17.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/65


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/136/PESK

tas-16 ta' Frar 2009

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Lulju 2003, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2003/537/PESK (1) li ħatret lis-Sur Marc OTTE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani.

(2)

Fit-18 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/133/PESK (2) li temenda u testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2009.

(3)

Abbażi ta' reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/133/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b'perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Marc OTTE bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani huwa b'dan estiż sat-28 ta' Frar 2010.

Artikolu

2 Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani.

2.   Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

soluzzjoni ta' żewġ Stati bl-Iżrael u bi Stat Palestinjan demokratiku, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom skont ir-Riżoluzzjonijiet 242(1967), 338(1973), 1397(2002) u 1402(2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-prinċipji tal-konferenza ta' Madrid;

(b)

soluzzjoni fil-linja Iżraeljana-Sirjana u f'dik Iżraeljana-Lebaniża;

(ċ)

soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni kumplessa ta' Ġerusalemm u soluzzjoni ġusta, vijabbli u miftiehma għall-problema tar-refuġjati Palestinjani;

(d)

segwitu tal-proċess ta' Annapolis lejn ftehim finali dwar l-istatus u l-kreazzjoni ta' Stat Palestinjan inkluż it-tisħiħ tar-rwol tal-Kwartett bħala gwardjan tar-roadmap partikolarment fid-dawl tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligi taż-żewġ partijiet taħt ir-roadmap u konformement ma' l-isforzi internazzjonali kollha sabiex tinstab soluzzjoni Għarbija-Iżraeljana;

(e)

l-istabbiliment ta' arranġamenti sostenibbli u effettivi tal-pulizija b'appartenenza Palestinjana skont l-aħjar standards internazzjonali, f'koperazzjoni mal-programmi tal-Komunità Ewropea għall-bini ta' l-istituzzjonijiet kif ukoll ma' sforzi internazzjonali oħrajn fil-kuntest usa' tas-Settur tas-Sigurtà, inkluż ir-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali;

(f)

il-ftuħ mill-ġdid tal-punti ta' qsim ta' Gaza inkluzi l-punti ta' qsim ta' Rafah u provvediment għal presenza ta' parti terza jekk hekk jiġi miftiehem bejn iż-żewġ partijiet, b'koperazzjoni ma' l-isforzi Komunitarji għall-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet.

3.   Dawn l-objettivi huma bbażati fuq l-impenn tal-Unjoni Ewropea sabiex:

(a)

taħdem mal-partijiet u ma' sħab fil-komunità internazzjonali, speċjalment fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, sabiex tiġi segwita kull opportunità għall-paċi u għal futur deċenti għall-popli kollha tar-reġjun;

(b)

tkompli tassisti fir-riformi politiċi u amministrattivi Palestinjani, fil-proċess elettorali u fir-riformi dwar is-sigurtà;

(ċ)

tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-konsolidazzjoni tal-paċi, kif ukoll għall-irkupru ta' l-ekonomija Palestinjana bħala parti integrali ta' l-iżvilupp reġjonali.

4.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun, inkluż fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni Ewropea għall-azzjonijiet u l-inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-konflitt Iżraeljan-Palestinjan u tal-konflitt Iżraeljan-Sirjan u dak Iżraeljan-Lebaniż;

(b)

jiffaċilita u jżomm kuntatt mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, mal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun, mal-membri tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u ma' pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta' paċi;

(ċ)

jiżgura l-kontinwazzjoni tal-preżenza tal-Unjoni Ewropea fil-post u f'fora internazzjonali rilevanti oħra u jikkontribwixxi għall-maniġġar u l-prevenzjoni tal-kriżijiet;

(d)

josserva u jappoġġa n-negozjati għall-paċi bejn il-partijiet u joffri l-pariri u l-bon offiċji tal-Unjoni Ewropea kif ikun meħtieġ;

(e)

jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawn il-ftehimiet;

(f)

jagħti attenzjoni partikolari lill-fatturi li jkollhom implikazzjonijiet għad-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

(g)

jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-firmatarji tal-ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta' paċi sabiex jippromwovi konformità ma' l-istandards bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt;

(h)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta minn konflitt, speċjalment bil-monitoraġġ u t-trattament ta' l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

(i)

jirrapporta dwar il-possibbiltajiet ta' intervent tal-Unjoni Ewropea fil-proċess ta' paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea u l-isforzi attwali tal-Unjoni Ewropea relatati mal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, bħalma hu l-kontribut tal-Unjoni Ewropea għar-riformi Palestinjani, u inkluż l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp;

(j)

jissorvelja l-azzjonijiet taż-żewġ naħat dwar l-implimentazzjoni tar-“roadmap” u dwar kwistjonijiet li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati dwar status permanenti biex jippermetti lill-Kwartett tal-Lvant Nofsani jivvaluta aħjar il-konformità tal-partijiet;

(k)

jinvolvi ruħu f'kollaborazzjoni usa' fir-Riforma tas-Settur ta' Sigurtà b'koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Koordinatur ta'l-Istati Uniti għas-Sigurtà u jiffaċilita l-koperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà ma' l-atturi rilevanti l-oħra kollha;

(l)

jikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tar-rwol tal-Unjoni Ewropea fost l-opinjonisti ewlenin fir-reġjun;

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat u jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2009 sat-28 ta' Frar 2010 għandu jkun ta' EUR 1 190 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata bl-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2009. In-nefqa għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li l-ebda pre-finanzjament m'għandu jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tat-tim tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, bl-assistenza tas-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. It-tim għandu jinkludi l-esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jgħarraf lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni bil-formazzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' personal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-personal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-UE mar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-UE kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jintbagħtu mar-RSUE. Il-personal kuntrattat internazzjonali għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru tal-UE.

3.   Il-personal kollu ssekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-personal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-personal tiegħu għandhom jiġu maqbula mal-parti jew il-partijiet ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), partikolarment fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skond il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-personal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-personal kollu li jaqa' taħt l-awtorità diretta tiegħu, speċjalment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-personal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-personal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż personal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula li jsiru wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lis-SĠ/RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta kif meħtieġ lill-gruppi ta' ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Wara rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa għandu jiżgura li l-istrumenti kollha tal-UE fil-kamp jitħaddmu b'mod koerenti biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari ta' informazzjoni lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.   Fil-kamp, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fit-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAN Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ikun meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' l-atturi internazzjonali u regjonali l-oħrajn fil-kamp.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn lejn ir-reġjun mill-Unjoni Ewropea għandha tkun sorveljata regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel tmiem Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendar jew it-tmiem tal-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

O. LIŠKA


(1)  ĠU L 184, 23.7.2003, p. 45.

(2)  ĠU L 43, 19.2.2008, p. 34.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.