30.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/50


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta' Ġunju 2009

dwar metadejta ta’ referenza għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/498/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kodiċi ta’ Prassi tal-Istatistika Ewropea (1), maħsuba għall-awtoritajiet Komunitarji u nazzjonali tal-istatistika telenka 15-il prinċipju relatati mal-ambjent istituzzjonali, mal-proċessi tal-istatistika u mar-riżultati tal-istatistika.

(2)

Il-prinċipju 15 tal-Kodiċi ta’ Prassi tal-Istatistika Ewropea jittratta l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza tal-Istatistika Ewropea, filwaqt li jenfasizza wkoll li l-metadejta li jkun hemm magħha għandha tkun iddokumentata skont sistema ta’ metadejta standardizzata.

(3)

Il-metadejta ta’ referenza hija parti integrali tas-sistema ta’ metadejta ta’ kull awtorità tal-istatistika,

(4)

Bl-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Prassi tal-Istatistika Ewropea l-awtoritajiet Komunitarji u nazzjonali tal-istatistika ntrabtu li jiżguraw statistika ta’ kwalità għolja u dan jeħtieġ ukoll rappurtar aktar trasparenti u armonizzat dwar il-kwalità tad-dejta.

(5)

Fil-qafas tal-inizjattiva SDMX dwar standards tekniċi u tal-istatistika komuni mnedija mill-Bank għas-Saldi Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-awtorità Komunitarja tal-istatistika (Eurostat), il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji, ġew stabbiliti Linji Gwida SDMX Imsejsa fuq il-Kontenut li jsostnu l-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ metadejta ta’ referenza armonizzata fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(6)

Jistgħu jsiru kisbiet konsiderevoli fl-effiċjenza meta l-metadejta ta’ referenza tiġi prodotta fuq il-bażi ta’ lista armonizzata ta’ kunċetti ta’ statistika fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika, filwaqt li fl-istess ħin l-awtoritajiet Komunitarji u nazzjonali tal-istatistika jistgħu jżidu aktar kunċetti ta’ statistika f’oqsma partikolari tal-istatistika jekk ikun meħtieġ.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (2) jipprovdi qafas ta’ referenza għal din ir-Rakkomandazzjoni.

B’DAN TIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:

(1)

L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika huma mistiedna japplikaw il-kunċetti u s-sottokunċetti elenkati fl-Anness meta l-metadejta ta’ referenza tiġi kkumpilata fl-oqsma differenti tal-istatistika u meta l-metadejta ta’ referenza tkun skambjata fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika u lil hinn.

(2)

Kunċetti addizzjonali tal-istatistika għandhom jiżdiedu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika mal-lista ta’ kunċetti u sottokunċetti ta’ hawn fuq, jekk dan ikun meħtieġ għal oqsma partikolari tal-istatistika.

(3)

L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika huma mistiedna jgħarrfu regolarment lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-applikazzjoni tagħhom tal-kunċetti u s-sottokunċetti elenkati fl-Anness.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u Komunitarji, COM(2005) 217 finali.

(2)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164


ANNESS

Lista ta’ kunċetti u sottokunċetti tal-istatistika (inklużi d-definizzjonijiet tal-kunċetti u s-sottokunċetti)

Numru

Kunċetti

Sottokunċetti

Deskrizzjonijiet

1

Kuntatt

 

Punti ta’ kuntatt individwali jew organizzattivi għad-dejta jew metadejta, inkluż tagħrif dwar kif wieħed jagħmel kuntatt.

1.1

 

Organizzazzjoni ta’ kuntatt

L-isem tal-organizzazzjoni tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

1.2

 

Unità tal-organizzazzjoni ta’ kuntatt

Subdiviżjoni ta’ organizazzjoni li tista’ tiġi indirizzata

1.3

 

Isem ta’ kuntatt

L-isem tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

1.4

 

Il-funzjoni tal-persuna ta’ kuntatt

Il-qasam ta’ responsabbiltà teknika tal-persuna ta’ kuntatt, bħall-“metodoloġija”, “immaniġġjar tal-bażi ta’ dejta”, jew “tixrid”.

1.5

 

Indirizz postali ta’ kuntatt

L-indirizz postali tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

1.6

 

Indirizz elettroniku ta’ kuntatt

L-indirizz elettroniku tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

1.7

 

Numru tat-telefon ta’ kuntatt

In-numru tat-telefon tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

1.8

 

Numru tal-faks ta’ kuntatt

In-numru tal-faks tal-punti ta’ kuntatt għad-dejta jew metadejta.

2

Aġġornament tal-metadejta

 

Id-data li fiha l-element tal-metadejta ddaħħal jew ġie modifikat fil-bażi ta’ dejta.

2.1

 

Metadejta ċċertifikata l-aħħar

Id-data tal-aħħar ċertifikazzjoni mogħtija mill-maniġer tad-domain biex jikkonferma li l-metadejta mdaħħla għadha aġġornata, anki jekk il-kontenut ma ġiex emendat.

2.2

 

Metadejta mdaħħla l-aħħar

Id-data tal-aħħar tixrid tal-metadejta.

2.3

 

Metadejta aġġornata l-aħħar

Id-data tal-aħħar aġġornament tal-kontenut tal-metadejta.

3

Preżentazzjoni tal-istatistika

 

 

3.1

 

Deskrizzjoni tad-dejta

Karatteristiċi ewlenin tas-sett ta’ dejta deskritti b’mod li jinftiehmu faċilment, li jirreferu għad-dejta u l-indikaturi mxerrda.

3.2

 

Sistema ta’ klassifikazzjoni

Arranġament jew diviżjoni ta’ oġġetti fi gruppi msejsa fuq karatteristiċi li l-oġġetti għandhom komuni bejniethom.

3.3

 

Kopertura tas-settur

Setturi ekonomiċi ewlenin jew setturi oħra koperti mill-istatistika

3.4

 

Kunċetti u definizzjonijiet tal-istatistika

Karatteristiċi tal-istatistika ta’ osservazzjonijiet tal-istatistika.

3.5

 

Unità tal-istatistika

Entità li għaliha jintalab it-tagħrif u li għaliha l-istatistika hija finalment ikkumpilata.

3.6

 

Popolazzjoni tal-istatistika

It-total ta’ sħubija jew popolazzjoni jew “univers” ta’ klassi definita ta’ persuni, oġġetti jew avvenimenti.

3.7

 

Żona ta’ referenza

Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika li magħha huwa relatat il-fenomenu mkejjel fl-istatistika.

3.8

 

Kopertura ta’ żmien

It-tul ta’ żmien li għalih id-dejta hija disponibbli.

3.9

 

Perjodu bażi

Il-perjodu ta’ żmien użat bħala bażi ta’ numru tal-indiċi, jew li għalih tirreferi serje kostanti.

4

Unità ta’ kejl

 

L-unità li fiha jitkejlu l-valuri tad-dejta.

5

Perjodu ta’ referenza

 

Il-perjodu ta’ żmien jew il-waqt li għalih hi maħsuba li tirreferi l-osservazzjoni.

6

Mandat Istituzzjonali

 

Sett ta’ regoli jew sett formali ieħor ta’ istruzzjonijiet li jassenjaw ir-responsabbiltà kif ukoll l-awtorità lil organizzazzjoni għall-ġbir, l-ipproċessar, u t-tixrid tal-istatistika.

6.1

 

Atti legali u ftehimiet oħra

Atti legali jew ftehimiet formali jew informali oħra li jassenjaw ir-responsabbiltà kif ukoll l-awtorità lil aġenzija għall-ġbir, l-ipproċessar, u t-tixrid tal-istatistika.

6.2

 

Qsim ta’ dejta

Arranġamenti jew proċeduri għall-qsim ta’ dejta u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji li jipproduċu d-dejta.

7

Kunfidenzjalità

 

Proprjetà ta’ dejta li tindika safejn l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jkun preġudizzjali jew ta’ ħsara għall-interess tas-sors jew partijiet rilevanti oħra.

7.1

 

Kunfidenzjalità - politika

Miżuri leġiżlattivi jew proċeduri formali oħra li jżommu milli tiġi żvelata b’mod mhux awtorizzat dejta li tidentifika persuna jew entità ekonomika kemm direttament kif ukoll indirettament.

7.2

 

Kunfidenzjalità – trattament tad-dejta

Ir-regoli applikati għat-trattament tas-sett ta’ dejta biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-istatistika u jżommu milli tiġi żvelata b’mod mhux awtorizzat.

8

Politika ta’ rilaxx

 

Regoli għat-tixrid ta’ dejta tal-istatistika lil partijiet interessati.

8.1

 

Kalendarju ta’ rilaxx

L-iskeda ta’ dati ta’ ħruġ tal-istatistika.

8.2

 

Aċċess għall-kalendarju ta’ rilaxx

Aċċess għat-tagħrif tal-kalendarju ta’ rilaxx

8.3

 

Aċċess tal-utent

Il-politika għall-ħruġ tad-dejta lill-utenti, l-iskop tat-tixrid (eż. lill-pubbliku, lil utenti magħżula), kif l-utenti jiġu mgħarrfa li d-dejta qed tinħareġ, u jekk il-politika tiddetermina t-tixrid tad-dejta tal-istatistika lill-utenti kollha.

9

Frekwenza tat-tixrid

 

L-intervall taż-żmien li fih l-istatistika tinxtered matul perjodu ta’ żmien speċifiku.

10

Format tat-tixrid

 

Il-media li permezz tagħha jinxterdu d-dejta u l-metadejta tal-istatistika.

10.1

 

Stqarrija għall-aħbarijiet

Stqarrijiet għall-istampa regolari jew ad hoc marbuta mad-dejta.

10.2

 

Pubblikazzjonijiet

Pubblikazzjonijiet regolari jew ad hoc li fihom id-dejta tkun disponibbli għall-pubbliku.

10.3

 

Bażi ta’ dejta onlajn

Tagħrif dwar bażijiet ta’ dejta onlajn li fihom tista’ tiddaħħal id-dejta mxerrda.

10.4

 

Aċċess ta’ mikrodejta

Tagħrif dwar jekk isirx ukoll tixrid ta’ mikrodejta.

10.5

 

Oħrajn

Referenzi għat-tixrid li sar ta’ dejta oħra l-aktar importanti.

11

Aċċessibbiltà tad-dokumentazzjoni

 

 

11.1

 

Dokumentazzjoni dwar il-metodoloġija

Test deskrittiv u referenzi għal dokumenti metodoloġiċi disponibbli.

11.2

 

Dokumentazzjoni ta’ kwalità

Dokumentazzjoni dwar proċeduri applikati għall-ġestjoni tal-kwalità u għall-evalwazzjoni tal-kwalità.

12

Ġestjoni tal-Kwalità

 

Sistemi u oqfsa fis-seħħ fi ħdan organizzazzjoni biex tkun ġestita l-kwalità tal-prodotti u l-proċessi tal-istatistika.

12.1

 

Assigurazzjoni ta’ kwalità

L-attivitajiet sistematiċi kollha implimentati li jistgħu jintwerew li jipprovdu fiduċja li l-proċessi se jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-riżultati tal-istatistika.

12.2

 

Evalwazzjoni tal-kwalità

Evalwazzjoni globali tal-kwalità tad-dejta, imsejsa fuq kriterji ta’ kwalità standard.

13

Rilevanza

 

Il-grad li fih l-istatistika tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti.

13.1

 

Ħtiġijiet tal-utenti

Deskrizzjoni tal-utenti u l-ħtiġijiet rispettivi tagħhom fir-rigward tad-dejta tal-istatistika.

13.2

 

Sodisfazzjon tal-utenti

Miżuri biex jiġi determinat is-sodisfazzjon tal-utenti.

13.3

 

Kompletezza

Il-limitu safejn l-istatistika kollha meħtieġa hija disponibbli.

14

Preċiżjoni u affidabilità

 

Eżattezza: l-approssimazzjoni tal-komputazzjonijiet jew l-estimi mal-valuri eżatti jew reali li l-istatistika kienet maħsuba li tkejjel.

Affidabilità: l-approssimazzjoni tal-valur stmat inizjali mal-valur stmat sussegwenti.

14.1

 

Eżattezza globali

Evalwazzjoni ta’ eżattezza, marbuta ma’ ċertu sett jew sfera ta’ dejta, li tiġbor fil-qosor il-komponenti varji.

14.2

 

Żball fit-teħid ta’ kampjuni

Dik il-parti tad-differenza bejn valur ta’ popolazzjoni u stima tiegħu, li ġejja minn kampjun każwali, li hi dovuta għall-fatt li subsett biss tal-popolazzjoni huwa elenkat.

14.3

 

Żball mhux fit-teħid tal-kampjuni

Żball fl-istimi ta’ stħarriġ li ma jistax jiġi attribwit għal varjazzjoni fit-teħid ta’ kampjuni.

15

Tempestività u puntwalità

 

 

15.1

 

Tempestività

Tul ta’ żmien bejn id-disponibbiltà tad-dejta u l-avveniment jew il-fenomenu li tiddeskrivi.

15.2

 

Puntwalità

L-intervall ta’ żmien bejn il-preżentazzjoni attwali tad-dejta u d-data stabbilita meta suppost saret il-preżentazzjoni.

16

Komparabbiltà

 

It-tkejjil tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, l-għodod u l-proċeduri tal-kejl applikati fejn l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi jew matul iż-żmien.

16.1

 

Komparabbiltà - ġeografika

Il-limitu safejn l-istatistika hija komparabbli bejn iż-żoni ġeografiċi.

16.2

 

Komparabbiltà tul iż-żmien

Il-limitu safejn l-istatistika hija komparabbli jew rikonċiljabbli tul iż-żmien.

17

Koerenza

 

Il-kapaċità tal-istatistika li tiġi amalgamata b’mod affidabbli f’modi differenti u għal użi varji.

17.1

 

Koerenza – sfera trażversali

Il-limitu safejn l-istatistika hija rikonċiljabbli ma’ dik miksuba permezz ta’ sorsi ta’ dejta jew sferi tal-istatistika oħrajn.

17.2

 

Koerenza - interna

Il-limitu safejn l-istatistika hija konsistenti fi ħdan sett speċifiku ta’ dejta.

18

Spejjeż u piż

 

L-ispejjeż marbuta mal-ġbir u l-produzzjoni tal-prodott tal-istatistika u l-piż fuq dawk li jwieġbu.

19

Reviżjoni tad-dejta

 

Kull bidla f’valur ta’ statistika maħruġa għall-pubbliku.

19.1

 

Reviżjoni tad-dejta - politika

Il-politika mmirata li tiżgura t-trasparenza tad-dejta mxerrda, li permezz tagħha d-dejta preliminari hija kkumpilata u li wara tiġi reveduta.

19.2

 

Reviżjoni tad-dejta - prassi

Tagħrif dwar il-prassi ta’ reviżjoni tad-dejta.

20

Ipproċessar tal-istatistika

 

 

20.1

 

Dejta tas-sors

Karatteristiċi u komponenti tad-dejta tal-istatistika mhux ipproċessata użata għall-kompilazzjoni ta’ aggregati tal-istatistika.

20.2

 

Frekwenza tal-ġbir ta’ dejta

Frekwenza li biha tinġabar id-dejta tas-sors.

20.3

 

Ġbir ta’ dejta

Proċess sistematiku tal-ġbir ta’ dejta għal statistika uffiċjali.

20.4

 

Validazzjoni tad-dejta

Proċess ta’ monitoraġġ tar-riżultati tal-kompilazzjoni tad-dejta u tal-iżgurar tal-kwalità tar-riżultati tal-istatistika.

20.5

 

Kompilazzjoni tad-dejta

Operazzjonijiet imwettqa fuq id-dejta biex jinkiseb tagħrif ġdid dwar sett speċifiku ta’ regoli.

20.6

 

Aġġustament

Is-sett ta’ proċeduri mħaddma biex tkun modifikata dejta tal-istatistika sabiex din tikkonforma mal-istandards nazzjonali jew internazzjonali jew biex jiġu indirizzati differenzi fil-kwalità tad-dejta meta jiġu kkumpilati settijiet speċifiċi ta’ dejta.

21

Kumment

 

Test deskrittiv supplimentari li jista’ jiġi mehmuż mad-dejta jew metadejta.