29.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/1012/PESK

tat-22 ta’ Diċembru 2009

dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Ġunju 1997, il-Kunsill adotta l-Programm tal-UE għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Armi Konvenzjonali, li jimpenja lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jieħdu azzjoni konċertata biex lil jassistu pajjiżi oħra fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffiku illeċitu tal-armi.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari, li tistabbilixxi tmien kriterji għall-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali (1), tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ notifika u konsultazzjoni għal ċaħdiet u tinkludi proċedura ta’ trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi. Dik il-Pożizzjoni Komuni tikkontribwixxi sinifikament għall-armonizzazzjoni ta’ linji ta’ politika nazzjonali dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-prinċipji u l-kriterji tagħha ġew sottoskritti uffiċjalment minn diversi pajjiżi terzi.

(3)

L-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jiddikjara li l-Istati Membri ser jagħmlu ħilithom kollha biex iħeġġu Stati oħra li jesportaw armi biex japplikaw il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni.

(4)

L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà adottata minn Kapijiet ta’ Stat u Gvern fit-12 ta’ Diċembru 2003 ssemmi ħames sfidi ewlenin li jridu jiġu ffaċċjati mill-UE fl-ambjent ta’ wara l-Gwerra Bierda: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi taċ-ċirkolazzjoni mhux ikkontrollata ta’ armi konvenzjonali huma ċentrali għal erba’ minn dawn il-ħames sfidi. Tabilħaqq, it-trasferiment mhux ikkontrollat tal-armi jikkontribwixxi fl-aggravazzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u huwa fattur prinċipali fit-tfaqqigħ u l-firxa ta’ konflitti, kif ukoll fil-waqgħa tal-istrutturi tal-Istat. Flimkien ma’ dan, l-Istrateġija tissottolinja l-importanza ta’ kontrolli ta’ esportazzjoni biex jikkontrollaw il-proliferazzjoni.

(5)

L-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati biex Jidentifikaw u Jintraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Diċembru 2005, jimmira li jtejjeb l-effettività ta’, u jikkumplimenta, ftehimiet eżistenti bilaterali, reġjonali u internazzjonali biex jevita, jiġġieled u jeradika l-kummerċ illeċitu ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu.

(6)

L-Istrateġija tal-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċitu ta’ armi żgħar u armamenti ħfief (SALW) u l-munizzjon tagħhom, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u fis-16 ta’ Diċembru 2005, tipprevedi li fil-livell reġjonali u internazzjonali l-UE għandha, tappoġġa t-tisħiħ tal-kontrolli tal-esportazzjoni u l-promozzjoni tal-kriterji tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi, sussegwentement sostitwit mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, billi inter alia, tgħin pajjiżi terzi jabbozzaw leġislazzjoni nazzjonali dwar dan u tippromwovi miżuri biex tittejjeb it-trasparenza.

(7)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijet Uniti, bl-appoġġ tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, adottat ir-Riżoluzzjoni 61/89, intitolata “Lejn trattat dwar il-kummerċ fl-armi: stabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali”. F’Diċembru 2006 u f’Ġunju u Diċembru 2007, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jissottolinjaw li huwa importanti għall-UE u l-Istati Membri li jkollhom rwol attiv u jikkooperaw ma’ Stati u organizzazzjonijiet reġjonali oħra fil-proċess fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti biex jistabbilixxu standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali, li jkunu ta’ kontribut kbir għall-indirizzar tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa u irresponsabbli ta’ armi konvenzjonali li jimminaw il-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem.

(8)

Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/23/PESK dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE gaħll-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta Armi bejn pajjiżi terzi (2); l-aħħar attività taħt din l-Azzjoni Konġunta seħħet fis-27 u t-28 ta’ Ottubru 2009,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni prattika ta’:

l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà,

l-Istrateġija tal-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar tal-SALW u l-munizzjon tagħhom,

l-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK,

il-Programm tal-UE għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu fl-Armi Konvenzjonali,

l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jintraċċaw, b’mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti, u

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ fl-Armi,

l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa attivitajiet sabiex tippromwovi l-objettivi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni fost il-pajjiżi terzi tal-kriterji u l-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

(b)

l-assistenza lil pajjiżi terzi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni biex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-esportazzjoni ta’ armi;

(ċ)

l-assistenza lil pajjiżi terzi fit-taħriġ ta’ uffiċjali ta’ liċenzjar biex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u infurzar ta’ kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi;

(d)

l-assistenza lil pajjiżi terzi u lir-reġjun fl-elaborazzjoni ta’ rapporti nazzjonali u reġjonali dwar l-esportazzjoni ta’ armi u l-promozzjoni ta’ forom oħra ta’ skrutinju sabiex tiġi promossa t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-esportazzjoni ta’ armi;

(e)

it-tħeġġiġ tal-pajjiżi terzi biex jappoġġaw il-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li jiġi adottat trattat internazzjonali li jorbot u li jistabbilixxi standards komuni għall-kummerċ dinji f’armi konvenzjonali, u li tassisti fl-iżgurar li dawn ikunu f’pożizzjoni biex jikkonformaw ma’ tali standards komuni possibbli.

2.   Deskrizzjoni tal-proġetti li jgħinu dawn l-objettivi, kif msemmija fil-paragrafu 1, hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-entità implimentattiva li ġejja:

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni, BAFA.

3.   L-entità implimentattiva għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar- RGħ. Għal dan l-iskop, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-aġenzija implimentattiva.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 787 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tajba tal-kontribut tal-UE msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-entità implimentattiva msemmija fl-Artikolu 2(2). Il-ftehimiet għall-finanzjament għandhom jistipulaw li l-entità implimentattiva għandha tiżgura viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatta għad-daqs tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultajiet f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Rapport fattwali dwar il-progress miksub f’kull pajjiżi benefiċjarju għandu jitħejja mal-konklużjoni tal-aħħar workshop u skambji tal-persunal taħt din id-Deċiżjoni mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE f’kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji.

2.   Ir-RGħ, għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-entità implimentattiva msemmija fl-Artikolu 2(2) u l-Kapijiet tal-Missjoni msemmija fil-paragrafi 1 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti kif imsemmija fl-Artikolu 3(3).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLGREN


(1)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(2)  ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81.


ANNESS

Appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi

I.   Objettivi

L-objettivi ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni huma:

(a)

il-promozzjoni fost il-pajjiżi terzi tal-kriterji u l-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

(b)

l-assistenza lil pajjiżi terzi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni biex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-esportazzjoni ta’ armi;

(ċ)

l-assistenza lil pajjiżi fit-taħriġ ta’ uffiċjali ta’ liċenzjar biex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u infurzar ta’ kontrolli ta’ esportazzjoni ta’ armi;

(d)

l-assistenza lil pajjiżi u reġjuni fl-elaborazzjoni ta’ rapporti nazzjonali u reġjonali dwar l-esportazzjoni ta’ armi u l-promozzjoni ta’ forom oħra ta’ skrutinju sabiex tiġi promossa t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-esportazzjoni ta’ armi;

(e)

it-tħeġġiġ tal-pajjiżi terzi biex jappoġġaw il-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li jiġi adottat trattat internazzjonali li jorbot u li jistabbilixxi standards komuni għall-kummerċ dinji f’armi konvenzjonali, u li tassisti fl-iżgurar li dawn ikunu f’pożizzjoni biex jikkonformaw ma’ tali standards komuni possibbli.

II.   Proġetti

 

Għan:

Li tipprovdi assistenza teknika lil pajjiżi terzi interessati li wrew rieda li jtejbu l-istandards u l-prattiki tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, u biex jallinjaw l-istandards u l-prattiki tagħhom ma’ dawk maqbula u applikati mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008; u l-Gwida għall-Utenti li takkumpanjaha.

 

Deskrizzjonijiet u stima tal-ispejjeż:

(i)

Workshops ma’ gruppi ta’ pajjiżi

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ 5 workshops ta’ jumejn li għalihom ser jiġu mistiedna uffiċjali tal-gvern, tad-dwana u tal-liċenzjar mill-grupp ta’ pajjiżi magħżul. Rappreżentanti tal-industrija tad-difiża jistgħu wkoll jiġu mistiedna. Il-workshops jistgħu jseħħu f’pajjiż benefiċjarju jew f’post ieħor determinat mir-RGħ. It-taħriġ fl-oqsma rilevanti ser jingħata mill-esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, minn pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK; mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-IE u/jew mis-settur privat (inkluż NGOs).

(ii)

Skambji tal-persunal

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ massimu ta’ erba’ żjarat ta’ ħidma jew studju minn uffiċjali tal-gvern u/jew uffiċjali tal-liċenzjar mill-pajjiżi kandidati benefiċjarji tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri tal-UE jew massimu ta’ erba’ żjarat ta’ ħidma jew studju ta’ mhux aktar minn xahar minn uffiċjali tal-gven u/jew uffiċjali tal-liċenzjar mill-Istati Membri tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi benefiċjarji ta’ mhux aktar minn xahar (1).

III.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti ser ikun ta’ 24 xahar.

IV.   Benefiċjarji

 

L-ewwel nofs tal-2010:

(i)

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija; il-Bosnja u Ħerzegovina; il-Kroazja; Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; il-Montenegro u s-Serbja);

(ii)

L-imsieħba Mediterranji tal-Afrika ta’ Fuq għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija; l-Eġittu; il-Libja; il-Marokk u t-Tuneżija);

 

It-tieni nofs tal-2010:

L-imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja; l-Azerbajġan; il-Belarus; il-Ġeorġja; il-Moldova u l-Ukraina);

 

L-ewwel nofs tal-2011:

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija; il-Bosnja u Ħerzegovina; il-Kroazja; Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; il-Montenegro u s-Serbja);

 

It-tieni nofs tal-2011:

L-Imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja; l-Azerbajġan; il-Belarus; il-Ġeorġja; il-Moldova u l-Ukraina).

Jekk ċirkostanzi mhuż mistennija jagħmlu neċessarju li ssir emenda tal-lista tal-benefiċjarji jew iż-żmien taż-żamma tal-workshops, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM) jista’, fuq proposta mir-RGħ, jiddeċiedi li jagħmel dan.

Jekk xi wieħed minn dawn il-pajjiżi msemmija hawn fuq ma jkunx jixtieq jipparteċipa fil-workshop, pajjiżi addizzjonali jistgħu jiġu magħżula (2) mill-imsieħba addizzjonali li ġejjin tal-Politika Ewropea tal-Viċinat: l-Iżrael; il-Ġordan; il-Libanu; l-Awtorità Palestinjana u s-Sirja.

V.   Valutazzjoni tal-impatt

L-impatt ta’ din id-Deċiżjoni u l-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK għandu jiġi vvalutat mat-tmiem tal-aħħar workshop u l-iskambji tal-persunal taħt din id-Deċiżjoni. Dan ser isir fil-forma ta’ rapporti fattwali dwar l-adozzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti, l-istabbiliment ta’ awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni u kontrolli tal-esportazzjoni effettivi fil-pajjiżi benefiċjarji. Ir-rapporti ser jitħejjew mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE f’kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji.


(1)  L-għażla tal-benefiċjarji tal-iskambji tal-persunal għandha tinqabel fi ħdan il-Grupp ta’ Xogħol tal-Kunsill relevantifuq proposta tar-RGħ..

(2)  Li jrid jiġi maqbul tinqabel fi ħdan il-Grupp ta’ Xogħol tal-Kunsill relevanti fuq proposta mir-RGħ.