|
15.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/42 |
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/948/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009
dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1)(c) u (d) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Isvezja,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
(2) |
Il-Programm tal-Aja (1) dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, jeħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw leġislazzjoni dwar konflitti ta’ ġurisdizzjoni, bil-ħsieb taż-żieda fl-effiċjenza ta’ prosekuzzjonijiet waqt li tiġi garantita l-amministrazzjoni adatta tal-ġustizzja, sabiex jitlesta l-programm komprensiv ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali. |
|
(3) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jimmiraw biex jipprevjenu sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti, li jistgħu jwasslu għal sentenza definittiva ta’ dawk il-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tipprevjeni ksur tal-prinċipju “ne bis in idem”, kif imniżżel fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli mal-fruntieri komuni tagħhom (2) kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
(4) |
Għandu jkun hemm konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-għan li jintlaħaq kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli u li jiġu evitati ħela ta’ ħin u ta’ riżorsi tal-awtorità kompetenti kkonċernata. Soluzzjoni effettiva bħal dik tista’ notevolment tikkonsisti fil-konċentrazzoni tal-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed, pereżempju permezz tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Din tista’ tikkonsisti wkoll fi kwalunkwe pass ieħor li jippermetti li jiġu trattati b’mod effiċjenti u raġonevoli dawk il-proċedimenti, inkluż fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ħin, pereżempju permezz ta’ riferiment tal-każ lill-Eurojust meta l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux kapaċi jilħqu kunsens. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kwistjoni ta’ ġbir tal-evidenza li tista’ tiġi influwenzata mill-proċedimenti paralleli li jkunu għaddejjin. |
|
(5) |
Fejn awtorità kompetenti fi Stat Membru jkollha raġunijiet validi biex temmen li qed jitmexxew proċedimenti kriminali paralleli fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-istess fatti li jinvolvu l-istess persuna, li jistgħu jwasslu għal sentenza definittiva f’dawk il-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar, hija għandha tagħmel kuntatt mal-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Il-kwistjoni jekk jeżistux jew le raġunijiet validi għandha tkun eżaminata biss mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt. Raġunijiet validi jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu każijiet fejn persuna suspettata jew akkużata tinvoka, waqt li tagħti d-dettalji, li hija soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fir-rigward tal-istess fatti fi Stat Membru ieħor, jew fil-każ li talba rilevanti għal għajnuna legali reċiproka minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor tiżvela l-eżistenza possibbli ta’ proċedimenti kriminali paralleli bħal dawn, jew fil-każ li awtorità tal-pulizija tipprovdi informazzjoni f’dan is-sens. |
|
(6) |
Il-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandu jkun ibbażat fuq l-iskambju obbligatorju ta’ sett ta’ informazzjoni minimu speċifiku, li għandu dejjem jiġi pprovdut. L-informazzjoni kkonċernata għandha notevolment tiffaċilita l-proċess ta’ żgurar tal-identifikazzjoni adatta tal-persuna kkonċernata u n-natura u l-istadju tal-proċedimenti paralleli rispettivi. |
|
(7) |
Awtorità kompetenti li ġiet ikkuntattjata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għandu jkollha obbligu ġenerali li twieġeb għat-talba ppreżentata. L-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt hija mħeġġa li tistabbilixxi skadenza li fiha l-awtorità kkuntattjata għandha twieġeb, jekk ikun possibbli. Is-sitwazzjoni speċifika ta’ persuna mċaħħda mil-libertà għandha tiġi kkunsidrata bis-sħiħ mill-awtoritajiet kompetenti matul il-proċedura tal-kuntatt. |
|
(8) |
Il-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti għandu jkun il-prinċipju prinċipali ta’ kooperazzjoni stabbilit taħt id-Deċiżjoni Qafas. L-Istati Membri għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu liema awtoritajiet huma kompetenti biex jaġixxu skont din id-Deċiżjoni Qafas, f’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, bil-kondizzjoni li tali awtoritajiet ikollhom il-kompetenza li jintervjenu u jiddeċiedu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha. |
|
(9) |
Meta jkunu qed ifittxu li jilħqu kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli li jkunu qed jitmexxew f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu li kull każ huwa speċifiku u jagħtu konsiderazjoni għall-fatti u l-merti kollha tiegħu. Sabiex jintlaħaq kunsens, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsidraw kriterji rilevanti, li jistgħu jinkludu dawk stabbiliti fil-Linji Gwida li kienu ppublikati fir-Rapport Annwali tal-Eurojust tal-2003 u li tfasslu għall-ħtiġijiet tal-prattikanti, u jqisu pereżempju l-post fejn seħħet il-parti ewlenija tal-kriminalità, il-post fejn iġġarrbet il-maġġoranza tat-telf, il-post fejn tinsab il-persuna suspettata jew akkużata u l-possibbiltajiet biex jiġi żgurat iċ-ċediment jew l-estradizzjoni tagħha lejn ġurisdizzjonijiet oħra, in-nazzjonalità jew residenza tal-persuna suspettata jew akkużata, l-interessi sinifikanti tal-persuna suspettata jew akkużata, l-interessi sinifikanti tal-vittmi u x-xhieda, l-ammissibbiltà tal-evidenza jew kwalunkwe dewmien li jista’ jseħħ. |
|
(10) |
L-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti biex jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti sabiex jilħqu kunsens fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni Qafas m’għandux jeskludi l-possibbilità li tali konsultazzjonijiet diretti jimexxew bl-assistenza tal-Eurojust. |
|
(11) |
L-ebda Stat Membru m’għandu jiġi obbligat iċedi jew jeżerċita l-ġurisdizzjoni sakemm ma jkunx jixtieq li jagħmel dan hu stess. Sakemm ma jkunx intlaħaq kunsens dwar il-konċentrazzjoni ta’ proċedimenti kriminali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkomplu l-proċedimenti kriminali għal kwalunkwe reat kriminali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom. |
|
(12) |
Peress li l-għan propju ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa li tipprevjeni proċedimenti kriminali paralleli mhux meħtieġa li jistgħu jirriżultaw fi ksur tal-prinċipju “ne bis in idem”, l-applikazzjoni tagħha m’għandhiex twassal għal konflitt ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni li altrimenti ma kienx iseħħ. Fl-ispazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-prinċipju tal-prosekuzzjoni mandatorja, li tirregola l-liġi ta’ proċedura f’diversi Stati Membri, għandu jinftiehem u jiġi applikat b’mod li jitqies li jkun qed jiġi sodisfatt meta kwalunkwe Stat Membru jiżgura l-prosekuzzjoni kriminali ta’ reat kriminali partikolari. |
|
(13) |
Meta jintlaħaq kunsens dwar il-konċentrazzjoni ta’ proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor għandhom jaġixxu b’mod li jkun kompatibbli ma’ dak il-kunsens. |
|
(14) |
Peress li l-Eurojust huwa partikolarment adatt biex jipprovdi assistenza għar-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ ġurisdizzjoni, ir-riferiment ta’ każ lill-Eurojust għandu jkun pass normali, meta ma kienx possibbli li jintlaħaq kunsens. Għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 13(7)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bl-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (3) (id-“Deċiżjoni Eurojust”), kif modifikata, l-aktar reċentement mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/26/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust (4) l-Eurojust għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe każ fejn ikunu qamu konflitti ta’ ġurisdizzjoni jew fejn ikun probabbli li jqumu u li każ jista’ jiġi riferut lill-Eurojust fi kwalunkwe mument jekk tal-anqas awtorità kompetenti waħda involuta fil-konsultazzjonijiet diretti jidhrilha li dan ikun xieraq. |
|
(15) |
Din id-Deċizjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għal proċedimenti taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta’ Proċedimenti f’Materji Kriminali, iffirmata fi Strasburgu fil-15 ta’ Mejju 1972, kif ukoll kwalunkwe arranġamenti oħra rigward it-trasferiment ta’ proċedimenti f’materji kriminali bejn l-Istati Membri. |
|
(16) |
Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex twassal għal piż amministrattiv żejjed f’każijiet fejn għall-problemi indirizzati hemm disponibbli għażliet aktar adatti. B’hekk f’sitwazzjonijiet fejn jeżistu strumenti jew arranġamenti aktar flessibbli bejn l-Istati Membri, dawk għandhom jipprevalu fuq din id-Deċiżjoni Qafas. |
|
(17) |
Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għall-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u għalhekk ma taffettwax id-dritt ta’ individwi li jargumentaw li għandhom jiġu mħarrka f’ġurisdizzjoni tagħhom jew xi oħra, jekk dan id-dritt jeżisti fil-liġi nazzjonali. |
|
(18) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (5) għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali skambjata taħt din id-Deċiżjoni Qafas. |
|
(19) |
Meta jagħmlu dikjarazzjoni dwar ir-reġim lingwistiku, l-Istati Membri huma mħeġġa li jinkludu tal-inqas lingwa waħda li hija użata b’mod komuni fl-Unjoni Ewropea u li ma tkunx il-lingwa uffiċjali tagħhom. |
|
(20) |
Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:
KAPITOLU 1
PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
Objettiv
1. L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa li tiġi promossa kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar li qed imexxu proċedimenti legali, bil-ħsieb li tittejjeb l-amministrazzjoni effiċjenti u korretta tal-ġustizzja.
2. Tali kooperazzjoni aktar mill-qrib għandha l-għan li:
|
(a) |
tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti, li jistgħu jwasslu għal sentenza definittiva tal-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar u b’hekk tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju “ne bis in idem”; u |
|
(b) |
jintlaħaq kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli bħal dawn. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi qafas dwar:
|
(a) |
proċedura biex jiġi stabbilit kuntatt bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ proċedimenti kriminali paralleli fir-rigward tal-istess fatti li jinvolvu l-istess persuna; |
|
(b) |
l-iskambju ta’ informazzjoni, permezz ta’ konsultazzjonijiet diretti, bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar li qed imexxu proċedimenti kriminali paralleli fir-rigward tal-istess fatti li jinvolvu l-istess persuna, f’każ li huma diġà jafu bl-eżistenza ta’ proċedimenti kriminali paralleli, bil-ħsieb li jintlaħaq kunsens dwar xi soluzzjoni effettiva bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli bħal dawn. |
2. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex tapplika għal proċedimenti koperti mit-termini tal-Artikoli 5 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (6).
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
|
(a) |
“proċedimenti paralleli” tfisser proċedimenti kriminali, inklużi kemm il-fażi ta’ qabel il-kawża kif ukoll il-fażijiet tal-kawża, li jitmexxew f’żewġ Stati Membri jew aktar li jikkonċernaw l-istess fatti li jinvolvu l-istess persuna; |
|
(b) |
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità ġudizzjarja jew awtorità oħra, li tkun kompetenti, skont il-liġi tal-Istat Membru tagħha, biex twettaq l-atti previsti fl-Artikoli 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas; |
|
(c) |
“awtorità li qed tagħmel il-kuntatt” tfisser awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tikkuntattja lil awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tikkonferma l-eżistenza ta’ proċedimenti paralleli; |
|
(d) |
“awtorità kkuntattjata” tfisser l-awtorità kompetenti li tiġi mitluba minn awtorità li qed tagħmel il-kuntatt biex tikkonferma l-eżistenza ta’ proċedimenti kriminali paralleli. |
Artikolu 4
Determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti b’mod li jippromovi l-prinċipju ta’ kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet.
2. F’konformità mal-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar liema awtoritajiet skont il-liġi nazzjonali tiegħu huma kompetenti biex jaġixxu skont din id-Deċiżjoni Qafas.
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, kull Stat Membru jista’ jinnomina, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat tal-organizzazzjoni tas-sistema interna tiegħu, awtorità ċentrali waħda jew aktar responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u għall-irċeviment ta’ talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 5 u/jew għall-fini tal-assistenza lill-awtoritajiet kompetenti fil-proċess konsultattiv. L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà li jinnominaw awtorità jew awtoritajiet ċentrali għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
4. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li tkun ġiet irċevuta taħt il-paragrafi 2 u 3 disponibbli lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.
KAPITOLU 2
SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 5
Obbligu li jsir kuntatt
1. Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha raġunijiet validi biex temmen li qed jitmexxew proċedimenti kriminali paralleli fi Stat Membru ieħor, hija għandha tikkuntattja lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biex tikkonferma l-eżistenza ta’ tali proċedimenti paralleli, bil-ħsieb li tibda konsultazzjonijiet diretti kif previst fl-Artikolu 10.
2. Jekk l-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt ma tkunx taf l-identità tal-awtorità kompetenti li għandha tiġi kkuntattjata, hija għandha tagħmel l-aċċertamenti kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, sabiex tikseb id-dettalji ta’ dik l-awtorità kompetenti.
3. Il-proċedura li jsir kuntatt m’għandhiex tapplika meta l-awtoritajiet kompetenti li qed imexxu proċedimenti paralleli kienu diġà infurmati bl-eżistenza ta’ dawn il-proċedimenti b’kwalunkwe mezz ieħor.
Artikolu 6
Obbligu li tingħata tweġiba
1. L-awtorità kkuntattjata għandha twieġeb għal talba ppreżentata skont l-Artikolu 5(1) fi kwalunkwe skadenza raġonevoli indikata mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt, jew, jekk ma ġiet indikata l-ebda skadenza, mingħajr dewmien żejjed, u tinforma lill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt dwar jekk humiex qed jitmexxew proċedimenti paralleli fl-Istat Membru tagħha. F’każijiet fejn l-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt infurmat lill-awtorità kkuntattjata li l-persuna suspettata jew akkużata tkun qed tinżamm f’detenzjoni jew kustodja proviżorja, din l-awtorità tal-aħħar għandha tittratta t-talba b’urġenza.
2. Jekk l-awtorità kkuntattjata ma tistax tipprovdi tweġiba fi kwalunkwe skadenza stabbilita mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt, hija għandha minnufih tinforma lill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt dwar ir-raġunijiet għal dan u tindika l-iskadenza li hija għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba.
3. Jekk l-awtorità li ġiet ikkuntattjata minn awtorità li qed tagħmel il-kuntatt ma tkunx l-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 4, hija għandha mingħajr dewmien żejjed tgħaddi t-talba bħala informazzjoni lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt kif meħtieġ.
Artikolu 7
Mezzi ta’ komunikazzjoni
L-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt u dik ikkuntattjata għandhom jikkomunikaw bi kwalunkwe mezz li bih jista’ jkun prodott rekord bil-miktub.
Artikolu 8
Informazzjoni minima li għandha tingħata fit-talba
1. Meta tippreżenta talba f’konformità mal-Artikolu 5, l-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti; |
|
(b) |
deskrizzjoni tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li huma s-suġġett tal-proċedimenti kriminali kkonċernati; |
|
(c) |
id-dettalji rilevanti kollha dwar l-identità tal-persuna suspettata jew akkużata u dwar il-vittmi, jekk ikun applikabbli; |
|
(d) |
l-istadju li ntlaħaq fil-proċedimenti kriminali; u |
|
(e) |
informazzjoni dwar id-detenzjoni jew il-kustodja proviżorja tal-persuna suspettata jew akkużata, jekk ikun applikabbli. |
2. L-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt tista’ tagħti informazzjoni addizzjonali rilevanti relatata mal-proċedimenti kriminali li jkunu qed jitmexxew fl-Istat Membru tagħha, pereżempju relatata ma’ xi diffikultajiet li jkunu qed jiltaqgħu magħhom f’dak l-Istat.
Artikolu 9
Informazzjoni minima li għandha tingħata fit-tweġiba
1. It-tweġiba mill-awtorità kkuntattjata skont l-Artikolu 6 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
jekk qed jitmexxew jew tmexxew proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ xi wħud jew tat-totalità tal-istess fatti bħal dawk li huma s-suġġett tal-proċedimenti kriminali msemmija fit-talba għal informazzjoni ppreżentata mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt, u jekk humiex involuti l-istess persuni; fil-każ ta’ tweġiba affermattiva għal (a): |
|
(b) |
id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti; u |
|
(c) |
l-istadju ta’ dawn il-proċedimenti, jew, fejn tkun intlaħqet deċiżjoni finali, in-natura ta’ dik id-deċiżjoni finali. |
2. L-awtorità kkuntattjata tista’ tagħti informazzjoni addizzjonali rilevanti relatata mal-proċedimenti kriminali li jkunu qed jitmexxew jew li tmexxew fl-Istat Membru tagħha, partikolarment dwar xi fatti rilevanti li huma s-suġġett tal-proċedimenti kriminali f’dak l-Istat.
KAPITOLU 3
KONSULTAZZJONIJIET DIRETTI
Artikolu 10
Obbligu li jsiru konsultazzjonijiet diretti
1. Meta jiġi stabbilit li jeżistu proċedimenti paralleli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti sabiex jintlaħaq kunsens dwar xi soluzzjoni effettiva immirata li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli bħal dawn, li jistgħu, fejn xieraq, iwasslu għall-konċentrazzjoni tal-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed.
2. Sakemm ikunu qed isiru l-konsultazzjonijiet diretti, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinformaw lil xulxin dwar kwalunkwe miżuri proċedurali importanti li huma ħadu fil-proċedimenti.
3. Matul il-konsultazzjonijiet diretti, l-awtoritajiet kompetenti involuti f’dawk il-konsultazzjonijiet għandhom kull meta jkun raġonevolment possibbli jwieġbu għal talbiet għal informazzjoni li jkunu ġejjin minn awtoritajiet kompetenti oħra li huma involuti f’dawk il-konsultazzjonijiet. Madankollu, meta awtorità kompetenti tiġi mitluba minn awtorità kompetenti oħra biex tipprovdi informazzjoni speċifika li tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ sigurtà nazzjonali essenzjali jew li tista’ tipperikola s-sikurezza tal-individwi, hija m’għandhiex tintalab tipprovdi dik l-informazzjoni.
Artikolu 11
Proċeduri biex jintlaħaq kunsens
Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti dwar każ sabiex jintlaħaq kunsens skont l-Artikolu 10, huma għandhom jikkunsidraw il-fatti u l-merti tal-każ u l-fatturi kollha li jikkunsidraw li huma rilevanti.
Artikolu 12
Kooperazzjoni mal-Eurojust
1. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun kumplimentari u mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Eurojust.
2. Fejn ma kienx possibbli li jintlaħaq kunsens skont l-Artikolu 10, il-kwistjoni għandha, fejn adatt, tiġi riferuta lill-Eurojust minn kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Istati Membri involuti, jekk l-Eurojust tkun kompetenti li taġixxi taħt l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Eurojust.
Artikolu 13
Għoti ta’ informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedimenti
Jekk waqt il-konsultazzjonijiet diretti skont l-Artikolu 10 jintlaħaq kunsens dwar il-konċentrazzjoni tal-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tinforma lill-awtorità (awtoritajiet) kompetenti rispettiva/i tal-Istat Membru l-ieħor jew l-Istati Membri l-oħra dwar l-eżitu tal-proċedimenti.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 14
Lingwi
1. Kull Stat Membru għandu jiddikjara f’dikjarazzjoni li għandha tiġi depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema lingwi, fost il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jintużaw fil-proċedura tal-kuntatt skont il-Kapitolu 2.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqblu li jużaw kwalunkwe lingwa matul il-konsultazzjonijiet diretti tagħhom skont l-Artikolu 10.
Artikolu 15
Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra u ma’ arranġamenti oħra
1. Sakemm strumenti legali jew arranġamenti oħra jippermettu li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw il-proċedura li taħtha l-awtoritajiet nazzjonali jiskambjaw informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali tagħhom, jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti u jipprovaw jilħqu kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva bl-għan li jiġu evitati konsegwenzi negattivi li jinħolqu mill- proċedimenti paralleli, l-Istati Membri jistgħu:
|
(a) |
ikomplu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Qafas tidħol fis-seħħ; |
|
(b) |
jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Qafas tkun daħlet fis-seħħ. |
2. Il-ftehimiet u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 fl-ebda każ m’għandhom jaffettwaw ir-relazzjonijiet mal-Istati Membri li mhumiex partijiet għalihom.
Artikolu 16
Implimentazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sal-15 ta’ Ġunju 2012.
Sal-15 ta’ Ġunju 2012, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 17
Rapport
Il-Kummisjoni għandha, sal-15 ta’ Diċembru 2012, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, flimkien, jekk meħtieġ, ma’ proposti leġislattivi.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
B. ASK
(2) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.
(4) ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14.