27.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 23/35


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2009/66/PESK

tas-26 ta’ Jannar 2009

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta’ Marzu 2008 tar-Riżoluzzjoni 1807 (2008) (UNSCR 1807 (2008)), il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK fl-14 ta’ Mejju 2008 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1).

(2)

Fit-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1857(2008) (UNSCR 1857 (2008)) li tipprevedi kriterji addizzjonali għall-ħatra mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1533 (2004) (UNSCR 1533(2004)) ta’ individwi u entitajiet soġġetti għal iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar, u testendi l-miżuri imposti mill-UNSCR 1807 (2008) sat-30 ta’ Novembru 2009.

(3)

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK għandha għalhekk tiġi emendata rispettivament.

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK għandu jiġu sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra l-persuni u, kif ikun adatt, l-entitajiet, indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li ġejjin:

persuni jew entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi u l-miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1,

mexxejja politiċi u militari ta’ gruppi armati barranin li joperaw fir-RDK li jimpedixxu d-diżarmament u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid tal-ġellieda li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi,

mexxejja politiċi u militari ta’ milizzji Kongoliżi li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, li jimpedixxu l-parteċipazzjoni tal-ġellieda tagħhom fil-proċessi tad-diżarmament, id-demobilitazzjoni u reintegrazzjoni,

mexxejja politiċi u militari li joperaw fir-RDK u jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’konflitti armati bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli,

individwi li joperaw fir-RDK u jwettqu ksur serju tal-liġi internazzjonali li jinvolvi li jkunu mmirati tfal jew nisa f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat, inklużi qtil u mankament, vjolenza sesswali, ħtif u spostament furzat,

individwi li jostakolaw l-aċċess għall-assistenza umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fil-parti tal-Lvant tar-RDK;

individwi jew entitajiet li jappoġġaw lill-gruppi armati illegali fil-parti tal-Lvant tar-RDK permezz tal-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali.

Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.”

Artikolu 2

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tieħu effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU L 127, 15.5.2008, p. 84.