11.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/934/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009
li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL) (1) (id-“Deċiżjoni Europol”) u b’mod partikolari l-Artikoli 26(1)(b) u 59(1)(c) tagħha,
Wara li kkunsidra l-abbozz ta’ regoli ppreżentati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li dwaru l-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza ħareġ opinjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi skont id-Deċiżjoni Europol, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, li jadotta regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata (minn hawn ‘il quddiem ir-“regoli”),
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli,
(a) |
“Stati terzi” kif imsemmija fl-Artikolu 23(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol tfisser Stati li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; |
(b) |
“organizzazzjonijiet”, kif imsemmija fl-Artikolu 23(1)(b) tad-Deċiżjoni Europol tfisser organizzazzjonijiet bħal organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi subordinati tagħhom irregolati mil-liġi pubblika jew korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika li huma stabbiliti minn, jew abbażi ta’, ftehim bejn żewġ Stati jew aktar; |
(c) |
“partijiet terzi” tfisser Stati Terzi u Organizzazzjonijiet; |
(d) |
“korpi tal-UE”, tfisser istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, kif imsemmija fl-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Europol; |
(e) |
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija waħda li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha; |
(f) |
“informazzjoni kklassifikata” tfisser kwalunkwe informazzjoni u materjal fi kwalunkwe forma, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jwassal għal gradi varji ta’ preġudizzju għall-interessi essenzjali tal-Europol, ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri jew tal-imsħieħba ta’ kooperazzjoni tal-Europol, u li tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà adatti; |
(g) |
“ftehim strateġiku” tfisser ftehim li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni, bl-esklużjoni ta’ data personali; |
(h) |
“ftehim operattiv” tfisser ftehim li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża data personali; |
(i) |
“ftehim ta’ kooperazzjoni” tfisser ftehim strateġiku jew operattiv; |
(j) |
“arranġament ta’ ħidma” tfisser arranġament bejn l-Europol u korp tal-UE dwar il-kooperazzjoni tagħhom, li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni inkluża data personali; |
(k) |
“proċessar ta’ data personali” jew “proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew tibdil, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, allinjament jew interkonnessjoni, imblukkar, tħassir jew qerda; |
(l) |
“awtoritajiet kompetenti” tfisser il-korpi pubbliċi kollha li jeżistu fl-Istati Membri jew fi Stati terzi li huma responsabbli taħt il-liġi nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali. |
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dawn ir-regoli jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-korpi tal-UE u partijiet terzi, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata u jistabbilixxu l-proċeduri applikabbli għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u arranġamenti ta’ ħidma.
TITOLU II
KONKLUŻJONI TA’ FTEHIMIET TA’ KOOPERAZZJONI U ARRANĠAMENTI TA’ ĦIDMA
Artikolu 3
Stabbiliment ta’ relazzjonijiet mal-korpi tal-UE
Skont l-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ korpi tal-UE sakemm dan ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.
L-Europol għandu jfittex l-opinjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jekk huwa biħsiebu jidħol f’negozjati dwar ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament ta’ ħidma ma’ korp tal-UE li ma ssemmiex espliċitament fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Europol.
Artikolu 4
Proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi tal-UE
1. Skont l-Artikolu 22(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi tal-UE bil-għan li jiġu stabbiliti relazzjonijiet kooperattivi. Tali ftehimiet jew arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika, inklużi data personali u informazzjoni kklassifikata.
2. It-trasmissjoni ta’ informazzjoni kklassifikata għandha tkun permissibbli biss sa fejn ikun jeżisti ftehim dwar il-kunfidenzjalità bejn l-Europol u l-korp tal-UE. Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jkun mgħarraf b’tali ftehim, li għandu sussegwentement ikun formalizzat fil-ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament ta’ ħidma.
3. Kwalunkwe ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament ta’ ħidma bħal dan għandu jiġi konkluż biss wara approvazzjoni mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.
4. Jekk il-ftehim ta’ kooperazzjoni jew l-arranġament ta’ ħidma jikkonċerna l-iskambju ta’ data personali, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikseb l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza qabel l-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 5
Stabbiliment ta’ relazzjonijiet ma’ partijiet terzi
1. Skont l-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ partijiet terzi sakemm dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.
2. Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet ma’ partijiet terzi li tqiegħdu fuq il-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol. Tali ftehimiet jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika, inkluża data personali u informazzjoni kklassifikata. Fil-każ ta’ ftehim ma’ Stat terz, tali informazzjoni għandha tiġi trasmessa permezz ta’ punt ta’ kuntatt nominat li jiġi identifikat fil-ftehim.
3. L-Europol jista’ jibda l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ parti terza hekk kif tali parti terza titqiegħed fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 2.
4. Fejn il-konklużjoni ta’ ftehim operattiv ma’ parti terza tkun prevista, l-Europol għandu jagħmel valutazzjoni tal-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data żgurat minn dik il-parti terza. Dik il-valutazzjoni għandha tintbagħat lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jkun kiseb l-opinjoni minn qabel tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza. Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, għandu jittieħed kont tal-qafas regolatorju u l-prattika amministrattiva tal-parti terza kkonċernata fil-qafas tal-protezzjoni tad-data, inkluża kwalunkwe awtorità indipendenti eżistenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tad-data.
Artikolu 6
Proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ partijiet terzi
1. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) u b’kont meħud tal-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza, jekk id-Direttur għandux jidħol f’negozjati mal-parti terza dwar il-konklużjoni ta’ ftehim operattiv. Wara li jkun kiseb deċiżjoni pożittiva minn qabel tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur għandu jidħol f’negozjati mal-parti terza dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehim. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jikkunsidra l-konklużjoni ta’ ftehim strateġiku mal-parti terza kkonċernata.
2. It-trasmissjoni ta’ informazzjoni kklassifikata mill-Europol għandha tkun permissibbli biss sa fejn ikun jeżisti ftehim dwar il-kunfidenzjalità bejn l-Europol u l-parti terza. Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jkun mgħarraf b’tali ftehim, li għandu sussegwentement ikun formalizzat fil-ftehim ta’ kooperazzjoni.
3. Wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati ta’ ftehim, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz ta’ ftehim lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim operattiv, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikseb l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikkonferma l-abbozz ta’ ftehim qabel ma jippreżentah lill-Kunsill għall-approvazzjoni.
Fil-każ ta’ konferma ta’ ftehim operattiv, dak l-abbozz ta’ ftehim u l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill.
4. Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, tali ftehimiet għandhom jiġu konklużi biss wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, li preċedentement għandu jkun ikkonsulta lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u, sa fejn tali ftehimiet jikkonċernaw l-iskambju ta’ data personali, ikun kiseb l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza permezz tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.
Artikolu 7
Informazzjoni għall-Bord ta’ Amministrazzjoni
Id-Direttur għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fuq bażi regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati li għaddejjin ma’ korpi tal-UE u partijiet terzi.
TITOLU III
SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
KAPITOLU I
Riċeviment ta’ informazzjoni
Artikolu 8
Riċeviment ta’ informazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim
Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim jew arranġament ta’ ħidma ma’ korp tal-UE jew parti terza, l-Europol jista’, skont l-Artikoli 22(3) u l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Europol, direttament jirċievi u juża informazzjoni, inkluża data personali u informazzjoni kklassifikata, sakemm dan ikun meħtieġ għall-prestazzjoni leġittima tal-kompiti tiegħu elenkati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Europol.
KAPITOLU II
Trasmissjoni ta’ informazzjoni
Artikolu 9
Kondizzjonijiet għat-trasmissjoni ta’ informazzjoni lil korpi tal-UE u lil partijiet terzi
L-Europol jista’ jittrasmetti informazzjoni lil korp tal-UE jew lil parti terza biss taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:
1. |
Minkejja l-Artikoli 11 sa 14, informazzjoni tista’ tiġi trasmessa biss wara li ftehim jew arranġament ta’ ħidma jkun ġie konkluż mal-korp tal-UE jew il-parti terza skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II. |
2. |
Fejn id-data kkonċernata kienet trasmessa lill-Europol minn Stat Membru, l-Europol għandu jittrasmettiha lil korpi tal-UE jew partijiet terzi biss bil-kunsens ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel għal tali trasmissjoni, jew f’termini ġenerali jew suġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi. Tali kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin. |
3. |
Jekk id-data ma ntbagħtetx minn Stat Membru, l-Europol għandu jkun sodisfatt li ma jkunx hemm il-probabbiltà li t-trasmissjoni ta’ dik id-data:
|
4. |
It-trasmissjoni ta’ data personali lil partijiet terzi għandha tkun permissibbli biss fejn:
|
5. |
It-trasmissjoni ta’ informazzjoni kklassifikata mill-Europol għandha tkun permissibbli biss meta:
|
Artikolu 10
Responsabbiltà għat-trasmissjoni ta’ data
L-Europol għandu jkun responsabbli għal-legalità tat-trasmissjoni tad-data. L-Europol għandu jżomm rekord tat-trasmissjonijiet kollha ta’ data taħt dawn ir-regoli u tar-raġunijiet għal tali trasmissjonijiet. Id-data għandha tiġi trasmessa biss jekk ir-riċevitur jintrabat li d-data ser tintuża biss għall-fini li għalih tkun ġiet trasmessa.
Artikolu 11
Trasmissjoni ta’ informazzjoni lil korpi tal-UE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament ta’ ħidma
1. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim operattiv jew arranġament ta’ ħidma ma’ korp tal-UE l-Europol jista’, skont l-Artikolu 22(3) tad-Deċiżjoni Europol u taħt il-kondizzjonijiet li jinsabu stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u 9(3) ta’ dawn ir-regoli, jitrasmetti direttament informazzjoni, inkluż data personali, lil tali korp tal-UE sakemm din tkun meħtieġa għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tar-riċevitur.
2. It-trasmissjoni mill-Europol ta’ informazzjoni kklassifikata għandha tkun permissibbli biss sa fejn ikun jeżisti ftehim dwar il-kunfidenzjalità bejn l-Europol u l-korp tal-UE, skont l-Artikolu 4(2).
Artikolu 12
Trasmissjoni ta’ informazzjoni lil partijiet terzi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim
Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ma’ pajjiż terz, l-Europol jista’, skont l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Europol u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u 9(3) ta’ dawn ir-regoli, jittrasmetti informazzjoni direttament, bl-eċċezzjoni ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata, lil dik il-parti terza, sakemm dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tar-riċevitur.
Artikolu 13
Trasmissjoni ta’ informazzjoni lil partijiet terzi li mhumiex inklużi fil-lista tal-Kunsill
Skont l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Europol u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u 9(3) ta’ dawn ir-regoli, l-Europol jista’ jittrasmetti informazzjoni direttament, bl-eċċezzjoni ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata, lil partijiet terzi li mhumiex inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, sakemm din tkun assolutament meħtieġa f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ jew il-ġlieda kontra reati kriminali li fir-rigward tagħhom l-Europol huwa kompetenti.
KAPITOLU III
Trasmissjoni ta’ informazzjoni f’każijiet eċċezzjonali
Artikolu 14
Trasmissjoni ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata f’każijiet eċċezzjonali
1. Skont l-Artikolu 23(8) u 23(9) tad-Deċiżjoni Europol, u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u 9(3) ta’ dawn ir-regoli, l-Europol jista’ jittrasmetti data personali u kklassifikata li jkollha lil partijiet terzi safejn id-Direttur jikkunsidra li t-trasmissjoni tagħha hija assolutament meħtieġa biex jiġu salvagwardjati l-interessi essenzjali tal-Istati Membri kkonċernati, li jkunu fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol, jew fl-interessi tal-prevenzjoni ta’ periklu imminenti assoċjat ma’ kriminalità jew ma’ reati terroristiċi.
2. Fil-każ tat-trasmissjoni ta’ informazzjoni kklassifikata, id-Direttur għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Kumitat tas-Sigurtà mill-aktar fis possibbli bid-deċiżjoni tiegħu.
3. Fil-każ tat-trasmissjoni ta’ data personali, id-Direttur għandu fiċ-ċirkostanzi kollha jikkunsidra l-livell ta’ protezzjoni tad-data applikabbli għall-parti terza in kwistjoni bil-ħsieb li jibbilanċja dak il-livell ta’ protezzjoni tad-data u dawk l-interessi. Meta jagħmel dan, id-Direttur għandu jieħu kont tal-elementi rilevanti kollha, bħall-perikolu possibbli jekk l-Europol ma jittrasmettix id-data personali kkonċernata. Id-Direttur tal-Europol għandu jinforma kemm jista’ jkun malajr lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza bid-deċiżjoni tiegħu u bil-bażi tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni tad-data mogħti mill-parti terza kkonċernata.
4. Qabel it-trasmissjoni ta’ data personali skont il-paragrafu 1, id-Direttur għandu jivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni tad-data mogħti mill-partijiet terzi ikkonċernati, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti għat-trasmissjoni ta’ data personali, b’mod partikolari:
(a) |
in-natura tad-data; |
(b) |
l-għan li għalih hija maħsuba d-data; |
(c) |
it-tul tal-ipproċessar ippjanat; |
(d) |
id-dispożizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi ta’ protezzjoni tad-data li japplikaw għall-partijiet terzi; |
(e) |
jekk l-entità qablitx ma’ kondizzjonijiet speċifiċi rikjesti mill-Europol fir-rigward ta’ tali data. |
KAPITOLU IV
Kondizzjonijiet speċifiċi għat-trasmissjoni ta’ data personali
Artikolu 15
Finijiet li għalihom hija trasmessa d-data personali
1. Data personali mitluba mingħajr kwalunkwe indikazzjoni rigward l-għan ta’ u r-raġuni għat-talba m’għandhiex tiġi trasmessa.
2. It-trasmissjoni ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku jew sħubija trade-unjonistika u t-trasmissjoni ta’ data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali għandu jkun ipprojbit sakemm ma jkunx strettament meħtieġ.
Artikolu 16
Korrezzjoni u tħassir ta’ data personali
1. Meta l-Europol jittrasmetti data personali lil korp tal-UE jew parti terza, huwa għandu jiżgura li l-korp tal-UE jew il-parti terza riċevitur/riċevitriċi jintrabatu li d-data personali ser tkun korretta jew imħassra jekk jirriżulta li hija skorretta, ineżatta, m’għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi trasmessa. Fejn l-Europol jinnota li d-data personali hija skorretta, ineżatta, m’għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi trasmessa, il-korp tal-UE jew il-parti terza riċevitur/riċevitriċi għandhom minnufih jiġu nfurmati b’dan u mitluba jinnotifikaw lill-Europol li d-data ser tiġi korretta jew imħassra. Id-Direttur għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza dwar l-attivitajiet tal-Europol f’dan il-qasam.
2. Kwalunkwe ftehim konkluż għandu jistipula l-obbligu ta’ korrezzjoni jew tħassir f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.
3. Meta l-Europol jittrasmetti data personali, huwa għandu jiżgura li l-korp tal-UE jew il-parti terza riċevitur/riċevitriċi jintrabatu li d-data ser titħassar meta ma tkunx għadha meħtieġa għall-finijiet li għaliha kienet trasmessa.
KAPITOLU V
Trasmissjoni ulterjuri ta’ data lil korpi tal-UE u lil partijiet terzi
Artikolu 17
Awtoritajiet kompetenti u trasmissjoni ulterjuri
1. It-trasmissjoni ta’ data personali mill-Europol lil Stat terz u t-trasmissjoni f’dak l-Istat għandhom ikunu ristretti għall-awtoritajiet kompetenti, li għandhom ikunu msemmija espliċitament fi kwalunkwe ftehim konkluż.
2. Fi ftehimiet ta’ negozjati, l-Europol għandu jagħmel kull sforz biex jiżgura li, fejn possibbli, Stat terz jinnomina awtorità kompetenti waħda biex tkun il-punt ta’ kuntatt nazzjonali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra ta’ dak l-Istat terz.
3. Meta jkun qed jittrasmetti data personali, l-Europol għandu jiżgura li l-korp tal-UE jew il-parti terza riċevitur/riċevitriċi jintrabtu li t-trasmissjoni ulterjuri ta’ tali data tkun limitata għall-awtoritajiet kompetenti u sseħħ taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għat-trasmissjoni oriġinali.
4. Jekk ma jkunx possibbli għal Stat terż li jinnomina awtorità kompetenti waħda bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali, il-ftehimiet jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jipprovdu għat-trasmissjoni diretta ta’ informazzjoni mill-Europol lil awtorità kompetenti waħda jew aktar fl-Istat terz ikkonċernat.
Artikolu 18
Kondizzjonijiet għat-trasmissjoni ulterjuri
1. L-Europol għandu jittrasmetti biss data personali lil awtorità kompetenti ta’ Stat terz jew jittrasmetti data personali lil organizzazzjoni jew korp tal-UE jekk dik l-awtorità, l-organizzazzjoni jew il-korp jaqblu li ma jikkomunikawx dik id-data personali lil korpi oħra tal-UE jew partijiet terzi, ħlief taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.
2. It-trasmissjoni ulterjuri ta’ data personali minn awtorità kompetenti ta’ Stat terz, ta’ organizzazzjoni jew ta’ korp tal-UE li magħha l-Europol ikkonkluda ftehim operattiv tista’ sseħħ biss:
(a) |
bil-kunsens minn qabel tal-Europol, f’każijiet fejn il-korp tal-UE jew parti terza li tkun irċeviet id-data personali tkun ikkonkludiet ftehim operattiv mal-Europol; jew |
(b) |
b’mod eċċezzjonali, wara awtorizzazzjoni mid-Direttur, b’kont meħud tal-livell ta’ protezzjoni tad-data applikabbli lill-korp tal-UE jew lill-parti terza, jekk huwa jqis li t-trasmissjoni tad-data personali mill-korp tal-UE jew ta’ parti terza hija assolutament meħtieġa:
|
3. L-ebda trasmissjoni ulterjuri ta’ data kkomunikata lill-Europol minn Stat Membru m’għandha tkun permessa mingħajr kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat. Id-Direttur għandu jgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet għat-trasmissjoni permezz ta’ korp tal-UE jew parti terza pjuttost milli permezz ta’ trasmissjoni diretta ta’ tali data.
KAPITOLU VI
Kondizzjonijiet speċifiċi għar-riċeviment ta’ informazzjoni mill-europol minn partijiet terzi
Artikolu 19
Valutazzjoni tas-sors u tal-informazzjoni
1. Biex jiddetermina l-affidabbiltà tal-informazzjoni rċevuta mill-Europol, kif ukoll is-sors tagħha, l-Europol għandu jitlob lill-korp tal-UE jew lill-parti terza biex jevalwaw, safejn ikun possibbli, l-informazzjoni u s-sors tagħha skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/936/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li jadotta r-regoli implimentattivi għar-reġistri ta’ analiżi tal-Europol (2) (ir-“Regoli għar-reġistri ta’ analiżi tal-Europol”).
2. Jekk din l-evalwazzjoni ma tkunx provduta, l-Europol għandu jipprova, safejn ikun possibbli, jevalwa l-affidabbiltà tas-sors jew tal-informazzjoni abbażi tal-informazzjoni diġà fil-pussess tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-regoli għar-reġistri ta’ analiżi tal-Europol.
3. Fi ftehim, il-Europol u korp tal-UE jew parti terza jistgħu jaqblu f’termini ġenerali dwar l-evalwazzjoni ta’ tipi speċifikati ta’ informazzjoni u sorsi speċifikati skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-regoli għar-reġistri ta’ analiżi tal-Europol.
Artikolu 20
Korrezzjoni u tħassir ta’ informazzjoni riċevuta mill-Europol
1. Ftehimiet għandhom jistipulaw li l-korp tal-UE jew il-parti terza għandhom jinformaw lill-Europol meta huma jikkoreġu jew iħassru informazzjoni trasmessa lill-Europol.
2. Meta korp tal-UE jew parti terza jinformaw lill-Europol li huma kkoreġew jew ħassru l-informazzjoni trasmessa lill-Europol, l-Europol għandu jikkoreġi jew iħassar dik l-informazzjoni kif meħtieġ. L-Europol m’għandux iħassar l-informazzjoni jekk tkun għadha teħtieġ li tiġi proċessata għall-finijiet tar-reġistru ta’ analiżi kkonċernat jew, fejn l-informazzjoni hija maħżuna f’reġistru tad-data ieħor tal-Europol, l-Europol għandu interess ulterjuri fih, abbażi ta’ intelligence li hija aktar estensiva minn dik tal-korp tal-UE jew parti terza li jkun qed jittrasmetti d-data. L-Europol għandu jgħarraf lill-korp tal-UE jew lill-parti terza kkonċernata bit-tkomplija tal-ħażna ta’ dik l-informazzjoni.
3. Jekk l-Europol ikollu raġuni biex jemmen li l-informazzjoni pprovduta mhix eżatta jew li m’għadhiex aġġornata, huwa għandu jgħarraf lill-korp tal-UE jew lill-parti terza li jkunu pprovdew l-informazzjoni u jitlob lill-korp tal-UE jew lill-parti terza biex jgħarrfu lill-Europol dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar il-kwistjoni. Fejn l-informazzjoni hija korreġuta jew imħassra mill-Europol f’konformità mal-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jgħarraf lill-korp tal-UE jew lill-parti terza tal-provvista bil-korrezzjoni jew it-tħassir.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Europol, informazzjoni li b’mod ċar inkisbet minn Stat terz bi ksur ovvju tad-drittijiet tal-bniedem m’għandhiex tkun ipproċessata.
5. Il-ftehimiet għandhom jistipulaw li l-korp tal-UE jew il-parti terza għandhom jgħarrfu lill-Europol safejn possibbli f’każijiet fejn dak il-korp tal-UE jew il-parti terza għandu/għandha raġuni biex temmen li l-informazzjoni provduta mhix eżatta jew m’għadhiex aġġornata.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Ghall-Kunsill
Il-President
B. ASK
(1) ĠU L 121, 15.5.2009. p. 37.
(2) Ara paġna 14 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.