16.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/41


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/467/PESK

tal-15 ta’ Ġunju 2009

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan u l-Pakistan u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/612/PESK (1) li taħtar lis-Sur Ettore F. SEQUI bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fl-Afganistan għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2008 sat-28 ta’ Frar 2009.

(2)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan sat-28 ta’ Frar 2010. Għalhekk, l-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK għandha titħassar.

(3)

Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK, il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan għandu jiġi estiż biex jinkludi l-Pakistan.

(4)

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan u l-Pakistan ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Ħatra

Is-Sur Ettore F. SEQUI huwa b’dan maħtur Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan u l-Pakistan (minn hawn ‘il qudiem “RSUE”) sat-28 ta’ Frar 2010.

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fl-Afganistan u fil-Pakistan, b’kont meħud tal-approċċ komprensiv tal-UE lejn kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali usa’. B’mod aktar partikolari, ir-RSUE għandu:

(a)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u l-Ftehim mal-Afganistan kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU;

(b)

jħeġġeġ kontributi pożittivi minn atturi reġjonali fl-Afganistan u minn pajjiżi ġirien għall-proċess ta’ paċi fl-Afganistan u b’hekk jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-Istat Afgan;

(ċ)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan, kif ukoll tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (RKSNU) u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħrajn tan-NU;

(d)

jappoġġa r-rwol ċentrali tan-NU, b’mod partikolari tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali; u

(e)

jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

iwassal il-fehmiet tal-UE dwar il-proċess politiku fl-Afganistan filwaqt li jirreferi għall-prinċipji ewlenin miftiehma bejn l-Afganistan u l-komunità internazzjonali, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u l-Ftehim mal-Afganistan;

(b)

iwassal il-fehmiet tal-UE dwar il-proċess politiku fil-Pakistan filwaqt li jirreferi għall-prinċipji li joħorġu mill-kuntatti regolari bejn il-Pakistan u l-komunità internazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-“Grupp ta’ Ħbieb tal-Pakistan Demokratiku”;

(ċ)

jistabbilixxi u jżomm kuntatt mill-qrib ma’, u jappoġġa, l-istituzzjonijiet rappreżentattivi Pakistani u Afgani, b’mod partikolari l-Gvern u l-Parlament. Għandu jżomm ukoll kuntatt ma’ figuri politiċi Pakistani u Afgani oħrajn u ma’ atturi rilevanti oħrajn kemm f’dawk il-pajjiżi kif ukoll barra minnhom;

(d)

iżomm kuntatt mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti, b’mod partikolari mar-rappreżentanti lokali tan-NU;

(e)

jibqa’ f’kuntatt mill-qrib ma’ pajjiżi ġirien u pajjiżi interessati oħrajn fir-reġjun, sabiex fil-politika tal-UE jittieħed kont tal-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni fil-Pakistan u l-Afganistan u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn dawn il-pajjiżi u l-Pakistan u l-Afganistan;

(f)

jgħarraf dwar il-progress miksub biex jintlaħqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan u d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u l-Ftehim mal-Afganistan, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

it-tmexxija tajba u l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet tal-istat ta’ dritt,

ir-riformi fis-settur tas-sigurtà, inkluż l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji, ta’ armata nazzjonali u ta’ forza tal-pulizija,

ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-poplu Pakistani u Afgan kollu, irrispettivament mis-sess, mill-etniċità jew mir-reliġjon,

ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali,

it-trawwim tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjoni pubblika u fis-soċjetà ċivili,

ir-rispett għall-obbligi internazzjonali tal-Pakistan u l-Afganistan, inkluża l-kooperazzjoni fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffikar ta’ bnedmin u l-proliferazzjoni tal-armamenti u l-armi ta’ Qerda massiva u materjali relatati, u

il-faċilitazzjoni ta’ assistenza umanitarja u r-ritorn b’mod ordnat ta’ refuġjati u ta’ persuni spostati internament;

(g)

f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, jgħin sabiex jiġi żgurat li l-approċċ politiku tal-UE jkun rifless fl-azzjoni tagħha għall-iżvilupp tal-Pakistan u l-Afganistan;

(h)

konġuntement mal-Kummissjoni, jipparteċipa b’mod attiv fil-Bord Konġunt ta’ Koordinazzjoni u Monitoraġġ stabbilit taħt il-Ftehim mal-Afganistan u fil-Grupp ta’ Ħbieb tal-Pakistan Demokratiku; u

(i)

jagħti parir dwar il-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet tal-UE f’konferenzi internazzjonali dwar il-Pakistan u l-Afganistan.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun EUR 2 830 000. Dan l-ammont għandu jkopri wkoll in-nefqa relatata mal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Afganistan taħt l-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

2.   In-nefqa ffinanzjata bl-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ kull nefqa lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli sabiex jifforma t-tim tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-iskwadra għandu jkollha l-kompetenzi neċessarji dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika, kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jikkomunika lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-iskwadra tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ personal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ personal issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernati rispettivament. L-esperti sekondati mill-Istati Membri mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu impjegati fir-RSUE. Il-personal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.

3.   Il-personal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-personal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-personal tiegħu/tagħha għandhom ikunu miftiehma mal-parti/partijiet ospitanti, kif jeħtieġ il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għat-tali għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (2), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta’ personal skjerat barra l-UE f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-personal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment fis-sigurtà ta’ personal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni għall-missjoni;

(b)

jiżgura li l-personal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż personal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħrajn ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment bil-fomm u bil-kitba rapporti lis-SĠ/RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE).

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Hu/hi għandu jgħin/għandha tgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti tal-UE kollha fil-qasam jintużaw b’koerenza sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk tar-RSUE għall-Asja Ċentrali. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 14

Tħassir

L-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK hija b’dan imħassra.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 15 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  ĠU L 197, 25.7.2008, p. 60.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.