29.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Diċembru 2012

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2009/1013/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija (minn hawn 'il quddiem l-Awstrija) talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta' tnaqqis u preċedentament mogħtija bid-Deċiżjoni 2004/866/KE (2) taħt is-Sitt Direttiva 77/388/KE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (3), li kienet applikabbli dak iż-żmien.

(2)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mill-Awstrija permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Settembru 2009. Permezz ta' ittra datata l-21 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis neċessarja biex tikkunsidra t-talba.

(3)

Sabiex jiġi ssimplifikat it-teħid tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), il-miżura derogatorja hija maħsuba biex teskludi kompletament mid-dritt ta' tnaqqis il-VAT fuq merkanzija u servizzi meta l-merkanzija u s-servizzi inkwistjoni jintużaw f'iktar minn 90 % tal-każijiet għal raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta' negozju.

(4)

Il-miżura tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt ta' tnaqqis u hija maħsuba biex tissimplifika l-proċedura biex titħallas il-VAT. L-ammont ta' taxxa dovuta fl-istadju finali tal-konsum huwa affettwat biss b’mod negliġibbli.

(5)

Is-sitwazzjoni legali u fattwali li kienet iġġustifikat l-applikazzjoni attwali tal-miżura ta’ simplifikazzjoni kkonċernata ma nbidlitx, u għadha teżisti. L-Awstrija għandha għalhekk tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ simplifikazzjoni għal perijodu ieħor, iżda limitat fiż-żmien sabiex tippermetti evalwazzjoni tal-miżura.

(6)

Id-deroga mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Unjoni derivati mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Awstrija hija awtorizzata li teskludi n-nefqa fuq merkanzija u servizzi mid-dritt ta' tnaqqis tal-VAT meta f’iktar minn 90 % tal-każijiet il-merkanzija u s-servizzi inkwistjoni jintużaw għal raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta' negozju.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLGREN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

(2)  ĠU L 371, 18.12.2004, p. 47.

(3)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.