19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/93


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2009

dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Litwanja għax-xiri ta’ art agrikola tal-Istat bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013

(2009/983/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja fit-23 ta’ Novembru 2009,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika tal-Litwanja (minn hawn ‘il quddiem “il-Litwanja”) ppreżentat lill-Kunsill talba għal deċiżjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar il-pjan tal-Litwanja biex tingħata għajnuna mill-Istat lill-bdiewa Litwani għax-xiri ta’ art agrikola statali.

(2)

Minħabba dħul agrikolu insuffiċjenti, hu diffiċli li titjieb l-istruttura mhux favorevoli taż-żona tal-impriżi Litwani. Fl-2209, 52,5 % tal-azjendi agrikoli kollha kienu azjendi agrikoli ta’ mhux aktar minn 5 ettari.

(3)

Fl-2009, il-kriżi ekonomika u finanzjarja naqqset sostanzjalment il-prezzijiet tal-produtturi ta’ prodotti agrikoli fil-Litwanja: fl-ewwel kwart il-prezzijiet ta’ produtturi tal-prodotti agrikoli naqsu b’27 % meta mqabbla mal-ewwel kwart tal-2008, b’25,3 % fit-tieni kwart meta mqabbla mat-tieni kwart tal-2008 u b’8 % fit-tielet kwart meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2008. Il-prezzijiet tal-produtturi tal-għelejjel inlaqtu b’mod sinifikanti b’dan it-tnaqqis: matul l-istess perijodu ta’ referenza l-prezzijiet tal-produtturi tal-għelejjel naqsu għalhekk bi 33,6 %, 35,7 % u 17,9 %.

(4)

Fi tmiem l-2008 u fl-2009, minħabba n-nuqqas ta’ kapital ta’ ekwita tal-bdiewa u r-rati għolja ta’ interess applikati minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq self għax-xiri ta’ art agrikola, il-prospetti tal-bdiewa li joħorġu self għal investimenti bħax-xiri ta’ art agrikola taħt kondizzjonijiet tas-suq tnaqqsu drastikament. Fir-raba’ kwart tal-2008 u fl-2009, rati ta’ imgħax tal-kreditu fuq self għax-xiri ta’ art agrikola varjaw bejn 9,51 % sa 15,99 % kull sena.

(5)

L-għajnuna mill-Istat ser tingħata f’żewġ forom alternattivi: 1) bil-multiplikazzjoni tal-prezz tas-suq tal-art mixtrija b’fattur ta’ differenzazzjoni (0,6 jew 0,75 għall-bdiewa żgħażagħ, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fl-iskema ta’ għajnuna): 2) bil-bejgħ tal-art agrikola statali fuq bażi ta’ ħlas b’pagamenti, f’liema każ l-għajnuna tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax reali mħallsa mix-xerrej li hi ta’ 5 % bħala minimu u r-rata ta’ imgħax applikata mill-bank sellief.

(6)

L-għajnuna mill-Istat li għandha tingħata tammonta għal massimu ta’ 55 miljun litas Litwani (LTS) u għandha tippermetti x-xiri ta’ total ta’ 370 000 ettaru ta’ art agrikola - bħala 300 ettaru massimu ta’ art agrikola għal kull xerrej - matul il-perijodu mill-2010 sal-2013. L-ammont medju ta’ għajnuna għal kull impriża għandu jkun ta’ madwar LTL 11 000. L-art tista’ tinbiegħ lil persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin: huma jkunu ppreżentaw “applikazzjoni unika” fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-art f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (1) fis-sena li tippreċedi s-sena tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna mill-Istat; huma jamministraw l-kontabilità tal-azjenda agrikola;n ikollhom l-esperjenza fil-biedja prattika u jkollhom azjenda agrikola reġistrata jew ikollhom l-esperjenza fil-biedja prattika u jkollhom diploma fil-qasam tal-agrikoltura jew dokument li jiċċertifika t-taħriġ professjonali fil-biedja. L-art tista’ tinbiegħ lil persuni ġuridiċi, li għaliha tal-anqas nofs id-dħul annwali jkun magħmul mid-dħul ta’ bejgħ ta’ prodotti agrikoli kummerċjabbli u li għalihom hemm prova tal-vijabbiltà ekonomika tagħhom.

(7)

L-art agrikola statali tista’ tinbiegħ bi ħlas b’pagamenti matul perijodu ta’ mhux aktar minn 15-il sena, billi ix-xerrej jibda jħallas mit-tieni sena u jħallas 10 % tal-prezz minnufih, ħlief għall-bdiewa żgħażagħ taħt l-età ta’ erbgħin sena, li jeħtieġu biss iħallsu 5 %. Ix-xerrej għandu jilħaq l-istandards minimi tal-protezzjoni tal-ambjent, l-iġene u t-trattament xieraq tal-annimali.

(8)

Ma tapplika l-ebda proċedura ta’ sejħa ta’ offerti għal art agrikola statali iżda l-prezz hu kkalkulat skont il-Liġi Litwana dwar il-Fondazzjonijiet tal-Proprjetà u l-Valutazzjoni tan-Negozju, jiġifieri wara l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet ta’ kull biċċa art bil-prezz tas-suq. Differenzazzjoni ta’ 0,6 tapplika għall-prezz hekk ikkalkulat jekk il-bdiewa żgħażagħ taħt l-età ta’ erbgħin sena u li jkunu użaw l-art inkwistjoni għal tal-anqas sena jħallsu għaliha minnufih. Differenzazzjoni ta’ 0,75 tapplika fil-każ tal-bdiewa żgħażagħ taħt l-eta ta’ erbgħin sena u li jkunu użaw l-art inkwistjoni għal tal-anqas sena jħallsu għaliha bi ħlas b’pagamenti. Ix-xerrejja ta’ art agrikola statali ma jistgħux jibdlu l-għan prinċipali tal-użu tagħha qabel ħames snin mill-jum tax-xiri. Jekk waħda miż-żewġ differenzazzjonijiet imsemmija hawn fuq tkun ġiet applikata għall-prezz tal-art, ix-xerrej ma jistax jittrasferixxi din il-proprjetà qabel ħames snin mill-jum tax-xiri.

(9)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura u lanqas ma ħadet pożizzjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(10)

Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li jagħmlu l-konsiderazzjoni ta’ tali għajnuna possibbli, b’deroga u safejn hu meħtieġ strettament biex ir-riforma tal-art tintemm b’suċċess u biex jitjiebu l-istruttura tal-impriżi u l-effiċjenza tal-biedja fil-Litwanja, biex ikunu kompatibbli mas-suq intern,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna statali eċċezzjonali mill-awtoritajiet Litwani għal self għax-xiri ta’ art agrikola statali, li tammonta għal massimu ta’ LTL 55 miljun u li tingħata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18 (MT: Ħarġa Speciali, Kap 3, Vol 44, p. 243).