|
22.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 339/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Diċembru 2009
dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Latvja għax-xiri ta' art agrikola bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013
(2009/991/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 108(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja fis-17 ta' Novembru 2009,
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta' Novembru 2009, it-Repubblika tal-Latvja (minn issa “il-Latvja”) ppreżentat lill-Kunsill talba għal deċiżjoni f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar il-pjan tal-Latvja li tagħti għajnuna tal-Istat lill-bdiewa Latvjani għax-xiri ta' art agrikola. |
|
(2) |
Skont id-data pprovduta mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Latvja, 97,6 % tal-azjendi rurali kollha huma iżgħar minn 15,9 ettari. Konsegwentement, il-biċċa l-kbira tal-azjendi agrikoli Latvjani huma azjendi agrikoli ta' semi-sussistenza. L-istruttura tas-superfiċi sfavorevoli għall-azjendi agrikoli fil-Latvja, il-fatt li l-Latvija tirċiievi l-inqas livell ta' pagamenti diretti fost l-Istati Membri wara mekkaniżmu ta' dħul gradwali previst fl-Att ta' Adeżjoni tagħha tal-2003, u l-kontribut għal ħaddiema agrikoli sproporzjonatament għoli mqabbel mad-dħul jirriżultaw f'introjtu agrikolu baxx, li kompla naqas aktar fl-2009. |
|
(3) |
Skont id-data pprovduta mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Latvja, sas-sena 2007 kien hemm 1 930 900 ettaru ta' art agrikola iżda s-superfiċi ddikjarata għall-finijiet ta' appoġġ f'pagamenti diretti ma kinitx aktar minn 1 551 185 ettaru. Konsegwentement, 379 715 ettaru huma ta' proprjetà ta' u huma ġestiti minn persuni li mhumiex bdiewa. Għajnuna mill-Istat tippermetti lill-bdiewa biex jixtru din l-art agrikola. |
|
(4) |
Fl-2009, ir-reċessjoni dejjem tiggrava fl-ekonomija dinjija kkawżata mill-kriżi globali affettwat ħażin l-ekonomija Latvjana u l-azjendi agrikoli Latvjani kemm minħabba n-nuqqas ta' domanda kif ukoll minħabba t-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tax-xiri: fl-ewwel tliet kwarti tal-2009, il-prezzijiet tal-qamħ kienu madwar 37 %, il-prezzijiet tax-xgħir madwar 44 % u l-prezzijiet tal-ħalib madwar 38 % inqas mil-livelli fl-2008. |
|
(5) |
Is-sitwazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa fil-Latvja kompliet tiggrava bil-fatt li l-prezzijiet tal-fatturi ta' produzzjoni agrikoli żdiedu sew fl-2008 (il-fertilizzanti minerali b'67 %, is-servizzi veterinarji b'46 %, l-elettriku b'29 % u l-karburant bi 15 %) u ma naqsux fl-2009. L-ispejjeż tal-produzzjoni b'hekk baqgħu l-istess. X'aktarx li l-kundizzjonijiet ser ikomplu jiħżienu għal bosta azjendi agrikoli Latvjani, b'żieda konsegwenti fl-għadd ta' familji ta' bdiewa f'riskju ta' faqar. |
|
(6) |
Il-livell tal-qgħad fil-Latvja hu l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, u f'Settembru 2009 laħaq 19,7 % wara li żdied bi 62 % minn Jannar 2009. L-għajnuna tal-Istat għalhekk għandha tgħin lin-nies qiegħda biex jaqilbu għall-biedja billi tippermettilhom jixtru art agrikola. Hija għandha tagħti wkoll l-opportunità lill-bdiewa fuq semi-sussistenza li ma għadhomx jaħdmu bħala impjegati f'setturi barra mill-agrikoltura sabiex itejbu l-istruttura tas-superfiċi tal-azjenda tagħhom bl-għan li jiksbu introjtu li jiggarantilhom livell bażiku ta' għajxien mir-raba'. Għandha tiffaċilita wkoll il-bejgħ ta' art agrikola li tappartjeni lin-nies qiegħda li jeħtieġu l-kapital biex jaqilbu għal status ta' persuni li jaħdmu għal rashom. |
|
(7) |
Fid-dawl tan-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji tal-bdiewa u r-rati għoljin tal-interess fuq self kummerċjali għax-xiri tal-art, il-bdiewa jsibu diffikultajiet kbar biex jiksbu self kummerċjali għal investimenti bħax-xiri ta' art agrikola. F'Novembru 2009 r-rati tal-interess applikati mill-istituzzjonijiet tal-kreditu għal-linji ta' kreditu kummerċjali għax-xiri ta' art agrikola kienu aktar minn 15 % fis-sena. |
|
(8) |
Fl-2009 l-perijodu ta' reċessjoni stabbilixxa ruħu fuq is-suq tal-art agrikola. L-għadd ta' transazzjonijiet naqas konsiderevolment u skont il-Ktieb dwar l-Artijiet l-għadd ta' bejgħ u xiri ta' art naqas b’4,5 darba meta mqabbel mal-2007. |
|
(9) |
L-għajnuna mill-Istat mogħtija tammonta għal massium ta' 8 miljun lats Latvjani (LVL) u għandha tippermetti x-xiri ta' total ta' 70 000 ettaru ta' art agrikola minn madwar 1 000 bidwi matul il-perijodu mill-2010 sal-2013. Hija eliġibbli kemm l-art li tappartjeni lill-Istat u lil muniċipalitajiet, kif ukoll dik li tappartjeni li persuni fiżiċi. |
|
(10) |
L-għajnuna tal-Istat ser tieħu l-forma ta' sussidji għall-pagamenti ta' interessi fuq self li jkopru 4 punti perċentwali tar-rata tal-interess annwali applikata mill-bank. Madankollu, meta din ir-rata tal-interess annwali tkun inqas minn 4 punti perċentwali, ir-rata tal-interess kollha li fil-fatt titħallas minn min jissellef ser tiġi rifondata kollha kemm hi. |
|
(11) |
F'dan l-istadju l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura u lanqas ma ħadet pożizzjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà tal-għajnuna. |
|
(12) |
Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li jagħmluha possibbli li jiġi kkunsidrat li din l-għajnuna, b'deroga u sakemm ikun strettament meħtieġ sabiex ikun limitat il-faqar rurali fil-Latvja, hi kompatibbli mas-suq intern, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għajnuna tal-Istat eċċezzjonali mill-awtoritajiet Latvjani għal self għax-xiri ta' art agrikola, li tammonta għal massimu ta' LVL 8 miljun u li tingħata bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013, għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
E. ERLANDSSON