29.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Diċembru 2009

dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Ungerija għax-xiri ta’ art agrikola bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013

(2009/1017/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tar-Repubblika tal-Ungerija fis-27 ta’ Novembru 2009,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika tal-Ungerija (minn issa “l-Ungerija”) ppreżentat lill-Kunsill talba għal deċiżjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, rigward il-pjan tal-Ungerija li tagħti għajnuna mill-Istat lill-bdiewa Ungeriżi għax-xiri ta’ art agrikola.

(2)

Il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-art li l-Ungerija kienet qed twettaq sa mill-bidu tas-snin disgħin wassal f’ħafna każijiet għal komproprjetà indiviża jew proprjetà frammentata ta’ art agrikola, u dan rriżulta fi struttura mhux favorevoli tal-użu tal-art u vijabbiltà ekonomika dgħajfa ta’ azjendi agrikoli.

(3)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kapital tal-bdiewa, ir-rati għoljin ta’ interess fuq self kummerċjali għax-xiri ta’ art agrikola u l-issikkar tal-kriterji tal-banek għas-self lill-bdiewa fil-kriżi attwali, il-bdiewa, speċjalment dawk b’azjendi żgħar, għandhom ftit li xejn prospetti li jakkwistaw self kummerċjali għal investimenti bħax-xiri ta’ art. Fil-fatt, bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, ir-rati annwali ta’ interess fuq self kummerċjali għax-xiri ta’ art agrikola żdiedu minn rata medja ta’ 9,5 % f’Lulju tal-2008 għal 15,5 % f’Mejju tal-2009, u l-valur medju ta’ garanzija meħtieġa għal tali self kważi rdoppja fl-istess perijodu.

(4)

F’din is-sitwazzjoni, ix-xiri spekulattiv tal-art minn operaturi ekonomiċi mhux involuti f’attività agrikola li għandhom aċċess eħfef għal kapital għandu mnejn jiżdied.

(5)

L-għajnuna mill-Istat għax-xiri ta’ art agrikola għandha tgħin biex ikun salvat l-għajxien ta’ għadd kbir ta’ familji tal-bdiewa fil-kriżi attwali billi jinħolqu l-kondizzjonijiet li jippermettu t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u t-titjib tal-profitabbiltà tal-produzzjoni agrikola, u b’hekk titwaqqaf iż-żieda fil-faqar u l-qgħad f’żoni rurali. B’riżultat tal-kriżi, il-qgħad fl-Ungerija żdied minn 7,7 % fil-perijodu minn Awissu 2008 sa Ottubru 2008 għal 10,4 % fl-istess perijodu fl-2009, filwaqt li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Ungerija naqas bejn it-tielet kwart tal-2008 u t-tielet kwart tal-2009 b’7,2 %. Barra minn hekk, il-PDG tal-Ungerija fi prezzijiet kurrenti fis-settur tal-agrikoltura, forestrija u sajd waqa’ b’approssimattivament 33 % bejn l-ewwel nofs tal-2008 u t-tieni nofs tal-2009 (minn Forint Ungeriż (HUF) 410 828 miljun għal HUF 275 079 miljun).

(6)

L-għajnuna mill-Istat li għandha tingħata tammonta għal total ta’ HUF 4 000 miljun u minnha għandhom jibbenefikaw madwar 5 000 produttur agrikolu. Hija għandha tieħu l-forma ta’:

sussidju fuq l-interessi, sa total ta’ HUF 2 000 miljun, għal self lil bdiewa privati li jissodisfaw il-kriterji li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni, kwalifiki vokazzjonali, it-twettiq ta’ prattiki tajba agrikoli u r-rekwiżiti ta’ azjenda vijabbli, sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw self favorevoli sabiex jixtru art agrikola sa limitu ġenerali ta’ azjenda agrikola ta’ daqs ta’ 300 ettaru. Is-sussidju fuq l-interessi jiffunzjona bħal self ipotekarju għal ammont massimu ta’ HUF 75 miljun u għal perijodu massimu ta’ 20 sena, inkluż perijodu ta’ grazzja ta’ sentejn għal rimborż ta’ kapital, u ser ikun ugwali għal 50 % tar-rendiment medju tal-bonds tal-Gvern Ungeriż b’ maturità ta’ 5 jew 10 snin, b’żieda ta’ 1,75 %;

għotja diretta, sa total ta’ HUF 2 000 miljun, għal xiri ta’ art agrikola, li tammonta għal massimu ta’ 20 % tal-prezz tax-xiri stabbilit fil-kuntratt tal-bejgħ, b’ammont massimu ta’ HUF 3 miljun għal kull applikazzjoni u numru massimu ta’ żewġ applikazzjonijiet kull sena għal kull benefiċjarju. L-għotja tista’ tiġi allokata lil persuna privata li, fid-data ta’ xiri, kienet involuta f’attività agrikola bħala s-sid ta’ mill-anqas 5 ettari ta’ pjantaġġuni jew ettaru wieħed ta’ art agrikola oħra għal perijodu ta’ mill-anqas sena, fuq biċċa art direttament adjaċenti għall-art mixtrija, u li timpenja lilha nnfisha biex ma tbigħx l-art mixtrija u biex fil-fatt tużaha għall-iskop uniku ta’ produzzjoni agrikola matul perijodu ta’ mill-anqas ħames snin mid-data ta’ ħlas tal-għajnuna. L-għajnuna tista’ tingħata biss jekk id-daqs globali tal-art eżistenti u mixtrija teċċedi 210 Gold Crowns (1), jew żewġ ettari fil-każ ta’ art agrikola użata bħala vinja jew ġnien tas-siġar tal-frott, u jekk mhix reġistrata bħala art użata għall-forestrija.

(7)

Mhux permess il-kombinazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidju fuq l-interessi u għotja diretta għax-xiri tal-istess żona ta’ art agrikola.

(8)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura jew ħadet xi pożizzjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(9)

Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li b’riżultat tagħhom huwa possibbli li din l-għajnuna titqies, bħala deroga u safejn ikun strettament meħtieġ sabiex ikun limitat il-faqar rurali fl-Ungerija, li hi kompatibbli mas-suq intern,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għajnuna mill-Istat eċċezzjonali mill-awtoritajiet Ungeriżi fil-forma ta’ sussidji fuq l-interessi u għotjiet diretti għax-xiri ta’ art agrikola, li tammonta għal massimu ta’ HUF 4 000 miljun u li tiġi allokata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLGREN


(1)  Unità ta’ qies tal-kwalità ta’ art agrikola fl-Ungerija.