Ir-rata ta’ impjiegi fost il-ħaddiema iktar avvanzati fl-età fil-verità naqqset (għal 28,3 %) fl-2007. Il-qgħad probabbilment ser jiżdied minn 6,5 % fl-2008, u prinċipalment ser jaffettwa lill-ħaddiema b’ħiliet limitati mis-setturi tal-manifattura u t-turiżmu, għalkemm setturi oħra jistgħu jkunu dejjem aktar f’riskju.

3.

Dan l-aħħar Malta ħabbret miżuri, inkluż investiment avvanzat fl-infrastruttura, l-ambjent u t-turiżmu, u tnaqqis fit-tassazzjoni għall-familji, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

4.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda minn Malta bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Malta kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Sar progress fl-indirizzar tal-kompetizzjoni u r-riforma fis-suq tax-xogħol. L-inizjattivi pożittiv fl-2008 jinkludu passi importanti lejn il-privatizzazzjoni tat-tarzni, it-twaqqif ta’ passaġġ għall-flessigurità integrata u l-iffissar ta’ mira għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali biex titjieb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa, l-ambjent tan-negozju, u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija. Il-progress f’termini tal-insegwiment tal-konsolidazzjoni tal-baġit naqas fl-2008.

6.

Malta tiddependi ħafna fuq enerġija impurtata, riżorsi naturali, materjal għall-produzzjoni u prodotti għall-konsumatur impurtati. Is-sinsla tal-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta huwa fir-riżorsi umani tagħha, fejn hemm bżonn ta’ titjib qawwi fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja fost il-ħaddiema b’ħiliet limitati u aktar tnaqqis fir-rata tal-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Id-daqs ċkejken tal-ekonomija jrendi l-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni partikolarment rilevanti u jitlob titjib fl-ambjent tan-negozju. Użu aktar effiċjent tal-finanzi pubbliċi jeħtieġ riforma ulterjuri fis-sistema tal-kura tas-saħħa. Għalkemm Malta qiegħda tiddiversifika l-bażi ekonomika tagħha, għad hemm bżonn progress ulterjuri biex tkun indirizzata d-dipendenza qawwija attwali fuq it-turiżmu u l-manifattura tal-elettronika. L-isfida biex tiġi żgurata l-kompetittività titlob riformi strutturali ulterjuri li ser itejbu l-produttività u t-tkabbir tal-paga allinjata maż-żieda fil-produttività. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li Malta tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li Malta:

isaħħaħ il-kompetizzjoni bil-għan li trażżan l-inflazzjoni u tibqa’ kompetittiva, l-aktar billi tnaqqas l-għajnuniet mill-Istat u tindirizza dawn l-għajnuniet lejn għanijiet orizzontali kif ukoll billi tirrinforza l-awtorità tal-kompetizzjoni;

iżżid l-isforzi biex tattira iktar nies fis-suq tax-xogħol, speċjalment nisa u ħaddiema iktar avvanzati fl-età, billi, pereżempju tiffaċilita l-kura tat-tfal; iżżid l-isforzi biex tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat u tinkoraġixxi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi trendi s-sistema ta’ benefiċċji aktar favorevoli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

L-OLANDA

1.

It-tkabbir reali tal-PDG fl-Olanda naqas għal 1,9 % fl-2008 minn 3,5 % fl-2007. Fl-2009 t-tkabbir huwa mistenni li jonqos b’riżultat tar-riċessjoni mondjali, inqas investiment u tnaqqis sostanzjali fil-konsum privat. Imsaħħa biż-żieda tal-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija iktar kmieni, l-inflazzjoni għoliet għal 2,2 % fl-2008. Il-bilanċ baġitarju pożittiv żdied fl-2008 għal 1,1 % tal-PDG. Madankollu, il-Kummissjoni tistenna li l-bilanċ pożittiv isir defiċit baġitarju ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2009 u 2.7 % fl-2010. Minkejja r-riċessjoni mondjali, l-Olanda hija mistennija li jkollha bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti ta’ iktar minn 8 % tal-PDG fl-2008, li probabilment jonqos għal 6,5 % tal-PDG fl-2009.

2.

It-tkabbir fl-impjiegi, li huwa viċin it-2 %, kompla fl-2008, iżda huwa mistenni li jsir negattiv fl-2009. B’riżultat ta’ dan, il-qgħad naqas fl-2008, iżda huwa mistenni li jiżdied fl-2009. Min iħaddem s’issa qed jibqa’ lura milli jirrikorri għat-tkeċċija tal-persunal billi jibża’ li ma jkunx jista’ jsib persunal kwalifikat la darba l-ekonomija tirkupra. Is-settur industrijali u s-settur finanzjarju probabbilment huma l-iktar li ser jintlaqtu ħażin.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, l-Olanda adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabilizza s-settur bankarju, li għandu wkoll jgħin li jtejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti u b’hekk jagħti appoġġ lill-ekonomija usa’, u jsostni l-istabbilità makro-ekonomika. Barra minn hekk, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, riċentement l-Olanda ħabbret miżuri, inkluż it-tnaqqis tat-tassazzjoni korporattiva għall-SMEs, kontribuzzjonijiet imnaqqsa tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema, tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol u ħadet miżuri addizzjonali biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzi kemm għall-SMEs kif ukoll għal kumpanniji ikbar.

4.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda mill-Olanda bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkunu inkoraġġita.

5.

L-Olanda kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Ittieħdu miżuri biex tiżdied il-provista tax-xogħol iżda hemm bżonn li jsir iktar biex jiżdiedu n-numru ta’ sigħat globali maħduma. Minkejja li l-ispejjeż fir-R&Ż qed jistaġnaw, sar progress fiż-żieda tal-koerenza bejn il-linja ta’ politika, permezz tal-introduzzjoni ta’ strutturi ta’ governanza ġodda, bit-tħejjija ta’ strateġija koerenti għar-R&Ż u l-innovazzjoni, kif ukoll is-simplifikazzjoni tat-taħlita ta’ politika dwar l-innovazzjoni.

6.

Iż-żieda fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol kumplessivi u t-titjib fir-R&Ż u r-rendiment tal-innovazzjoni ser jgħinu biex isostnu r-rendiment ekonomiku b’saħħtu fil-futur. L-isfida hija biex l-istrateġija għal żmien twil tar-R&Ż u tal-innovazzjoni tkun tradotta f’sett ta’ miżuri politiċi koerenti u effettivi biex jistimulaw b’mod partikolari l-infiq privat fir-R&Ż. Minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u għalhekk it-tnaqqis fil-provvista tax-xogħol, hemm bżonn tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser jirrikjedi attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Olanda tkompli twettaq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li l-Olanda:

tiżviluppa miżuri ulterjuri, inklużi l-inkoraġġiment ta’ transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol fi ħdan approċċ ta’ “flessigurtà” integrata, biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa, ħaddiema iktar avvanzati fl-età u gruppi żvantaġġati bil-ħsieb li żżid in-numru ta’ sigħat globali maħduma.

L-AWSTRIJA

1.

It-tkabbir tal-PDG naqas fl-2008 minn 3,1 % fl-2007 għal 1.7 %. It-tkabbir huwa mistenni li jonqos b’iktar minn 1 % minħabba t-tnaqqis fl-esportazzjoni u n-nuqqas ta’ investiment. L-inflazzjoni headline laħqet kwazi l-4 % f’nofs l-2008, iżda issa qegħda ttaffi b’mod mgħaġġel. Skont il-Kummissjoni, l-Awstrija rreġistrat defiċit żgħir fil-baġit ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2008 li hu mistenni li jiżdied sew fl-2009. B’bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti mistenni ta’ iktar minn 3 % tal-PDG fl-2008 li hu mistenni li jibqa’ qrib dak il-livell matul l-2009 u l-2010, il-bilanċi esterni huma b’saħħithom.

2.

L-impjieg żdied b’rata ta’ 1,6 % fl-2008, iżda huma mistenni li jonqos fl-2009, u huwa mistenni li jerġa’ jiżdied il-qgħad, wara kważi tliet snin ta’ tnaqqis. Dawk il-gruppi fis-suq tax-xogħol li tradizzjonalment għandhom perspettiva ta’ impjieg limitat, b’mod partikolari ħaddiema iktar avvanzati fl-età u dawk bi ftit kwalifiki, probabbilment ser isofru l-iktar. L-impjiegi għall-ħaddiema temporanji kwalifikati fis-settur industrijali tnaqqsu l-ewwel. Bħalissa, il-parti tal-ekonomija l-aktar milquta huwa s-settur tal-karozzi.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, l-Awstrija adottat miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabilizza s-settur bankarju, li għandu wkoll jgħin li jtejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti u b’hekk jappoġġa lill-ekonomija usa’, u jsostni l-istabbiltà makro-ekonomika. Barra min hekk, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Awstrija dan l-aħħar ħabbret miżuri, inklużi t-tnaqqis tat-tassazzjoni u appoġġ finanzjarju ulterjuri għall-familji, aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjament u investiment avvanzat fl-infrastruttura, l-effiċjenza tal-enerġija u r-R&Ż.

4.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda mill-Awstrija bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Awstrija kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Saru xi sforżi biex tiżdied ir-rata ta’ impjieg tal-ħaddiema iktar avvanzati fl-età, ir-riżultati edukattivi taż-żgħażagħ żvantaġġati, l-indirizzar tas-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u t-tisħiħ tal-edukazzjoni tal-intraprenditorija. Hemm bżonn miżuri addizzjonali biex tissaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali fiż-żmien medju u biex tiżdied il-kompetizzjoni.

6.

L-isfida prinċipali fi żmien medju tal-Awstrija hija li tinbidel f’ekonomija msejsa iktar fuq il-konoxxenza. L-Awstrija żiedet b’mod sinifikattiv l-infiq fuq ir-R&Ż. Għandha tingħata aktar attenzjoni mhux biss biex tiżdied in-nefqa fuq ir-riċerka iżda wkoll lit-taħriġ tal-kapital uman. Il-moderazzjoni kontinwa fil-pagi saħħet il-pożizzjoni kompetittiva globali tal-Awstrija, u wasslet għall-ħolqien tal-impjiegi għall-forza tax-xogħol li qiegħda tikber. Sfida għall-Awstrija hija li tiżgura użu aħjar tar-riżorsi tax-xogħol, notament ta’ ħaddiema iktar avvanzati fl-età, u li ttejjeb l-integrazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg ta’ gruppi żvantaġġati. L-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-welfare soċjali jiddependi fuq riformi u konsolidazzjoni fiskali dejjiema, li teħtieġ li tkun maqgħuda ma’ nefqa pubblika msaħħa f’oqsma li huma kruċjali għat-tkabbir fuq żmien medju. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Awstrija tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li l-Awstrija:

tkompli ttejjeb l-inċentivi għall-ħaddiema iktar avvanzati fl-età biex ikomplu jaħdmu billi timplimenta strateġija komprensiva li tinkludi titjib fit-taħriġ relatat max-xogħol, l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u t-tisħiħ tal-isforzi tar-riforma ta’ skemi għal irtirar kmieni, b’attenzjoni speċjali fuq l-iskema tal-pensjonijiet tad-diżabbiltà; u titjib fir-riżultati edukattivi għaż-żgħażagħ żvantaġġati.

IL-POLONJA

1.

Skont il-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG tal-Polonja naqas għal 5 % fl-2008, wara li kien żdied b’6,7 % fl-2007. Dan it-tkabbir qawwi kien prinċipalment grazzi għall-konsum privat u l-investiment qawwi. It-tkabbir tal-PDG ser jonqos iktar fl-2009 minħabba nuqqas fl-esportazzjoni u fl-investiment. L-inflazzjoni laħqet l-ogħla tagħha ta’ 4,25 % fl-2008, iżda għandha tonqos fl-2009. Id-defiċit baġitarju huwa mistenni li jiżdied bi ftit għal 2,5 % tal-PDG fl-2008 u dan huwa previst mill-Kummissjoni li ser jiddeterjora iktar b’madwar punt perċentwali fl-2009. Id-defiċit tal-kont kurrenti, ta’ 5,6 % tal-PDG fl-2008, huwa mistenni li jibqa’ f’dak il-livell fl-2009.

2.

L-impjieg żdied bi 3 % fl-2008 u l-qgħad kompla jonqos għal 7,4 %. Madanakollu, it-tkabbir fl-impjieg ser jonqos b’mod sinifikattiv matul l-2009, bil-qgħad mistenni li jiżdied għal 8,4 %. L-iżviluppi attwali fis-suq tax-xogħol juru li s-setturi tal-esportazzjoni, il-manifattura, il-kostruzzjoni u t-trasport huma l-iktar milquta mit-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika. Ser issir iktar pressjoni fuq iż-żieda fl-attività tax-xogħol u t-titjib tal-mobbiltà fix-xogħol bejn is-setturi u l-industriji, b’hekk tingħata għajnuna biex tinġieb lura l-kost kompetittività fil-prezzijiet tal-ekonomija wara l-perjodu ta’ impjieg b’rata mgħaġġla u tkabbir fil-pagi.

3.

Il-Polonja dan l-aħħar ħabbret miżuri, inkluż l-appoġġ għall-SMEs u l-familji bi dħul baxx, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, iżda għadha qed tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq it-tnaqqis tan-nefqa u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliki.

4.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda mill-Polonja bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Polonja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Ittieħdu numru ta’ miżuri biex titjieb il-kompetizzjoni fl-industriji netwerk, ikunu msaħħa l-linji ta’ politika tas-suq tax-xogħol attiv, jitjieb l-ambjent legali għan-negozjanti u jkun hemm rabta bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Hemm bżonn sforzi ulterjuri biex jitjieb il-kontroll fuq in-nefqa, biex jissaħħaħ ir-rendiment tar-riċerka u l-iżvilupp, biex issir reviżjoni tas-sistemi ta’ benefiċċji u biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim matul il-ħajja.

6.

Ir-rendiment ekonomiku tal-Polonja qed jibqa’ lura minħabba numru ta’ problemi strutturali interkonnessi, produttività tax-xogħol baxxa u użu baxx tal-forza tax-xogħol. Jekk jingħaqdu l-isforzi biex titlesta r-riforma tas-sistemi tas-sigurtà soċjali maż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema iktar avvanzati fl-età ikun possibbli li tissaħħaħ il-provista tax-xogħol u titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-istess ħin. It-tkabbir u l-impjiegi jibbenefikaw minn aktar titjib tal-ambjent tan-negozju, tkun żviluppata l-infrastruttura u t-titjib tal-kwalità tal-kapital uman. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser jirrikjedi attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Polonja tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li l-Polonja:

iżżomm dixxiplina baġitarja fiż-żmien medju u tintroduċi mekkaniżmi addiżżjonali biex issaħħaħ il-kontroll fuq l-infiq, b’mod partikolari billi tirriforma s-Sistema tas-Sigurtà Soċjali tal-Bdiewa;

tkompli bir-riforma tas-settur tar-riċerka pubblika biex issaħħaħ ir-R&Ż u l-innovazzjoni u tħeġġeġ ir-R&Ż fis-settur privat;

taċċellera l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport billi tuża l-Fondi Strutturali b’mod effiċjenti;

tiżviluppa approċċ ta’ “flessigurtà” integrat, billi timplimenta strateġija għall-anzjanità attiva, tkompli bl-azzjonijiet biex ittejjeb il-politika tas-suq tax-xogħol attiv, partikolarment għal gruppi żvantaġġati, tirrivedi s-sistema tal-benefiċċji u ttejjeb l-inċentivi għax-xogħol u twettaq strateġija għat-tagħlim tul il-ħajja.

IL-PORTUGALL

1.

Skont il-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG tal-Portugall naqas għall-0,2 % fl-2008, minn kważi 2 % fl-2007. Dan it-tnaqqis kien dovut għal nuqqas ta’ investiment u rendiment tal-esportazzjoni iktar dgħajjef, assoċjati mat-tnaqqis tad-domanda esterna. Fl-2009, it-talba domestika hija mistennija li tiddgħajjef iktar, u b’hekk it-tkabbir ser jkun iktar bil-mod. L-inflazzjoni aċċellerat għal 2,7 % fl-2008, iżda baqgħet taħt il-medja għaż-żona tal-euro u qegħda tonqos minħabba x-xejra fit-tnaqqis tal-prezzijiet globali ta’ dan l-aħħar u n-nuqqas ta’ domanda. Ix-xejra ta’ tnaqqis f’dawn l-aħħar snin kompliet, id-defiċit tal-baġit tal-Portugall kien ftit iktar minn 2 % tal-PDG fl-2008. Id-defiċit tal-kont kurrenti żdied għal 11,8 % tal-PDG fl-2008 minħabba t-tkabbir inqas mgħaġġel fl-esportazzjoni u prezzijiet tal-prodotti bażiċi għolja. Id-defiċit tal-kont kurrenti għandu jitjieb fl-2009.

2.

L-impjieg fil-Portugall żdied xi ftit fl-2007, bir-rata ta’ impjieg stabbli madwar 68 %. Il-qgħad kien fl-ogħla tiegħu ta’ 8,1 % fl-2007, iżda naqas xi ftit fl-2008. It-talba barranija dgħajfa qed tibda’ taffettwa l-impjieg fis-settur wiesa’ tal-esportazzjoni. Filwaqt li l-ekonomija tkompli għaddejja minn transizzjoni ulterjuri, il-qgħad strutturali ser ikompli jiżdied u jaffettwa b’mod partikolari l-gruppi b’ħiliet limitati u żvantaġġati.

3.

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, il-Portugall adotta miżuri ta’ appoġġ fis-settur finanzjarju biex tistabilizza s-settur bankarju, li għandu wkoll jgħin li jtejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti u b’hekk jagħti appoġġ lill-ekonomija usa’, u jsostni l-istabbiltà makro-ekonomika. Barra minn hekk, bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u fil-kuntest tal-Pjan ta’ Rilanċ, il-Portugall riċentement approva programm baġitarju ġdid biex jiffinanzja Inizjattiva komprensiva (Inizjattiva tal-Investiment u l-Impjiegi) biex isaħħaħ l-investiment pubbliku mmirat u jappoġġa l-investiment u l-impjiegi privati. Dan iżid ma’ deċiżjonijiet preċedenti biex titnaqqas it-tassazzjoni fuq in-negozju u biex jiżdied l-appoġġ finanzjarju għal familji bi dħul baxx.

4.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda mill-Portugall bi tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Il-Portugall kompla l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu. Saru passi importanti lejn it-tnaqqis sostenibbli tad-defiċit tal-gvern, biex issir ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jitjiebu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Ittieħdu miżuri biex tintlaħaq il-mira tar-R&Ż pubbliku u ttieħdu xi passi biex jiżdied l-investiment privat, u biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema tal-innovazzjoni. Is-sistema edukattiva saret iktar effiċjenti, u ntlaħaq ftehim mal-isħab soċjali, diġà approvat mill-Parlament, biex jiġi rivedut il-kodiċi tax-xogħol.Hemm bżonn iktar sforzi biex l-infiq pubbliku jkompli jiġi indirizzat mill-ġdid lejn użi ta’ iktar appoġġ għat-tkabbir potenzjali, biex ikunu monitorati r-riżultati u biex tiżdied il-kompetittività effettiva fis-swieq tal-enerġija.

6.

B’riżultat ta’ tnaqqis sinifikattiv fid-defiċit tal-baġit u progress fil-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, il-finanzi pubbliċi saru iktar b’saħħithom. L-ambjent tan-negozju, l-edukazzjoni u t-taħriġ tjiebu. Mandakollu, il-Portugall għadu qed jiffaċċja numru ta’ sfidi sinifikattivi biex jiżgura żieda fit-tkabbir tal-produttività u pożizzjoni esterna iktar bilanċjata. F’dan l-isfond, il-Portugall jibbenefika jekk ikompli jimplimenta u jwettaq monitoraġġ ta’ approċċ ta’ politika iktar integrata bbażat fuq is-sinerġiji fost il-linji politiċi, li tindirizza l-kwalità tal-infiq pubbliku, ittejjeb il-mod kif jaħdmu s-swieq, iżżid l-effiċjenza fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tindirizza l-kompetittività. Aspett importanti addizzjonali biex il-kompetittività tqum fuq saqajha huwa li jiġi żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jkunu allineati aktar mill-qrib mal-iżviluppi fil-produttività. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib. Il-miżuri implimentati fis-snin riċenti relatati mal-enerġiji rinnovabbli u dawk li diġa’ ġew deċiżi fil-kuntest tal-Inizjattiva tal-Investiment u l-Impjiegi huma passi importanti ‘l quddiem.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li l-Portugall ikompli jaħdem fuq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li l-Portugall:

fil-kuntest tal-konsolidazzjoni fiskali fi żmien medju u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, jintensifika l-isforzi biex in-nefqa pubblika terġa’ tiġi indirizzata lejn oqsma li jwasslu għaż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir tal-pajjiż u l-kompetittività esterna waqt li jżomm kontroll tajjeb fuq in-nefqa;

ikompli bl-isforzi biex itejjeb b’mod sostenibbli l-effiċjenza ġenerali tas-sistema edukattiva, u jkompli jiżviluppa sistema ta’ taħriġ vokazzjonali rilevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, billi jintlaħqu l-miri tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u bl-involviment tal-partijiet interessati xierqa;

jimplimenta l-leġislazzjoni biex jimmodernizza l-protezzjoni tal-impjieg, b’mod partikolari l-Kodiċi tax-Xogħol approvat, sabiex jegħleb is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol, fi ħdan l-approċċ tal-“flessigurtà”.

IR-RUMANIJA

1.

It-tkabbir tal-PDG tar-Rumanija aċċellera għal stima ta’ 7,8 % fl-2008, prinċipalment minħabba żieda qawwija fil-konsum privat u fl-investiment. Madanakollu, jidher li dan ser jonqos konsiderevolment fl-2009, wara kondizzjonijiet ta’ self sinifikattivament iktar stretti, tnaqqis fil-kunfidenza tal-konsumatur u tal-investitur u talba esterna iktar dgħajfa. Waqt li l-inflazzjoni telgħet għal kważi 8 % fl-2008, hija pproġġettata mill-Kummissjoni li tonqos fl-2009. Id-defiċit tal-gvern laħaq stima ta’ 5,2 % tal-PDG fl-2008 u mingħajr tibdil fil-politika huwa mistenni li jiżdied iktar fl-2009. Minkejja xi tnaqqis wara talba domestika iktar dgħajfa, id-defiċit tal-kont kurrenti huwa mistenni mill-Kummissjoni li jibqa’ għoli, kważi 13 % tal-PDG fl-2008 u jibqa’ fuq livell ta’ żewġ numri fl-2009.

2.

Ir-rata ta’ impjieg hija mistennija li tibqa’ taħt is-60 % fl-2009 u l-qgħad huwa mistenni li jiżdied xi ftit. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa wieħed mill-iktar għoli fl-UE, b’iktar minn 20 %. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku huwa mistenni li jirriżulta f’iktar qgħad, b’mod partikolari f’xi setturi ekonomiċi, inklużi dawk li ffaċċjaw nuqqas ta’ xogħol (l-industriji tal-karozzi, tat-tessuti, petrokimiċi u l-kostruzzjoni). Ser jaffettwa, b’mod partikolari, l-persuni bi ftit kwalifiki u ż-żgħażagħ.

3.

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-miżuri meħuda mir-Rumanija biex tiżgura l-konsolidazzjoni fiskali u twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan il-kuntest, ir-Rumanija għandha tintensifika l-passi biex tkompli l-konsolidazzjoni fiskali u tindirizza b’urġenza l-iżbilanċi makroekonomiċi tagħha. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-paragrafu 6, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

4.

Ir-Rumanija kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha, għalkemm il-progress kien limitat. Ir-Rumanija kompliet b’politika fiskali laxka, li kkontribwiet għal żbilanċi makroekonomiċi u fiskali. Hija implimentat diversi miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, iżda jeħtieġ li jsir iktar. Ir-Rumanija kompliet ukoll bl-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha tar-R&Ż. Hemm bżonn iktar sforzi biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika. Għad hemm ħafna lok għall-progress biex titnaqqas il-burokrazija u tinvesti ħafna iktar fil-ħiliet.

5.

Fil-kuntest ekonomiku attwali, l-ewwel prijorità tar-Rumanija għandha tkun biex tindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi u fiskali li joħolqu riskji għas-sostenibbiltà tat-triq tat-tkabbir tagħha fuq terminu medju sa dak twil. Fl-istess ħin, billi l-vantaġġi tal-prezzijiet tagħha qegħdin jintilfu bil-mod il-mod, ir-Rumanija għandha tgħaġġel ir-riformi strutturali biex tittrasforma l-ekonomija minn waħda bbażata fuq il-vantaġġi tal-prezzijiet għal waħda bbażata iktar fuq il-produttività, l-innovazzjoni u l-konoxxenza, bl-użu ta’ sorsi ġodda ta’ tkabbir. L-implimentazzjoni effettiva tar-riformi meħtieġa jiddependu b’mod kritiku fuq il-kapaċità tar-Rumanija biex ittejjeb urġentement l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

6.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li r-Rumanija tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li r-Rumanija:

isaħħaħ l-effiċjenza, l-effettività u l-indipendenza tal-amminstrazzjoni pubblika, fuq livell ċentrali kif ukoll lokali, billi tibni kontroll regolatorju effettiv u kapaċità ta’ nfurzar;

sabiex tinżamm il-kompetittività esterna, u biex trażżan id-defiċit tal-kont kurrenti u l-inflazzjoni, tissikka b’mod sinifikattiv il-politika fiskali u timplimenta urġentement qafas fiskali fuq żmien medju li jorbot, tirrivedi l-kompożizzjoni tan-nefqa biex iżżid is-sehem tal-infiq li jżid it-tkabbir fost l-oħrajn billi tnaqqas u tindirizza mill-ġdid l-għajnuna mill-Istat lejn objettivi orizzontali u żżom l-iżviluppi fil-pagi konformi mat-tkabbir tal-produttività;

fil-kuntest ta’ politika ta’ regolamentazzjoni aħjar koerenti, timplimenta urġentement miżuri biex tnaqqas b’mod sostanzjali l-proċeduri amministrattivi u d-dewmien biex jingħataw awtorizzazzjonijiet, sabiex ittejjeb l-ambjent tan-negozju li jgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

ittejjeb il-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, tnaqqas in-numru ta’ studenti li jieqfu mill-iskola kmieni, u tiffaċilita t-transizzjoni għax-xogħol għaż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol.

IS-SLOVENJA

1.

Skont il-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG tas-Slovenja naqas għal 4 % fl-2008 minn 6,8 % fl-2007, u huwa maħsub li ser jonqos iktar fl-2009. L-inflazzjoni żdiedet b’mod sinifikattiv fl-2007 minħabba l-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, u minħabba l-pressjonijiet kbar tad-domanda, iżda naqset mill-quċċata tagħha ta’ 6,5 % għal 1,8 % fit-tmiem tal-2008. Fl-2008, id-defiċit tal-kont kurrenti huwa mistenni li jkun laħaq is-6 % tal-PDG. Huwa mistenni mill-Kummissjoni li jitjieb ftit biss fl-2009. Huwa mistenni li l-finanzi pubbliċi, li rreġistraw eċċess fl-2007, ser jkunu waqgħu f’defiċit fl-2008.

2.

F’konformità mal-attività ekonomika, it-tkabbir fl-impjiegi beda jitlef il-momentum tiegħu fit-tieni nofs tal-2008 wara dinamika b’saħħitha u huwa mistenni li jiddgħajjef iktar fl-2009. Fl-2008 huwa mistenni li r-rata tal-qgħad tkun niżlet għal-4,5 %, u li tiżdied fl-2009. L-indikazzjonjiet preżenti juru żieda fil-qgħad fis-servizzi orjentati lejn l-esportazzjoni u servizzi li jirrikjedu ħidma intensiva, u li ser jolqot l-iktar ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol definit (prinċipalment ħaddiema żgħażagħ u barranin) u dawk bi ftit kwalifiki.

3.

B’risposta għall-kriżi finanzjarja u bħala parti mill-istrateġija koordinata tal-UE, is-Slovenja adottat miżuri ta’ sostenn għas-settur finanzjarju sabiex jiġi stabbilizzat is-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk tissostna l-ekonomija usa’, u l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn hekk, bi tweġba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, f’Diċembru 2008 l-gvern adotta miżuri ta’ stimolu baġitarji.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħudin mis-Slovenja biex twieġeb għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Is-Slovenja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha. Ittieħdu miżuri importanti sabiex tissaħħaħ il-konnessjoni bejn is-sistemà edukattiva u s-suq tax-xogħol. Jinħtieġu sforzi addizzjonali sabiex titjieb is-sostenibbiltà fiskali ta’ terminu twil, sabiex tiġi żviluppata aktar il-“flessigurtà”, il-prestazzjoni tar-R&Ż, titjieb tal-kompetizzjoni, u sabiex jiġu implimentati ulterjorment miżuri li jirrigwardaw l-effiċjenza fl-enerġija. Kien hemm ukoll xi progress f’dak rigward il-ftuħ tal-potenzjal tan-negozji.

6.

Is-Slovenja qed tiffaċċja sfidi fil-qasam tar-riforma tal-pensjonjiet u tat-tixjiħ attiv bl-iskop li tindirizza l-implikazzjonjiet baġitarji tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. It-tneħħija tar-riġidità strutturali fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti tista’ tgħin sabiex jiġu assorbiti skossi li huma speċifiċi għall-pajjiż u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ aġġustament tas-Slovenja fi ħdan iż-żona tal-euro. It-trażżin taż-żieda fil-pagi li hija iktar mit-titjib fil-produttività huwa essenzjali wkoll biex jigu garantiti tkabbir u kompetittività sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda lis-Slovenja sabiex tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rakkomandat illi s-Slovenja:

tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet u timplimenta t-tixjiħ attiv, bl-iskop illi żżid r-rata ta’ impjiegi tal-ħaddiema aktar anzjani u b’hekk titjieb is-sostenibbiltà ta’ terminu twil tal-finanzi pubbliċi;

fil-qafas ta’ approċċ integrat ta’ “flessigurtà” tegħleb is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol b’mod partikolari billi tirrivedi l-protezzjoni tal-impjiegi għall-kuntratti permanenti u l-kondizzjonjiet tal-hekk imsejjaħ xogħol tal-istudent.

IS-SLOVAKKJA

1.

Skont il-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG tas-Slovakkja niżel għal 7,1 % fl-2008, minn 10,4 % fl-2007, prinċipalment minħabba nuqqas fid-domanda esterna. It-tkabbir ġie sostnut minn domanda domestika ta’ suċċess, li tinkludi konsum pubbliku u privat b’saħħtu u b’investiment kbir fis-settur tal-bini. Fl-2009 l-ekonomija Slovakka ser tikber aktar bil-mod. L-inflazzjoni żdiedet għal 4 % fl-2008, iżda ser tonqos fl-2009. Fl-2008, id-defiċit tal-baġit tal-Gvern huwa mistenni mill-Kummissjoni li jkun laħaq it-2,2 % tal-PDG. Huwa stmat illi fl-2008 id-defiċit tal-kont kurrenti kien 6 % tal-PDG, u huwa mistenni li jibqa’ f’dak il-livell fl-2009.

2.

L-impjiegi żdiedu bi 2,3 % fl-2008, iżda huma mistennija li jonqsu fl-2009. Il-qgħad hu mistenni li jibqa’ għoli, ‘il fuq minn 10 % fl-2009. Il-kumpanniji li huma orjentati lejn l-esportazzjoni, b’mod partikolari fis-settur awtomobilistiku, u impjegati b’kuntratti atipiċi huma probabbilment l-aktar illi ser jintlaqtu mit-tnaqqis fl-attività ekonomika.

3.

Is-Slovakkja riċentement adottat miżuri, li jinkludu sostenn għall-SMEs, b’reazzjoni għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħudin mis-Slovakkja bħala risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji mniżżla fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ser jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Is-Slovakkja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Ittieħdu xi passi sabiex jiġi mtejjeb l-ambjent tan-negozju, u sabiex tiġi rriformata s-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ. Miżuri addizzjonali huma meħtieġa sabiex jitjieb l-ambitu imprenditorjali, biex titjieb il-kompetizzjoni fil-provvista tal-enerġija, biex tiġi żviluppata strateġija ta’ xjuħija attiva u sabiex jiġi indirizzat il-qasam tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ.

6.

L-isfidi prinċipali għal terminu medju għas-Slovakkja huma li tkompli tnaqqas il-qgħad, b’mod partikolari qgħad għal terminu twil, sabiex titjieb il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex titjieb l-opportunità ta’ xogħol għal ċerti gruppi, u biex tnaqqas gradwalment id-differenzi reġjonali kemm f’dak li jirrigwarda d-dħul kif ukoll fl-impjiegi. Fil-qasam tar-R&Ż u l-innovazzjoni ser ikun importanti li tiżdied il-kwalità tal-produzzjoni u tal-involviment tas-settur privat. Minħabba d-dħul riċenti tagħha fiż-żona tal-euro, is-Slovakkja hija meħtieġa wkoll tiffoka iktar fuq id-dixxiplina fiskali sabiex tiggarantixxi stabbiltà makroekonomika u ttejjeb il-kapaċità ta’ aġġustament tal-ekonomija. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser jeħtieġ attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda lis-Slovenja sabiex tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rrakkomandat illi s-Slovakkja:

fit-terminu medju tiżgura l-implimentazzjoni ta’ miżuri ulterjuri ta’ konsolidament fiskali sabiex tippreserva l-istabbiltà makroekonomika waqt li tkompli talloka mill-ġdid in-nefqa lejn l-edukazzjoni, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, b’hekk toħloq aktar inċentivi għas-settur privat fir-R&Ż u l-innovazzjoni u timplimenta starteġija koerenti ta’ R&Ż u innovazzjoni, billi tiffoka partikolarment fuq ir-riforma istituzzjonali u titjib sostanzjali tal-kooperazzjoni bejn in-negozju u r-riċerka;

timplimenta strateġija ġenerali ta’ regolamentazzjoni aħjar, tmexxi valutazzjonijiet tal-impatt u kontinwament tissimplifika l-leġislazzjoni eżistenti, filwaqt illi żżid ir-ritmu tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji, partikolarment l-SMEs;

fil-qafas ta’ approċċ integrat ta’ “flessigurtà”, tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ tagħlim tul il-ħajja u tkompli r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tindirizza l-inadegwatezza tal-kompetenzi, tiżviluppa strateġija ta’ tixjiħ attiv u ttejjeb l-aċċess għall-impjiegi għal dawk li ilhom qiegħda u għall-gruppi żvantaġġjati.

IL-FINLANDJA

1.

It-tkabbir tal-PDG tal-Finlandja naqas għal 1,5 % fl-2008, minħabba domanda u investiment esterni aktar dgħajfa. L-attività ekonomika hija mistennija li tiddgħajjef iktar fl-2009. L-inflazzjoni żdiedet f’daqqa għal 3,9 % fl-2008, riflessjoni taż-żieda globali fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil u ta’ żieda relattivamet għolja fil-pagi. Madanakollu, it-tnaqqis globali fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi għandu jwassal għal tnaqqis nett fl-2009. Il-bilanċ baġitarju pożittiv tal-Finlandja kellu xorta waħda jilħaq l-4,5 % tal-PDG fl-2008. Il-bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti preżenti huwa ta’ 4,2 % tal-PDG u mistenni li jonqos.

2.

L-impjiegi żdiedu fl-2008, minkejja li b’pass aktar bil-mod mill-2007. Dan it-tkabbir huwa mistenni li jiġi invertit fl-2009. Il-kondizzjonjiet diffiċli riċenti tas-suq tax-xogħol huma mistennija li jattenwaw l-impatt immedjat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq il-qgħad, li hu mistenni li jiżdied fl-industriji li jesportaw u fost il-ħaddiema l-aktar anzjani u ż-żgħażagħ.

3.

B’risposta għall-kriżi finanzjarja u bħala parti mill-approċċ koordinat tal-UE, il-Finlandja adottat miżuri ta’ sostenn għas-settur finanzjarju sabiex jiġi stabillizzat is-settur bankarju, u għandhom jgħinu wkoll sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk tiġi sostnuta l-ekonomija ġenerali, u tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika. Minbarra dan, b’risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku l-Finlandja riċentement ħabbret miżuri, inkluż sostenn finanzjarju għall-SMEs u biex tippromwovi s-settur tal-bini.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħudin mill-Finlandja bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji mniżżla fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

5.

Il-Finlandja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Saru sforzi fil-qafas tal-pjani ta’ riforma li kienu ġew mnedija preċedentement, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Att dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, it-titjieb fl-infurzar tal-kompetizzjoni għad irid jiġi implimentat. Numru ta’ riformi għadhom għaddejin sabiex jindirizzaw l-ostakoli fis-swieq tax-xogħol, iżda hemm bżonn ta’ implimentazzjoni rinforzata ta’ miżuri sabiex jiġu ffaċjati l-inadegwatezzi persistenti tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, qed titlesta reviżjoni tas-sistema tal-benefiċċji soċjali u Strateġija ġdida dwar il-Klima u l-Enerġija ġiet mnedija sabiex tiggarantixxi żvilupp ekonomiku aktar sostenibbli.

6.

L-ekonomija orjentata lejn l-esportazzjoni tal-Finlandja tat prestazzjoni tajba ħafna f’dawn l-aħħar ftit snin. Madanakollu, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività huma ostakolati min-nuqqas ta’ ħaddiema li għandhom jiżdiedu fit-terminu medju taż-żmien minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ malajr. Peress li diġà hemm livell ta’ impjiegi għoli, l-isfidi prinċipali ser ikunu li jiżdiedu aktar ir-rati ta’ parteċipazzjoni u jiġi mnaqqas il-qgħad strutturali li ġej minn inadegwatezzi reġjonali, settorjali u ta’ kompetenzi. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ġdida ta’ innovazzjoni tista’ tikkontribwixxi wkoll sabiex tiggarantixxi tkabbir sostenibbli fit-tul. Peress illi l-ekonomija Finlandiża tikkonsma ħafna enerġija, il-potenzjal tat-tkabbir u l-produttività jibbenefika minn titjieb tal-effiċjenza fl-enerġija. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

L-IŻVEZJA

1.

It-tkabbir tal-PDG fl-Isvezja niżel minn 2,5 % fl-2007 għal madwar 0,5 % fl-2008, bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ domanda esterna, il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji li qed tonqos malajr, it-tnaqqis fis-swieq tal-ishma u suq immobiljari li qed ibatti. Fl-2009 huwa mistenni rallentament ulterjuri. L-inflazzjoni kienet 3,3 % fl-2008, iżda għandha tonqos fl-2009. L-Isvezja kellha bilanċ baġitarju pożittiv ta’ 2,3 % tal-PDG fl-2008. L-Isvezja baqgħet tgawdi minn bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti mdaqqas (6,2 % tal-PDG) fl-2008.

2.

Hekk kif l-ekonomija tonqos, hekk ukoll r-rata tal-impjiegi tonqos. Il-qgħad jidher li ser jogħla b’mod sinifikattiv mil-livell preżenti tiegħu ta’ madwar 6 %. Is-setturi l-aktar milquta mill-kriżi x’aktarx ikunu tal-manifattura u tal-bini, kif ukoll servizzi privati u tal-bejgħ bl-imnut.

3.

B’risposta għall-kriżi finanzjarja u bħala parti mill-approċċ koordinat tal-UE, l-Isvezja adottat miżuri ta’ sostenn għas-settur finanzjarju sabiex jiġi stabillizzat is-settur bankarju, li għandhom jgħinu wkoll sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk tissostna l-ekonomija ġenerali, u l-istabbiltà makroekonomika. Minbarra dan, b’risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Isvezja riċentement ħabbret miżuri, inkluż sostenn għas-settur awtomobilistiku u dak tal-bini, diferiment tat-tassazzjoni għan-negozji u sussidji għal servizzi tad-dar.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħudin mill-Isvezja bħala risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

5.

L-Isvezja kompliet l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Bi tweġiba għall-ħtieġa li jkun hemm fok fuq il-kompetizzjoni, il-Gvern kkummissjona studju fil-fond dwar il-kawżi tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni. Bi sforz sabiex jiżdied n-numru ta’ ħaddiema, ġew mħabbra miżuri għal aktar tnaqqis ta’ taxxi u kontribuzzjonjiet ta’ min jimpjega, u sabiex tiżdied il-produttività u l-kapaċità għall-impjieg tal-persuni.

6.

Filwaqt illi l-ekonomija Svediża hija f’saħħitha u r-riforma ekonomika qed timxi ‘il quddiem, jista’ jsir iktar progress fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni u fiż-żieda tar-rati tal-impjiegi fost gruppi partikolari. Kompetizzjoni mtejba tista’ żżid il-produttività, it-tkabbir u tnaqqas id-diskrepanza fil-prezzijiet bejn l-Isvezja u l-bqija tal-UE. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol minn dawk li ilhom qiegħda, nies li daħlu lura għax-xogħol wara marda, iż-żgħażagħ u n-nies illi ġejjin minn kuntest ta’ imigrazzjoni jistgħu wkoll iżiedu t-tkabbir u jistgħu jtejbu ulterjorment is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

IR-RENJU UNIT

1.

L-ekonomija tar-Renju Unit irralentat b’mod sinifikattiv, billi naqset minn tkabbir ta’ 3 % tal-PDG fl-2007, għal 0,7 % fl-2008, u ser tkompli tonqos fl-2009. It-tnaqqis ekonomiku jirrifletti l-impatt tal-kriżi finanzjarja preżenti u tnaqqis drastiku fis-suq immobiljari, li wasslu biex dagħjfu d-domanda domestika b’tnaqqis tal-konsum u tal-investiment privati. L-inflazzjoni telgħet għal kważi 4 % fl-2008, iżda hija mistennija tinżel għal livell baxx ħafna fl-2009. Il-finanzi pubbliċi qegħdin jiddeterjoraw rapidament taħt l-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u rilassament fiskali diskrezzjonali. Id-defiċit tal-Gvern huwa mistenni li jitla’ għal 5,7 % tal-PDG fis-sena finanzjarja 2008/2009 u jitwessa’ aktar fis-sena finanzjarja li jmiss. Minn nofs l-2007, seħħ żvalutar kbir fir-rata tal-kambju. Id-defiċit tal-kont kurrenti ta’ madwar 2,3 % tal-PDG fl-2008 huwa mistenni mill-Kummissjoni li jiżdied b’mod sinifikattiv fl-2009.

2.

Il-kalkolu tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li r-rata tal-impjiegi żdiedet bi ftit fl-2008, iżda hija mistennija li tinżel hekk kif l-ekonomija tiċkien fl-2009. Il-qgħad żdied għal madwar 6 % matul l-2008, u jidher li ser jkompli jiżdied fl-2009. Is-setturi l-aktar milquta inizjalment minn telf ta’ impjiegi kienu s-servizzi finanzjarji u l-kostruzzjoni iżda l-effetti fuq l-impjiegi huma usa’ peress li t-tnaqqis tad-domanda għax-xogħol huwa mifrux. Il-qgħad s’issa affettwa b’mod partikolari lill-irġiel u lil xi reġjuni waqt li l-impatt fuq gruppi tal-età differenti kien pjuttost ugwali.

3.

B’risposta għall-kriżi finanzjarja u bħala parti mill-approċċ koordinat tal-UE, ir-Renju Unit adotta miżuri ta’ sostenn għas-settur finanzjarju sabiex jiġi stabillizzat is-settur bankarju, u għandhom jgħinu wkoll sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk tissostna l-ekonomija sħiħa, u l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn dan, bħala tweġiba għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, ir-Renju Unit riċentement ħabbar miżuri, li jinkludu tnaqqis temporanju tal-VAT, £3 biljun ta’ investiment pubbliku qabel iż-żmien previst, żieda fil-kwoti tat-taxxa fuq id-dħul personali, żidiet ippjanati fil-benefiċċji tat-tfal u l-krediti tat-taxxa għat-tfal (Child Benefit and Child Tax Credits) qabel iż-żmien previst, sostenn għall-pensjonanti, sostenn finanzjarju għall-SMEs, sostenn ta’ self għas-settur awtomobilistiku, u żieda tal-opportunitajiet ta’ taħriġ u sostenn ieħor għan-nies qiedgħa u avvanzar tal-investiment.

4.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri meħudin mir-Renju Unit bħala risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pjan ta’ Rilanċ kif adottat mill-Kunsill Ewropew. Rigward il-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni u l-Kunsill ivvalutaw il-kompatibbiltà tal-verżjoni aġġornata tal-Programm ta’ Konverġenza mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

Ir-Renju Unit kompla l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Ittieħdu numru ta’ miżuri sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ kompetenza u sabiex jitjiebu l-prospetti ta’ impjiegi għal dawk l-aktar żvantaġġjati. Miżuri għal tul ta’ żmien qasir ġew mħabbra sabiex isostnu individwi u dawk li jimpjegaw sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom waqt it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Barra minn hekk, kien hemm progress tajjeb fl-implimentazzjoni tar-R&Ż u fil-politika ta’ innovazzjoni. Filwaqt illi ttieħdu xi miżuri sabiex tiżdied il-provvista ta’ djar għall-abitazzjoni għal terminu medju, huwa diffiċli li tiġġuddika jekk dawn ikunux effettivi fl-ambiti tal-kondizzjonijiet preżenti tas-suq.

6.

Peress li hemm dejn għoli fost il-familji fir-Renju Unit, l-importanza tas-settur finanzjarju għall-ekonomija u l-aġġustament kbir u kontinwu fis-suq immobiljari, ir-Renju Unit huwa partikolarment espost għal deterjorament drastiku fil-kondizzjonjiet tas-swieq finanzjarji globali. Probabbilment saret ħsara lill-potenzjal ta’ tkabbir minħabba l-kriżi finanzjarja. Ir-riformi strutturali ffaċilitaw l-irkupru riċenti fil-produttività, iżda r-Renju Unit għadu qed jiffaċċja sfida tal-produttività. Biex jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rkupru tal-ekonomija tar-Renju Unit mill-iskossi fil-ġejjieni, hija essenzjali t-tkomplija tal-isforzi ta’ riforma, inkluża l-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika sabiex jitjiebu l-ħiliet, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, flimkien mat-tqegħid tal-pożizzjoni fiskali tar-Renju Unit fi triq ta’ titjib sostenibbli fit-tul medju taż-żmien. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, miftiehem fil-Kunsill Ewropew, ser titlob attenzjoni mill-qrib.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar, il-Kunsill jirrakkomanda li r-Renju Unit sabiex ikompli bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rakkomandat illi r-Renju Unit:

jiggarantixxi pożizzjoni fiskali sostenibbli fit-terminu medju, li jinkludi miżuri ta’ konsolidament fiskali ingranati lejn titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi;

ikompli jimplimenta pjani sabiex itejjeb sostanzjalment il-livelli ta’ kompetenza u jistabbilixxi approċċ integrat għax-xogħol u kompetenzi sabiex tiżdied il-produttività u jiżdiedu l-opportunitajiet għall-iżvantaġġjati.

L-ISTATI MEMBRI TAŻ-ŻONA TAL-EURO

1.

Il-kriżi finanzjarja globali laqtet iż-żona tal-Euro bis-saħħa u bħalissa qed isseħħ riċessjoni. X’aktarx li l-kondizzjonijiet fis-swieq finanzjarji jibqgħu ristretti għal perjodu itwal milli mistenni; Il-fiduċja fost il-familji u l-impriżi ddeterjorat b’mod konsiderevoli u l-firxa tal-kriżi qed ikollha effetti negattivi fuq l-esportazzjoni tal-pajjiżi taż-żona tal-Euro. L-inflazzjoni naqset drastikament fit-tieni nofs tal-2008 u hija mistennija li tkompli tonqos sa madwar 1 % matul l-2009. Sar progress fil-konsolidament tal-finanzi pubbliċi fl-aħħar ftit snin. Madankollu, id-defiċits tal-baġit u d-dejn issa huma maħsuba li ser jiżdiedu bħala riflessjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, miżuri ta’ stimolu fil-Pjan ta’ Rilanċ u l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-miżuri ta’ appoġġ għas-settur finanzjarju.

2.

L-iżviluppi tas-suq tax-xogħol irreżistew it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’mod relattivament tajjeb sa ftit żmien ilu, bħala riżultat ukoll tar-riformi tas-suq tax-xogħol tal-imgħoddi, iżda ser jiġu affettwati aktar fil-futur qarib bil-previżjoni tal-qgħad li mistennija titla’ b’mod sostanzjali. Filwaqt li xi pajjiżi qegħdin jiġu milqutin iktar minn oħrajn, l-ebda Stat Membru taż-żona tal-Euro mhu mistenni joħroġ mingħajr ħsara.

3.

B’risposta għall-kriżi finanzjarja u bħala parti mill-approċċ komuni u koordinat tal-UE, ħafna Stati Membri taż-żona tal-Euro adottaw miżuri ta’ sostenn għas-settur finanzjarju sabiex jiġi stabillizzat is-settur bankarju tagħhom, u għandhom jgħinu sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u b’hekk tissostna l-ekonomija sħiħa, u l-istabbiltà makroekonomika. L-implimentazzjoni deċiża ta’ tali skemi nazzjonali għandhom jgħinu biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja, jiġi ristabbilit il-funzjonament normali tas-swieq tal-kreditu u jsostnu l-aċċess għall-kreditu għall-impriżi u l-familji waqt li jinżammu kondizzjonijiet ugwali fis-suq intern. Barra minn hekk, meta tiġi kkunsidrata n-natura tal-iskossi ekonomiċi, ir-riskji sinifikattivi assoċjati ma’ tnaqqis akbar tal-attività ekonomika u l-inflazzjoni dejjem nieżla, il-linji ta’ politika makroekonomiċi ġew irrilassati. Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Rilanċ, ħafna Stati Membri taż-żona tal-Euro ħabbru jew adottaw miżuri biex jappoġġaw id-domanda, biex tinbena l-fiduċja u biex jittaffa l-impatt tal-kriżi.

4.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill ser ikomplu jivvalutaw il-miżuri meħudin mill-Istati Membri taż-żona tal-Euro bħala risposta għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pjan ta’ Rilanċ kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew. Minbarra l-implimentazzjoni mħaffa tal-miżuri rrakkomandati fil-punt 7, it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u miżuri li jżidu l-potenzjal għal tkabbir għal perijodu fit-tul għandha tkun inkoraġġita.

5.

L-Istati Membri taż-żona tal-Euro komplew bl-implimentazzjoni tar-riformi li huma t-tweġiba għar-rakkomandazzjonjiet taż-żona tal-Euro u d-dimensjoni taż-żona tal-Euro hija riflessa, għalkemm fi gradi differenti fi strateġiji ta’ riforma globali kif imħabbar fil-PNR tagħhom. Is-sitwazzjoni ekonomika fraġli tissottolinja l-ħtieġa li tiġi affrontata din id-dgħjufija strutturali fuq is-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, li huma essenzjali għall-aġġustament f’unjoni monetarja.

6.

Il-potenzjal ta’ tkabbir tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro tiddependi kruċjalment fuq it-tħaffif tar-riformi li jiffaċilitaw l-aġġustamenti tas-swieq tax-xogħol u li jtejbu l-kompetizzjoni fis-setturi tas-servizzi. Barra minn hekk, speċjalment f’ekonomiji bi żbilanċi esterni kbar, l-iżviluppi marbuta man-nefqa għall-impjiegi għandhom jikkunsidraw il-pożizzjonijiet tal-kompetittività intrażona.

7.

Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-progress, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Istati Membri taż-żona tal-Euro sabiex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. B’mod partikolari, qed jiġi rakkomandat li l-Istati Membri taż-żona tal-Euro:

jiggarantixxu implimentazzjoni f’waqtha u konsistenti ta’ kull leġislazzjoni pendenti jew ġdida f’dak li jirrigwardja s-servizzi finanzjarji tal-UE u li jimplimentaw miżuri sabiex japprofondixxu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali fl-UE fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżi;

b’kont meħud tal-istimolu fiskali injettat matul il-kriżi ekonomika preżenti, jimplimentaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Meta jkun xieraq għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi, irażżnu diverġenzi persistenti ta’ inflazzjoni jew tendenzi ta’ tkabbir żbilanċjat;

itejbu l-kwal ità tal-finanzi pubbliċi billi jirrivedu l-ispejjeż pubbliċi u t-tassazzjoni u billi jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika, bl-intenzjoni li jtejbu l-produttività u l-innovazzjoni u jsegwu suq uniku dinamiku u kompetittiv, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u s-sostenibbiltà fiskali;

jimplimentaw vigorożament il-Prinċipji Komuni dwar il-“flessigurtà” tal-UE f’konformità maċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u li jkunu kompletament kompatibbli ma’ finanzi pubbliċi sani u sostenibbli; u li jistabbilixxu miżuri sabiex jippromwovu l-mobbiltà tax-xogħol lil hinn mill-fruntieri, mir-reġjuni, mis-setturi u l-okkupazzjonijiet; jallinejaw aħjar it-tkabbir tal-pagi mal-produttività, it-tkabbir tal-impjiegi u l-kompetittività fil-livell kumplessiv, settorjali, reġjonali u okkupazzjonali;

isaħħu r-riformi li jżidu l-flessibbiltà u l-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-suq intern.

8.

Sabiex jimmassimizzaw is-sinerġiji, li huma l-aktar b’saħħithom f’unjoni monetarja, u jkabbru l-approprjazzjoni politika tagħhom tar-riformi, l-Istati Membri taż-żona tal-Euro għandhom ikomplu jsaħħu l-koordinazzjoni politika fil-kuntest tal-Eurogroup. L-objettiv huwa li tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri fiskali, li jiġu implimentati l-iżviluppi tas-sorveljanza miftiehma tal-kompetittività u li jiġu stabbiliti r-riformi meħtieġa, u li jkun hemm pożizzjonijiet koordinati fil-fora internazzjonali b’mod rapidu u effiċjenti. Għal dan l-għan, il-ftehimiet eżistenti għal rappreżentazzjoni esterna taż-żona tal-Euro għandhom jiġu implimentati fl-intier tagħhom.