5.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/9 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Novembru 2009
li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lis-Serbja
(2009/892/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Billi:
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea (UE) qed jiżviluppaw fil-qafas tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u s-Sħubija Ewropea; Is-Serbja u l-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2008 ffirmaw Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u Materji relatati mal-Kummerċ. |
(2) |
Mit-tieni nofs tal-2008, l-ekonomija Serba ntlaqtet mill-kriżi finanzjarja internazzjonali, bi tnaqqis fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u bżonnijiet dejjem ikbar għall-finanzjament estern. |
(3) |
L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiku tas-Serbja huwa megħjun minn għajnuna finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). F’Novembru 2008, l-awtoritajiet Serbi qablu inizjalment mal-IMF dwar Arranġament Riżerva ġdid li ġie approvat f’Jannar 2009. |
(4) |
Wara deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika u l-bżonn ta’ reviżjoni tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm kif ukoll tal-bżonnijiet ogħla ta’ finanzjament estern, intlaħaq ftehim bejn is-Serbja u l-IMF f’Marzu tal-2009 biex l-Arranġament Riżerva jinbidel fi programm ta’ ħlas ta’ EUR 3 biljun, li ġie approvat fil-15 ta’ Mejju 2009 mill-Bord tal-IMF. |
(5) |
Fl-2009 u l-2010, il-Komunità biħsiebha tipprovdi għotjiet ta’ appoġġ baġitarju mill-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni li jammontaw għal total ta’ EUR 100 miljun. |
(6) |
Is-Serbja talbet għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja addizzjonali fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni u l-perspettiva ekonomiċi qegħdin imorru għall-agħar. |
(7) |
Billi jkun għad fadal distakk ta’ finanzjament fil-bilanċ tal-ħlasijiet fl-2010, l-għajnuna makrofinanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tas-Serbja fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali b’appoġġ għall-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm attwali tal-IMF. L-għajnuna finanzjarja preżenti hija wkoll mistennija tgħin biex jittaffew il-bżonnijiet baġitarji ta’ finanzjament. |
(8) |
Sabiex tkun żgurata protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Komunità marbuta ma’ din l-għajnuna finanzjarja, huwa neċessarju li ssir dispożizzjonigħal miżuri xierqa mis-Serbja relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra marbuta ma’ din l-għajnuna, kif ukoll għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri. |
(9) |
Il-ħruġ tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja huwa bla ħsara għas-setgħat tal-awtorità baġitarja. |
(10) |
Din l-għajnuna għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. |
(11) |
Għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, it-Trattat ma jipprevedix poteri għajr dawk fl-Artikolu 308, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli għas-Serbja, għajnuna makrofinanzjarja fl-għamla ta’ faċilità ta’ self b’ammont prinċipali massimu ta’ EUR 200 miljun u maturità medja massima ta’ 15-il sena bil-ħsieb li tgħin l-istabbilizzazzjoni ekonomika tas-Serbja u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-bżonnijiet baġitarji tagħha kif identifikati fil-programm attwali tal-IMF.
2. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem il-Komunità.
3. Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandu jiġi amministrat mill-Kummissjoni, b’koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-IMF u s-Serbja.
4. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tkun disponibbli għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1). Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tista’ tiddeċiedi illi testendi l-perjodu ta’ disponibbilità b’massimu ta’ sena.
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa illi tiftiehem mal-Awtoritajiet tas-Serbja, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja, li għandhom jiġi stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet milħuqa bejn l-IMF u s-Serbja. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tas-Serbja.
2. Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tas-Serbja, tal-proċeduri amministrattivi, u tal-mekkaniżmi interni u esterni ta’ kontroll li huma rilevanti għal tali għajnuna.
3. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perjodi regolari li l-politika ekonomika tas-Serbja hija konformi mal-għanijiet ta’ dik l-għajnuna Komunitarja u li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma jkunu qed jiġu sodisfatti b’mod sodisfaċenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods, u, fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
Artikolu 3
1. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lis-Serbja f’żewġ pagamenti ta’ self, soġġetti għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2. Id-daqs tal-istrumenti tas-self jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni pagament ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-ewwel pagament.
3. II-fondi Komunitarji għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tas-Serbja. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet spjegati fil-Memorandum ta’ Ftehim, inkluż konferma tal-bżonnijiet ta’ finanzjament baġitarju li fadal, il-kontrovalur tagħhom f’valuta lokali jista’ jiġi ttrasferit lit-Teżor tas-Serbja bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 4
1. L-operazzjonijiet ta’ self u tislif li hemm referenza għalihom f’din id-Deċiżjoni għandhom isiru f’euro bl-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu l-Komunità fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskju fil-kambju jew fir-rata tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.
2. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk is-Serbja tkun tixtieq, biex tiżgura li fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self tkun inkuża klawżola għall-ħlas qabel iż-żmien u li jkollha klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-self.
3. Fuq talba tas-Serbja, u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu inizjali jew parti minnu jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-attivitajiet ta’ rifinanzjar jew ristrutturar għandhom isiru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital li jkun hemm pendenti fid-data li jsir ir-rifinanzjar jew ir-ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha imġarrba mill-Komunità li huma relatati mal-operazzjonijiet ta’ self u tislif taħt din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mġarrba mis-Serbja.
5. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 5
L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) u r-regoli tal-implimentazzjoni tiegħu (2). Partikolarment, il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehimiet ta’ Self li għandu jsir qbil dwarhom mal-awtoritajiet tas-Serbja, għandhom jipprevedu miżuri xierqa mis-Serbja marbuta mal-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra, frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jinfluwenzaw l-għajnuna. Għandhom jipprevedu wkoll għal kontrolli mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), bid-dritt li jsiru kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, u għal verifiki mill-Qorti tal-Awdituri, fejn xieraq, li jitwettqu fuq il-post.
Artikolu 6
Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jindika l-konnessjoni bejn il-kundizzjonijiet politiċi kif stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim skont l-Artikolu 2(1), il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kontinwa tas-Serbja, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagament tal-għajnuna.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
B. ASK
(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).