9.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-1 ta’ Diċembru 2009

li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-President tal-Kunsill Ewropew

(2009/909/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Waqt li jikkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 243 tiegħu,

Waqt li jikkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 422/67/KEE, 5/67/Euratom tal-25 ta’ Lulju 1967 li jiddetermina l-emolumenti tal-President u ta’ membri tal-Kummissjoni u tal-President, l-Imħallfin, l-Avukati-Ġenerali u r-Reġistrar tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, Membri u Reġistrar tal-Qorti ta’ Prim’Istanza u tal-President, Membri u Reġistrar tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (1),

Billi:

(1)

It-Trattat ta’ Lisbona jittrasforma l-Kunsill Ewropew f’istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u jistitwixxi l-uffiċju tal-President tal-Kunsill Ewropew b’mandat ta’ sentejn u nofs, rinnovabbli darba.

(2)

Il-kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-President tal-Kunsill Ewropew għandhom jiġu stabbiliti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 422/67/KEE, 5/67/Euratom tal-25 ta’ Lulju 1967 li japplikaw għall-President tal-Kummissjoni għandhom japplikaw b’analoġija għall-President tal-Kunsill Ewropew.

2.   Is-salarju bażiku fix-xahar tal-President tal-Kunsill Ewropew għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ 138 % għas-salarju bażiku ta’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-grad 16 it-tielet pass.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-President tal-Kunsill Ewropew mill-President tal-Kunsill.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2009.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU L 187, 8.8.1967, p. 1.