9.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/14


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/905/ĠAI

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (c) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Isvezja u r-Renju ta' Spanja (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet l-objettiv tagħha li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; għandu jiġi pprovdut livell għoli ta' sigurtà permezz ta' azzjoni komuni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali.

(2)

Dak l-objettiv għandu jinkiseb bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hi mibnija u li huma komuni għall-Istati Membri.

(3)

L-iskambju ta' informazzjoni u intelligence dwar il-kriminalità u l-attivitajiet kriminali huwa kruċjali sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom il-possibbiltà li jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw b'suċċess il-kriminalità jew l-attivitajiet kriminali. Azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija skont l-Artikolu 30(1)(a) tat-Trattat timplika l-ħtieġa li tiġi pproċessata informazzjoni rilevanti li għandha tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet adatti dwar il-protezzjoni ta' data personali.

(4)

L-iskambju intensifikat ta' informazzjoni rigward l-evidenza forensika u l-użu akbar ta' evidenza minn Stat Membru wieħed fil-proċessi ġudizzjarji ta' ieħor, jenfasizza il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards komuni għall-fornituri ta' servizzi forensiċi.

(5)

L-informazzjoni li toriġina minn proċessi forensiċi fi Stat Membru wieħed tista' attwalment tkun assoċjata ma' livell ta' inċertezza fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-mod ta' kif element ikun ġie ttrattat, x'metodi ntużaw u kif ir-riżultati ġew interpretati.

(6)

Fil-punt 3.4 (h) tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta' The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2), l-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa għal definizzjoni tal-istandards ta' kwalità tal-laboratorji forensiċi sl-2008.

(7)

Huwa partikolarment importanti li jiġu introdotti standards komuni għall-fornituri ta' servizzi forensiċi relatati ma' data personali sensittiva bħal profili tad-DNA u data dattiloskopika.

(8)

Skont l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (3), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-integrità tal-profili tad-DNA li jkunu saru disponibbli jew intbagħtu biex jitqabblu lil Stati Membri oħrajn u sabiex jiżguraw li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, bħall-EN ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar” (minn hawn 'il quddiem “EN ISO/IEC 17025”).

(9)

Il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika ma jintużawx biss fi proċedimenti kriminali, iżda huma wkoll kruċjali għall-identifikazzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari wara diżastri.

(10)

L-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji huwa pass importanti lejn skambju aktar sikur u effettiv ta' informazzjoni forensika fi ħdan l-Unjoni.

(11)

L-akkreditament jingħata mill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkollu l-kompetenza esklużiva biex jivvaluta jekk laboratorju jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati. Korp ta' akkreditament jikseb l-awtorità tiegħu mill-Istat. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (4) fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kompetenza ta' tali korpi nazzjonali ta' akkreditament. Fost l-oħrajn, l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jirregola l-akkreditament transkonfinali f'każijiet fejn l-akkreditament jista' jintalab minn korp nazzjonali ta' akkreditament ieħor.

(12)

In-nuqqas ta' ftehim għall-applikazzjoni ta' standard komuni ta' akkreditament għall-analiżi ta' evidenza xjentifika huwa nuqqas li għandu jiġi rimedjat; huwa, għalhekk, meħtieġ li jiġi adottat strument legalment vinkolanti dwar l-akkreditament tal-fornituri kollha ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji. L-akkreditament joffri l-garanziji meħtieġa li l-attivitajiet tal-laboratorji jitwettqu skont l-istandards internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-EN ISO/IEC 17025, kif ukoll linji gwida applikabbli u rilevanti.

(13)

Standard ta' akkreditament jippermetti li kwalunkwe Stat Membru jitlob, jekk ikun jixtieq, standards komplimentarji f'attivitajiet tal-laboratorji fil-ġurisdizzjoni nazzjonali tiegħu.

(14)

L-akkreditament jgħin biex tiġi stabbilita fiduċja reċiproka fil-validità tal-metodi analitiċi bażiċi użati. Madankollu, l-akkreditament ma jindikax liema metodu għandu jintuża, iżda biss li l-metodu użat għandu jkun adatt għall-iskop tiegħu.

(15)

Kwalunkwe miżura meħuda barra laboratorju ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas. Pereżempju, it-teħid ta' data dattiloskopika jew miżuri li jittieħdu fuq il-post tal-inċident, il-post tar-reat jew analiżijiet forensiċi mwettqa barra mil-laboratorji mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

(16)

Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex l-għan li tarmonizza r-regoli nazzjonali fir-rigward tal-valutazzjoni ġudizzjarja tal-evidenza forensika.

(17)

Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-validità, stabbilita skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, tar-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin qabel l-implimentazzjoni tagħha, anki jekk il-fornitur ta' servizzi forensiċi ma kienx akkreditat li jikkonforma mal-EN ISO/IEC 17025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa li jiġi żgurat li r-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali bħala ugwalment affidabbli daqs ir-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati għall-EN ISO/IEC 17025 fi ħdan kwalunkwe Stat Membru ieħor.

2.   Dan l-għan jinkiseb billi jiġi żgurat li l-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament nazzjonali bħala li jikkonformaw mal-EN ISO/IEC 17025.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-attivitajiet tal-laboratorji li jirriżultaw fi:

(a)

profil tad-DNA; u

(b)

data dattiloskopika.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

(a)

“attività tal-laboratorji” tfisser kwalunkwe miżura li tittieħed f'laboratorju meta traċċi fuq oġġetti jkunu qed jiġu lokalizzati u rkuprati, kif ukoll meta tiġi żviluppata, analizzata u interpretata evidenza forensika, bil-ħsieb li jingħataw opinjonijiet esperti jew li tiġi skambjata evidenza forensika;

(b)

“riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji” tfisser kwalunkwe riżultat analitiku u interpretazzjoni direttament assoċjata;

(c)

“fornitur ta' servizzi forensiċi” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni, pubblika jew privata, li twettaq attivitajiet forensiċi fil-laboratorju fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jew dawk ġudizzjarji;

(d)

“korp ta' akkreditament nazzjonali” tfisser l-uniku korp fi Stat Membru li jwettaq akkreditament b'awtorità derivata mill-Istat kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(e)

“profil tad-DNA” tfisser kodiċi b'ittri jew b'ċifri li jirrappreżenta sett ta' karatteristiċi ta' identifikazzjoni tal-parti non-kodifikanti ta' kampjun analizzat ta' DNA uman, jiġifieri l-istruttura molekulari partikolari fid-diversi pożizzjonijiet (loci) tad-DNA;

(f)

“data dattiloskopika” tfisser immaġini ta' marki tas-swaba', immaġini ta' marki tas-swaba' moħbijin, marki tal-pala tal-id, marki tal-pala tal-id moħbijin u mudelli ta' tali immaġni (dettalji żgħar kodifikati).

Artikolu 4

Akkreditament

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tagħhom ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament nazzjonali bħala li jikkonformaw mal-EN ISO/IEC 17025.

Artikolu 5

Rikonoxximent tar-riżultati

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riżultati tal-fornituri akkreditati ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji fi Stati Membri oħrajn jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet tiegħu responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali bħala ugwalment affidabli daqs ir-riżultati tal-fornituri domestiċi ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji akkreditati għall-EN ISO/IEC 17025.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas ma taffettwax ir-regoli nazzjonali dwar il-valutazzjoni ġudizzjarja tal-evidenza.

Artikolu 6

Spejjeż

1.   Kull Stat Membru għandu jħallas kwalunkwe spiża pubblika li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni Qafas f'konformità mal-arranġamenti nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-mezzi biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal proġetti nazzjonali u transnazzjonali maħsubin biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas, fost l-oħrajn għall-iskambju ta' esperjenza, id-disseminazzjoni ta' kompetenzi u l-ittestjar tal-profiċjenza.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tal-profili tad-DNA sat-30 ta’ Novembru 2013.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tad-data dattiloskopika sat-30 ta’ Novembru 2015.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Deċiżjoni Qafas sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2016.

4.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u ta' informazzjoni oħra pprovduta mill-Istati Membri fuq talba, il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta’ Lulju 2018, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas.

5.   Il-Kunsill għandu, sa tmiem l-2018, jivvaluta safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU C 174, 28.7.2009, p. 7.

(2)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.

(4)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.