4.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Lulju 2009

dwar l-iskema Groepsrentebox li l-Olanda qiegħda tippjana li timplimenta (C 4/07 (ex N 465/06))

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 4511)

(It-test Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/809/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Lulju 2006, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw l-iskema (groepsrentebox), li tipprovdi għat-tassazzjoni aktar baxxa u t-tnaqqis tal-imgħaxijiet rċevuti jew imħallsa fil-kuntest tar-relazzjonijiet fi ħdan grupp. In-notifika saret mill-awtoritajiet Olandiżi biss għall-finijiet taċ-ċertezza legali minħabba li dawn iqisu l-iskema bħala miżura ġenerali. Aktar informazzjoni kienet ipprovduta permezz ta’ ittri ddatati 5 ta’ Settembru 2006 u 9 ta’ Novembru 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra datata nhar is-7 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni għarrfet lill-Olanda li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-parti tal-iskema ta’ għajnuna relatata mat-tassazzjoni aktar baxxa u t-tnaqqis tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp (miżura A).

(3)

Fl-istess ittra, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Olanda li hija qieset li t-tassazzjoni aktar baxxa fuq depożiti għal perjodu ta’ żmien qasir immirati biex jiġi akkwistat ta’ mill-inqas 5 % ta’ kumpanija (miżura B) ma kienet tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(5)

L-awtoritajiet Olandiżi pprovdew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra datata nhar is-7 ta’ Mejju 2007.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-partijiet interessati. Hija għaddiethom lill-awtoritajiet Olandiżi, li min-naħa tagħhom kellhom l-opportunità jirreaġixxu; il-kummenti tagħhom ġew irċevuti permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Ġunju 2007.

(7)

Informazzjoni addizzjonali waslet mingħand l-awtoritajiet Olandiżi permezz ta’ ittri datati t-8 ta’ Novembru 2007 u d-29 ta’ Jannar 2008.

(8)

Nhar is-7 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Olandiżi provdew opinjoni legali mingħand Leigh Hancher, professoressa tad-Dritt Ewropew fl-Università ta’ Tilburg, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura notifikata kinitx tinvolvi għajnuna mill-istat.

(9)

Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Olandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li huma kienu ddeċidew li jemendaw l-iskema ta’ taxxa.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

II.1.   Għan

(10)

Skont l-awtoritajiet Olandiżi, il-miżura hija mmirata biex tnaqqas id-differenza fit-trattament fiskali bejn żewġ strumenti ta’ finanzjament fi ħdan grupp, jiġifieri l-ekwità u d-dejn.

(11)

Fis-sitwazzjoni kurrenti, meta kumpanija li tkun parti minn grupp tinjetta l-kapital f’kumpanija oħra li tkun tagħmel parti mill-istess grupp, hija tirċievi dividendi ta’ rimunerazzjoni li jkunu eżentati mit-taxxa permezz ta’ regoli li jeżentaw il-pussess tal-ishma, filwaqt li, meta hija ssellef il-flus lil kumpanija li tkun tagħmel parti mill-istess grupp, l-imgħaxijiet rċevuti jkunu ntaxxati bir-rata standard tat-taxxa korporattiva (25,5 %). Fuq il-livell tal-kumpanija li tirċievi l-fondi, id-dividendi mħallsa fuq injezzjoni tal-kapital ma jitnaqqsux, filwaqt li l-imgħaxijiet mħallsa fuq self ta’ flus jitnaqqsu bir-rata standard tat-taxxa korporattiva.

(12)

L-Olanda tirrimarka li l-għażla ta’ struttura organizzattiva ta’ organizzazzjonijiet indipendenti legalment normalment tiġi mqanqla minn raġunijiet ekonomiċi jew mil-liġi tal-kumpaniji. Id-differenzi fil-liġi ċivili bejn l-ekwità u d-dejn (responsabbiltà, termini ta’ ħlas lura, garanziji, drittijiet ta’ vot, eċċ.) huma fil-biċċa l-kbira tagħhom irrilevanti għall-finijiet finanzjament ta’ gruppi, filwaqt li l-konsegwenzi fiskali huma differenti b’mod sinjifikanti. Fi ħdan il-gruppi, jintgħażlu l-kundizzjonijiet finanzjament sabiex jinkiseb l-aktar piż fiskali baxx taħt is-sistema tat-taxxa applikabbli. Bħala riżultat, id-deċiżjoni li jiġi provdut kapital ta’ self jew kapital ta’ ekwità fi ħdan il-gruppi hija gwidata primarjament mill-kunsiderazzjonijiet fiskali.

(13)

Fl-opinjoni legali, il-Prof. Hancher issostni li l-impatt tad-differenza fit-trattament fiskali tad-dejn u l-ekwità fuq il-livell korporattiv, u s-soluzzjonijiet possibbli għall-konsegwenzi negattivi li dan jista’ jkollu, huma fuq quddiemnett fuq l-aġenda tal-politika f’ħafna pajjiżi tal-OECD. Skont il-Prof. Hancher, fil-letteratura tat-taxxa Olandiża, ripetutament saru sejħiet għal riforma fundamentali fit-taxxa korporattiva Olandiża u għal trattament newtrali finanzjament tad-dejn u l-ekwità fi ħdan gruppi ta’ kumpaniji.

(14)

L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li d-differenzi f’termini tat-trattament fiskali joħolqu forom ta’ arbitraġġ bejn żewġ mezzi ta’ finanzjament fi ħdan grupp li mhumiex mixtieqa ekonomikament. Fi ħdan grupp, l-għażla bejn il-finanzjament ta’ ekwità addizzjonali jew il-finanzjament ta’ dejn (addizzjonali) hija waħda arbitrarja, iżda l-konsegwenzi fiskali taż-żewġ tipi ta’ finanzjament huma differenti. Dan jista’ jwassal għal arbitraġġ li joħloq distorsjoni fin-newtralità tas-sistema tat-taxxa. Għaldaqstant, il-miżura tfittex li tipprevjeni l-arbitraġġ bejn il-finanzjament tad-dejn u tal-ekwità u li żżid in-newtralità tas-sistema tat-taxxa Olandiża.

(15)

L-introduzzjoni tal-groepsrentebox għandha tgħin biex jiġi assigurat li l-metodu ta’ finanzjament li jiġi użat f’kuntest ta’ grupp jiġi ddeterminat primarjament minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Hija ġġib it-trattament fiskali ta’ interess fi ħdan grupp ferm aktar konformi mill-qrib mat-trattament fiskali ta’ dividendi fi ħdan grupp, u għalhekk iġġib newtralità akbar bejn il-finanzjament tad-dejn fi ħdan grupp u tal-ekwità fi ħdan grupp.

(16)

Il-problema tal-arbitraġġ ma titfaċċax fil-każ ta’ finanzjament barra kuntest ta’ grupp. Hawnhekk, il-konsegwenzi differenti li jitfaċċaw fil-liġi ċivili huma tabilħaqq importanti, biex b’hekk din il-forma ta’ arbitraġġ ma tidhirx. Meta wieħed jikkunsidra d-differenzi inerenti bejn is-sitwazzjonijiet fi ħdan il-gruppi u barra l-gruppi, in-newtralità tat-taxxa għat-tranżazzjonijiet tal-iffinanzjar barra l-gruppi mhijiex rekwiżit. Għaldaqstant, fin-natura tal-affarijiet, il-miżura hija limitata għal self fi ħdan grupp.

(17)

L-awtoritajiet Olandiżi jirrimarkaw ukoll li fiż-żminijiet riċenti, l-impriżi Olandiżi kienu qegħdin inaqqsu aktar u aktar ammonti eċċessivi ta’ imgħaxijiet. It-trattament fiskali differenti tas-self u l-ekwità fi ħdan gruppi qiegħed jiġi sfruttat aktar u aktar mill-impriżi għall-ispejjeż tat-Teżor.

(18)

Il-miżura hija mfassla biex tikkumbatti din l-erożjoni tad-dħul mit-taxxi billi tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jużaw l-ekwità minflok is-self, u biex jillimitaw it-tnaqqis tal-imgħaxijiet fl-Olanda. L-iskema hija għalhekk komplimentari għar-regoli stretti tal-kapitalizzazzjoni Olandiżi li għandhom għan simili, fis-sens li hija tiskoraġġixxi l-finanzjament eċċessiv b’kapital ta’ self u tipprevjeni t-tnaqqis artifiċjali tal-bażi tat-taxxa fl-Olanda.

(19)

Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Olandiżi, l-iskema nnotifikata tikkostitwixxi miżura ta’ natura purament teknika.

II.2.   Bażi legali

(20)

Il-bażi legali tal-miżura hija l-Artikolu 12c tal-Att tal-1969 dwar it-Taxxa Korporattiva (Wet op de vennootschapsbelasting 1969). Din id-dispożizzjoni kienet iddaħħlet b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, iżda d-dħul fis-seħħ tagħha ġie pospost sakemm il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq il-kompatibbiltà mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.

II.3.   Kif ser taħdem il-miżura

(21)

Fl-Olanda, it-taxxa korporattiva ġeneralment tapplika għad-dħul tal-kumpaniji b’rata ta’ 25,5 %" (3). Il-miżura tal-‘group interest box” tipprovdi għat-trattament fiskali differenti għal ċerti imgħaxijiet fi ħdan grupp. L-imgħaxijiet mħallsa u rċevuti fil-kuntest ta’ finanzjament fi ħdan grupp mhux ser ikunu soġġetti għar-rata standard tat-taxxa korporattiva ta’ 25,5 %. Il-bilanċ pożittiv bejn l-imgħaxijiet rċevuti u dawk imħallsa fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament fi ħdan grupp jiġi ntaxxat fi “group interest box” bir-rata ta’ 5 %, minflok bir-rata standard tat-taxxa korporattiva ta’ 25,5 %. Jekk il-bilanċ tal-imgħaxijiet rċevuti u dawk imħallsa jkun negattiv, dan irid jitnaqqas, iżda bir-rata mnaqqsa ta’ 5 %, minflok bir-rata standard ta’ 25,5 %.

(22)

L-ammont li jista’ jiġi ntaxxat jew imnaqqas bir-rata mnaqqsa huwa limitat għal perċentwal tal-assi netti tal-persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ taxxa (fiscale vermogen). Din il-limitazzjoni hija mmirata biex tipprevjeni lill-impriżi li mhumiex ikkapitalizzati biżżejjed milli jabbużaw mill-miżura u biex tassigura li r-rata mnaqqsa tapplika biss fejn il-produzzjoni tas-self fi grupp tkun ġiet iffinanzjata bil-kapital ta’ ekwità.

(23)

Il-miżura tal-‘interest box’ għandha diversi dispożizzjonijiet oħrajn kontra l-abbuż. B’mod partikolari, l-imgħaxijiet li formalment huma dovuti lil parti terza (bank), iżda li fir-realtà jitħallsu lil organizzazzjoni ta’ grupp, jitqiesu bħala imgħaxijiet fi ħdan grupp li tħallsu. Dan japplika, pereżempju, fil-każ ta’ kostruzzjoni ‘back-to-back’ (4). L-imgħaxijiet li huma dovuti lil parti terza (bank) jitqiesu wkoll bħala mgħaxijiet fi ħdan grupp bi tnaqqis limitat, jekk ir-riżorsi miksuba permezz tas-self jiġu injettati fil-kapital jew jintużaw f’attività sussidjarja sabiex jiġu ġġenerati imgħaxijiet fi ħdan grupp b’taxxa baxxa fil-kumpanija sussidjarja.

(24)

Fin-notifika inizjali tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi indikaw li l-iskema mhux ser tkun obbligatorja għal perjodu minimu ta’ tliet snin. Jekk tintgħażel minn kumpanija waħda li tkun tappartjeni għal grupp, l-iskema mbagħad tapplika għall-kumpaniji l-oħrajn kollha tal-grupp li huma stabbiliti fl-Olanda. Il-kumpaniji eliġibbli, skont kif huwa ddefinit fl-iskema inizjali tal groepsrentebox, huma dawk li jappartjenu għal grupp wieħed, kif ġie definit b’mod speċifiku fl-iskema nnifisha, li titlob li kumpanija waħda jkollha aktar minn 50 % tal-ishma f’kumpanija oħra. Fi kliem ieħor, grupp għandu jkun kompost minn tal-inqas żewġ kumpaniji, il-kumpanija prinċipali li tikkontrolla aktar minn 50 % tal-ishma tal-kumpanija sussidjarja. Kull kumpanija għandha tkun soġġetta għat-taxxa korporattiva fl-Olanda. Dan ifisser li l-iskema tapplika għal kwalunkwe kumpanija stabbilita fl-Olanda jew għal kwalunkwe kumpanija stabbilita barra mill-Olanda iżda bi stabbiliment permanenti fl-Olanda.

II.4.   Emendi għall-iskema

(25)

Matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet Olandiżi għamluha ċara li huma kellhom il-ħsieb li jagħmlu l-iskema obbligatorja. Dan kien ikkonfermat permezz ta’ ittra ddatata nhar it-18 ta’ Diċembru 2008. L-iskema tal-“group interest box” issa tapplika għall-entitajiet kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fl-Olanda fir-rigward tal-imgħaxijiet mħallsa lill-kumpaniji fi grupp u l-imgħaxijiet rċevuti minn kumpaniji fi grupp.

(26)

Fl-ittra, l-awtoritajiet Olandiżi għarrfu wkoll lill-Kummissjoni dwar żewġ emendi addizzjonali għall-iskema. L-ewwel emenda tikkonċerna definizzjoni usa’ ta’ grupp għall-iskop tal-iskema tal-“interest box’. Id-definizzjoni ta’ entitajiet relatati ġiet emendata biex tkopri l-arranġamenti kollha, billi entità waħda għandha, direttament jew indirettament, kontroll effettiv fuq il-finanzjament tal-entità l-oħra, jew billi individwu jew entità terza għandha kontroll effettiv fuq il-finanzjament taż-żewġ entitajiet involuti fl-arranġament tas-self (5). It-tieni emenda ddaħħal dispożizzjoni li tagħmilha aktar faċli biex tiġi stabbilita kumpanija (sekondarja) skont il-liġi ċivili Olandiża, biex b’hekk il-grupp li jirriżulta jkun jista’ jibbenifika mill-iskema tal-“group interest box”. B’mod partikolari, il-kapital minimu statutarju kurrenti ta’ EUR 18 000 għal kumpanija kummerċjali b’responsabbiltà limitata (besloten vennootschap - BV) ser jitneħħa.

II.5.   Baġit

(27)

Skont in-notifika inizjali, il-baġit annwali tal-miżura nnotifikata kellu jammonta għal EUR 475 miljun. Fi stadju aktar tard, l-awtoritajiet Olandiżi indikaw li l-‘interest box’ obbligatorja għandha tkun newtrali minn perspettiva baġitarja.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(28)

Fl-ewwel deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tan-natura ġenerali tal-miżura. Hija enfasizzat li huma biss dawk il-kumpaniji li kienu jagħmlu parti minn grupp li jistgħu jieħdu vantaġġ mit-tassazzjoni aktar baxxa pprovduta mill-iskema (selettività de jure) u ssuspettat li jista’ jkun hemm gruppi multinazzjonali li jibbenifikaw mill-iskema, li tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil dawk il-gruppi (selettività de facto).

(29)

Il-Kummissjoni indikat li f’kuntest purament nazzjonali, il-miżura x’aktarx li tkun newtrali minn perspettiva fiskali. Madankollu, fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transkonfinali, kumpanija Olandiża li ssellef il-flus lil kumpanija affiljata stabbilita barra l-pajjiż, tkun soġġetta għal tassazzjoni aktar baxxa bir-rata ta’ 5 %, filwaqt li l-kumpanija affiljata stabbilita barra l-pajjiż ma tkunx soġġetta għar-regoli Olandiżi li jillimitaw it-tnaqqis tal-imgħaxijiet mħallsa. L-iskema għandha tipprovdi vantaġġ selettiv de facto, minħabba li huma biss il-gruppi ta’ kumpaniji multinazzjonali li jinvolvu ruħhom fi operazzjonijiet transkonfinali ta’ imgħaxijiet fi ħdan grupp f’ġurisdizzjonijiet fiskali b’rata tat-taxxa korporattiva ogħla minn 5 % li ser ikollhom inċentiv biex jużaw l-iskema.

(30)

Inkwantu l-miżura kienet maħsuba biex tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa, il-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk din kinitx iġġustifikata min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa.

(31)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-benefiċjarji ewlenin tal-iskema jistgħu jkunu dawk li qabel kienu benefiċjarji tal-iskema ta’ attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali, li kienet meqjusa li tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mill-istat (6).

(32)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni dehrilha li l-iskema tal-‘interest box’ tista’ titqies li tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, u li ma kienet tapplika ebda waħda mill-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 87(2) u (3).

IV.   KUMMENTI MILL-OLANDA

(33)

Il-kummenti mill-Olanda dwar l-ewwel deċiżjoni waslu fis-7 ta’ Mejju 2007 u kienu ssupplimentati minn noti addizzjonali fl-2007 u l-2008, inkluża opinjoni legali mogħtija mill-Prof. Hancher.

(34)

L-awtoritajiet Olandiżi jissottomettu li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha huwa inkorrett fuq tliet punti. L-ewwelnett, il-Kummissjoni tgħaqqad il-kriterji separati tal-‘vantaġġ’ u tas-‘selettività’ fi kriterju wieħed, jiġifieri ‘vantaġġ selettiv’. Dan mhuwiex konsistenti mal-prattika normali tal-Kummissjoni jew mal-ġurisprudenza, li jippreskrivu li dawn iż-żewġ kriterji għandhom jiġu applikati separatament.

(35)

It-tieni, il-Kummissjoni tonqos milli tevalwa l-komponenti tal-groepsrentebox separatament. Il-komponent possibbli ta’ għajnuna f’rata mnaqqsa għall-imgħaxijiet li ġew irċevuti fi ħdan grupp u l-komponent possibbli ta’ għajnuna f’rata mnaqqsa għall-imgħaxijiet li ġew imħallsa fi ħdan grupp għandhom jiġu evalwati separatament.

(36)

It-tielet, il-Kummissjoni tiżbalja meta tħares lejn l-effett nett fuq il-kumpanija li tħallas u dik li tirċievi l-ħlas flimkien, u tikkonkludi li l-effett nett huwa probabbilment newtrali għall-gruppi nazzjonali meta kemm dik li tħallas kif ukoll dik li tirċievi l-ħlas ikunu stabbiliti fl-Olanda, filwaqt li jkun hemm vantaġġ nett għall-gruppi multinazzjonali meta il-kumpanija li tħallas tkun tappartjeni lil grupp barrani u dik li tirċievi l-ħlas tkun waħda domestika. Skont l-awtoritajiet Olandiżi, ekwazzjoni ta’ din in-natura ma għandha ebda bażi fil-liġi tat-taxxa Olandiża. Il-kumpaniji Olandiżi li jappartjenu għal grupp jiġu kkonsolidati għal skopijiet ta’ taxxa biss fil-każ ta’ pussess ta’ ishma ta’ 95 % jew aktar.

(37)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi huma tal-opinjoni li l-groepsrentebox ma tistax titqies bħala devjazzjoni mill-metodu standard tat-tassazzjoni. Hija aġġustament li permezz tiegħu jiġi miżjud element analitiku fis-sistema tat-taxxa. Dan jirriżulta f’metodu ġdid ta’ tassazzjoni standard u, konsegwentement, ma jingħata ebda vantaġġ.

(38)

L-awtoritajiet Olandiżi jiċħdu li hemm xi vantaġġ għal xi raġuni oħra. Il-varjazzjoni netta kkawżata mill-groepsrentebox għall-gruppi multinazzjonali bi tqabbil mal-gruppi nazzjonali tista’ sservi ta’ vantaġġ għall-kumpaniji multinazzjonali, iżda tista’ tkun ukoll ta’ żvantaġġ għalihom. Kumpanija multinazzjonali li jkollha kumpanija affiljata Olandiża tista’ ġġib magħha vantaġġ jew żvantaġġ, skont il-pożizzjoni oġġettiva tagħha bħala debitriċi jew kreditriċi u skont ir-rati tat-taxxa applikabbli fi Stati Membri oħrajn u fl-Olanda.

(39)

B’mod alternattiv, jekk fil-fatt ikun hemm vantaġġ, l-Olanda hija tal-opinjoni li l-vantaġġ nett possibbli għall-gruppi multinazzjonali mhuwiex ir-riżultat ta’ rata Olandiża aktar baxxa għall-imgħaxijiet li jiġu rċevuti fi ħdan grupp, iżda ta’ tnaqqis bla limiti tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp imħallsa barra l-pajjiż. Dan il-vantaġġ mhuwiex attribwibbli għall-Istat Olandiż u mhuwiex iffinanzjat b’riżorsi tal-Istat Olandiż.

(40)

Effett nett possibbilment aktar vantaġġjuż għall-gruppi multinazzjonali, fi tqabbil mal-gruppi nazzjonali, mhuwiex il-konsegwenza tal-ambitu selettiv tal-“group interest box” Olandiża, iżda ta’ diskrepanza li tirriżulta minn regoli differenti dwar it-tnaqqis tal-imgħaxijiet ta’ grupp fi ħdan l-UE. L-Olanda hija libera li żżid jew tnaqqas din id-differenza billi temenda s-sistema tat-taxxa tagħha, sakemm l-emendi jkunu ġeneralment applikabbli għal dawk kollha li jħallsu t-taxxa fl-Olanda li, fid-dawl tal-objettiv segwit mill-emenda kkonċernata, ikunu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli.

(41)

Skont l-awtoritajiet Olandiżi, l-effett ġenerali tal-emendi fit-taxxi fuq il-gruppi multinazzjonali li jinvolvu ruħhom fi operazzjonijiet transkonfinali dejjem ser ikun differenti mill-effett fuq gruppi domestiċi li jagħmlu biss operazzjonjiet domestiċi. Għall-iskopijiet tal-għajnuna mogħtija mill-istat, dan huwa ta’ rilevanza biss jekk id-differenzi jkunu kkawżati mill-miżura tal-Istat Membru nnifsu, eż. fejn ikun hemm rata tat-taxxa aktar baxxa għad-dħul minn imgħaxijiet ta’ grupp barrani biss. Dan mhuwiex rilevanti fil-każ ta’ miżura ġenerali applikabbli għad-dħul kollu mill-imgħaxijiet ta’ grupp, domestiku u barrani, li jwassal għal differenzi transkonfinali.

(42)

Is-sempliċi koeżistenza tas-sistemi tat-taxxa mhux armonizzati tista’ tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-implikazzjonijiet fiskali netta tal-operazzjonijiet transkonfinali jkunu differenti mill-effett nett tal-operazzjonijiet purament domestiċi. Dan l-effett jista’ jkun kemm ta’ żvantaġġ (tassazzjoni ekonomika doppja) kif ukoll ta’ vantaġġ (non-tassazzjoni ekonomika).

(43)

Fit-Trattat tal-KE, l-Artikoli 94 u 95 joffru bażi għal direttivi jew regolamenti li jallinjaw l-arranġamenti eżistenti jekk dan ikun meħtieġ għall-istabbiliment jew it-tħaddim xieraq tas-suq komuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 96 joffri lill-Kummissjoni l-opportunità li tieħu azzjoni jekk ikun hemm differenza bejn il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stati Membri differenti li taffettwa serjament il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

(44)

Fit-tieni alternattiva ulterjuri, l-awtoritajiet Olandiżi huma tal-opinjoni li ma hemm ebda selettività. Billi tevalwa s-selettività permezz ta’ tqabbil tal-kombinazzjoni tad-debitur barrani u l-kreditur domestiku mal-kombinazzjoni tad-debitur domestiku u l-kreditur domestiku, il-Kummissjoni qiegħda tagħżel qafas ta’ referenza mhux korrett. Meta tiġi evalwata s-selettività tal-arranġamenti tat-taxxa Olandiża, il-qafas ta’ referenza ma jistax jestendi lil hinn minn dawk kollha li jħallsu t-taxxa fl-Olanda. Fi prattika stabbilita tal-Kummissjoni, il-qafas ta’ referenza ma jistax jinkludi kumpaniji li mhumiex soġġetti għat-taxxa fl-Olanda.

(45)

L-awtoritajiet tat-taxxa jenfasizzaw li l-iskema tat-taxxa mhijiex ristretta għal ċerti impriżi, jew għal ċerti attivitajiet jew funzjonijiet, jew inkella għal reġjuni partikolari. Fl-iskema ma hemm ebda distinzjoni bejn gruppi ta’ kumpaniji residenti jew mhux residenti. Biex tikkwalifika għall-iskema tal-groepsrentebox, ma japplika ebda limitu ta’ eliġibbiltà marbut ma’ attivitajiet jew funzjonijiet partikolari.

(46)

Minbarra dan, fid-dawl tal-objettiv tal-groepsrentebox, huma biss dawk l-impriżi li jifformaw parti minn grupp li huma f’sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli. Huma biss dawn l-impriżi li jkollhom il-problema tal-arbitraġġ deskritta fis-sezzjoni II.1.

(47)

L-Olanda tirrimarka li, fi ħdan il-gruppi, id-deċiżjonijiet dwar finanzjament huma intiżi biex inaqqsu l-piż tat-taxxa taħt is-sistema tat-taxxa applikabbli. Id-distinzjoni kummerċjali bejn il-finanzjament ta’ ekwità u l-finanzjament ta’ dejn (termini ta’ ħlas lura, responsabbiltà, garanziji), kuntrarju għad-distinzjoni tat-taxxa, hija fil-biċċa l-kbira tagħha irrilevanti. Barra l-gruppi, id-differenzi kummerċjali bejn il-finanzjament ta’ ekwità u l-finanzjament ta’ dejn huma tabilħaqq rilevanti ħafna, u jistgħu jissuperaw sewwa l-motivi mqanqla mit-taxxa.

(48)

L-awtoritajiet Olandiżi jinsistu li l-miżuri limitati għall-gruppi huma miżuri fiskali ta’ natura purament teknika li ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-istat: huma jgħidu li f’deċiżjoni dwar dispożizzjoni tat-tassazzjoni Franċiża, il-Kummissjoni aċċettat li miżura li twarrab ir-regola ġenerali li l-ħlasijiet tal-imgħaxijiet ikunu spejjeż deduċibbli f’self intern bejn il-kumpaniji kienet miżura ġenerali, iżda kkunsidrat eċċezzjoni ulterjuri għal dik ir-regola favur teżori korporattivi ċentrali stabbiliti fi Franza minn kumpaniji multinazzjonali bħala vantaġġ selettiv (7).

(49)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li t-twessigħ tal-ambitu għall-“group interest box” fir-realtà jispiċċa jwassal għas-selettività. Li kieku l-imgħaxijiet rċevuti minn partijiet terzi kellhom jiġu ntaxxati b’rata mnaqqsa, dan jirriżulta f’vantaġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

(50)

Huwa sottomess ukoll li s-suppożizzjoni li, minnhom infushom, ir-regoli speċifiċi tat-taxxa għall-imgħaxijiet jinvolvu s-selettività, mhijiex korretta. Il-finanzjament fi ħdan grupp ta’ organizzazzjonijiet ma jistax jiġi kkaratterizzat bħala attività ekonomika, iżda sempliċiment bħala realtà ekonomika. Il-flussi tal-imgħaxijiet bħala tali mhumiex attività ekonomika separata jew linja ta’ negozju; dawn iservu biss biex jiffinanzjaw attività ekonomika jew linja ta’ negozju. Il-finanzjament tad-dejn huwa attività distinta fiha nnifisha biss fil-każ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li n-negozju tagħhom jikkonsisti fl-iffinanzjar ta’ partijiet terzi. Minbarra dan, fir-rigward tal-imgħaxijiet riċevuti fuq depożiti għal żmien qasir li huma mmirati biex jiġu akkwistati ta’ mill-inqas 5 % tal-ishma ta’ kumpanija (miżura B), fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni nnifisha qieset li rata tat-taxxa aktar baxxa għal imgħaxijiet bħal dawn, fiha nnifisha ma kinitx tikkawża selettività, ladarba kienet meqjusa bħala miżura ġenerali.

(51)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li ma hemm ebda differenza kunċettwali bejn id-dividendi u l-imgħaxijiet. It-tnejn jikkostitwixxu kumpens għall-użu jew l-għoti tal-fondi, kemm jekk ekwità jew inkella dejn. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-fondi jintużaw minn min jirċevihom biex jiffinanzja attivitajiet ta’ negozju. Kull sistema tat-taxxa tinkludi regoli li taħthom id-dividendi u l-imgħaxijiet mħallsa jkunu jistgħu jitnaqqsu, jew jitnaqqsu parzjalment, jew inkella ma jitnaqqsux, u regoli li taħthom id-dividendi u l-imgħaxijiet ikunu taxxabbli, parzjalment taxxabbli jew eżentati mit-taxxa. Ma jeżisti ebda standard internazzjonali fir-rigward tat-taxxi li jiddetermina kif għandhom jiġu ttrattati dawn il-komponenti għal skopijiet ta’ taxxa.

(52)

Fl-alternattiva l-oħra, it-tassazzjoni limitata tipprevjeni diskrepanza interna fi ħdan is-sistema Olandiża u, bħala tali, hija ġġustifikata min-natura u l-iskop tas-sistema. It-tassazzjoni limitata tal-imgħaxijiet rċevuti fi ħdan grupp hija ġġustifikata mit-tnaqqis limitat tal-ħlasijiet tal-imgħaxijiet fi ħdan il-grupp. Dan jagħti ċ-ċans lill-impriżi organizzati bħala grupp biex jevitaw li jsofru mill-iżvantaġġ tat-tnaqqis limitat u tat-tassazzjoni sħiħa, filwaqt li l-impriżi organizzati bħala entità waħda ma jkollhomx ħlasijiet ta’ imgħaxijiet interni, u għalhekk, ma jsofru ebda żvantaġġ bħal dan.

(53)

Prinċipju fundamentali tal-liġi tat-taxxa Olandiża huwa li d-dħul u l-ispejjeż jiġu ttrattati b’mod simetriku. Skont il-loġika interna tas-sistema tat-taxxa Olandiża, id-dħul u l-ispejjeż huma żewġ naħat tal-istess munita. Sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, it-tassazzjoni limitata hija l-konsegwenza loġika tat-tnaqqis limitat.

(54)

Il-miżura proposta hija mmirata biex tassigura l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-newtralità fis-sistema tat-taxxa Olandiża billi telimina l-arbitraġġ bejn il-finanzjament tad-dejn u l-finanzjament tal-ekwità fi ħdan il-gruppi. Il-miżura tnaqqas id-differenza li teżisti bejn iż-żewġ tipi ta’ finanzjament fi ħdan grupp, biex b’hekk tittejjeb in-newtralità tas-sistema tat-taxxa. Għalhekk, il-limitazzjoni għall-imgħaxijiet ta’ grupp hija bbażata fuq raġuni fundamentali ekonomika u hija neċessarja u funzjonali għall-effettività tas-sistema tat-taxxa.

(55)

L-awtoritajiet Olandiżi jirrimarkaw li ċ-ċirku ta’ impriżi li sejrin jutilizzaw il-groepsrentebox ser ikun ferm usa’ mis-87 impriża li utilizzaw l-iskema ta’ qabel ta’ attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali. Huma jkomplu jsostnu li l-kundizzjonijiet tal-limitazzjoni ta’ dik l-iskema, bħar-rekwiżit taż-żewġ kontinenti jew tal-erba’ pajjiżi, huma kollha assenti mill-“group interest box”. Il-groepsrentebox hija miżura purament fiskali, li tirregola l-pressjoni tat-taxxa fuq il-kapital bħala fattur ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, hija tapplika għal kwalunkwe self tal-grupp li jidħol jew li joħroġ, u hija kompletament separata min-negozju mwettaq fil-kumpanija kkonċernata. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huwa għal kollox impossibbli li l-ambitu tal-miżura jiġi mqabbel mal-ambitu tal-iskema tal-awtoritajiet ta’ finanzjament internazzjonali.

(56)

In-natura obbligatorja tal-miżura għall-persuni taxxabbli kollha li jħallsu jew jirċievu imgħaxijiet mingħand kumpaniji affiljati turi biċ-ċar l-objettiv tal-groepsrentebox: it-titjib tan-newtralità tas-sistema tat-taxxa, permezz tat-tnaqqis tal-arbitraġġ u ż-żieda fid-dħul mit-taxxa korporattiva Olandiża. Din telimina wkoll l-element li jista’ jikkawża benefiċċju selettiv bħala riżultat tal-groepsrentebox.

(57)

Groepsrentebox obbligatorja mhux biss tippremja ż-żamma tal-kapital fl-Olanda, iżda fl-istess ħin tipprovdi diżinċentiv – simili għar-regoli stretti tal-kapitalizzazzjoni – għall-influss finanzjament tad-dejn fl-Olanda. Ir-regoli stretti tal-kapitalizzazzjoni fl-Olanda jiskoraġġixxu l-finanzjament żejjed ta’ kapital ta’ self fi ħdan gruppi billi jillimitaw id-deduċibbiltà tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp, filwaqt li l-groepsrentebox toffri rata mnaqqsa għall-imgħaxijiet fi ħdan grupp li jiġu rċevuti, diment li dawn jiġu ffinanzjati mill-kapital ta’ ekwità. Il-groepsrentebox issaħħaħ il-bażi tat-taxxa Olandiża billi tinkoraġġixxi proporzjon ogħla ta’ kapital ta’ ekwità mill-kapital ta’ self, u tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-ħruġ tal-kapital ta’ ekwità, u għalhekk, tal-bażi tat-taxxa, mill-Olanda.

(58)

Il-groepsrentebox hija miżura purament teknika li tbiddel it-trattament tas-sistema tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp billi żżid il-piż tat-taxxa fuq ċerti persuni taxxabbli u tnaqqas dan il-piż tat-taxxa minn fuq oħrajn, fuq il-bażi ta’ fatti u ċirkostanzi orizzontali u oġġettivi. Ladarba titneħħa l-possibbiltà ta’ ħruġ mill-iskema, il-groepsrentebox ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku, minħabba li hija sempliċiment tbiddel id-direzzjoni tal-piż tat-taxxa bejn il-persuni taxxabbli fuq kriterji purament orizzontali u oġġettivi.

(59)

L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li s-selettività de facto tista’ titfaċċa biss jekk ikun hemm riskju li, għalkemm il-miżura hija waħda ġenerali fin-natura tagħha, l-effett fil-prattika jkun li minnha dejjem jibbenifika grupp identifikabbli. Din it-tip ta’ selettività tista’ titfaċċa jekk il-miżura tkun waħda li tittieħed b’għażla, iżda mhux jekk il-miżura tkun obbligatorja. Il-persuni taxxabbli li jsofru minn żvantaġġ f’sena waħda jistgħu jgawdu minn vantaġġ fis-sena ta’ wara, u vice versa. Għalhekk, hemm kategorija omoġenja ta’ persuni taxxabbli li ma jibbenifikawx mill-iskema.

(60)

L-awtoritajiet Olandiżi huma tal-opinjoni wkoll li d-definizzjoni ġdida ta’ grupp ibbażat fuq il-kontroll effettiv hija allinjata aħjar mal-iskop tal-iskema. Jekk kumpanija waħda jkollha kontroll effettiv fuq il-finanzjament ta’ kumpanija oħra, din tal-aħħar ma tibqax libera li tagħżel bejn il-finanzjament permezz ta’ dejn jew inkella permezz ta’ ekwità. L-amministrazzjoni ċentrali tal-grupp tiddeċiedi kif il-fondi attirati minn barra – dejn estern jew ekwità esterna – iridu jiġu allokati fi ħdan il-grupp, jew permezz ta’ dejn intern jew inkella b’ekwità interna. Il-fatt li l-konsegwenzi fiskali taż-żewġ strumenti ta’ finanzjament fi ħdan grupp huma differenti jipprovdi inċentiv sabiex jintgħażel strument partikolari sempliċiment minħabba l-implikazzjonijiet fiskali tiegħu.

(61)

Finalment, il-bidla fil-liġi dwar il-kumpaniji kummerċjali b’responsabbiltà limitata ser tagħmilha faċli fil-ġejjieni għal persuna taxxabbli biex torganizza mill-ġdid l-istruttura legali tagħha fl-għamla ta’ grupp, minħabba li l-piż amministrattiv u r-rekwiżiti tal-kapital ser jitneħħew jew jitnaqqsu drastikament.

V.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(62)

Ġew irċevuti kummenti mingħand il-konfederazzjoni Olandiża tal-industrija VNO-NCW (8), mill-Belġju u l-Ungerija. Kummenti minn partijiet oħrajn ġew irċevuti wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma jistgħux jittieħdu f’kunsiderazzjoni fil-proċedimenti. Il-kummenti rċevuti mingħand il-parti terza kkonċernata, f’ebda eventwalità, ma setgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni u l-konklużjonijiet f’din id-Deċiżjoni.

V.1.   Kummenti mill-Konfederazzjoni tal-Industrija Olandiża

(63)

Il-VNO-NCW tqis li l-iskema inkwistjoni ma tistax tkun għajnuna inkompatibbli mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, għar-raġunijiet li ġejjin.

(64)

L-ewwelnett, il-VNO-NCW tqis il-groepsrentebox bħala miżura ġenerali, teknika u newtrali għat-taxxa, għaliex l-għan tal-iskema huwa li tnaqqas l-arbitraġġ tat-taxxa bejn il-finanzjament tal-ekwità u l-finanzjament tad-dejn fi ħdan grupp. Meta wieħed iqis in-newtralità tal-miżura, l-iskema ma tirriżulta f’ebda trattament favorevoli ta’ ċerti kumpaniji jew produzzjoni ta’ ċerti prodotti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(65)

It-tieni, il-vantaġġ fiskali għal grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali jirriżulta mid-diskrepanzi bejn it-trattament fiskali fuq l-imgħaxijiet fi ħdan grupp tal-Istati Membri, u ma jistax jiġi attribwit lill-Olanda. Vantaġġ fiskali jinħoloq minħabba li l-imgħaxijiet jistgħu jitnaqqsu fi Stat Membru ieħor b’rata ta’ taxxa ogħla minn dik applikabbli għall-‘interest box’, filwaqt li f’sitwazzjoni domestika, ir-rata li tapplika hija r-rata tal-groepsrentebox, iżda dan huwa riżultat dirett tad-diskrepanzi li jeżistu bejn ir-regoli legali tal-Istati Membri dwar it-trattament fiskali tal-imgħaxijiet ta’ grupp. F’każ li l-Kummissjoni turi x-xewqa li tneħħi d-distorsjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-groepsrentebox, il-VNO-NCW tissuġġerixxi li din tuża l-Artikolu 94 jew 96 tat-Trattat tal-KE.

(66)

It-tielet, il-VNO-NCW tqis li, fid-dawl tal-objettiv tal-iskema inkwistjoni, li huwa li tnaqqas l-arbitraġġ tat-taxxa bejn l-ekwità u d-dejn, il-kumpaniji li jappartjenu għal grupp mhumiex fl-istess sitwazzjoni de jure u de facto bħalma huma l-kumpaniji li ma jappartjenux għal gruppi. Id-differenza fit-trattament fiskali tal-ekwità u d-dejn tikkawża distorsjonijiet, b’mod partikolari fil-gruppi, peress li l-kumpanija prinċipali teżerċita xi kontroll fuq il-kumpaniji sussidjarji tagħha, biex b’hekk hija tkun tista’, sa ċertu punt konsiderevoli, tiddetermina l-għażliet ta’ finanzjament tagħhom, għażla li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tiġi deċiża mill-kunsiderazzjonijiet fiskali. Fil-kuntatti ma’ partijiet terzi, l-għażla ta’ finanzjament ta’ spiss tiġi ddeterminata minn fatturi differenti mill-kunsiderazzjonijiet fiskali. Bħala konsegwenza, ma jistax jingħad li l-iskema inkwistjoni hija selettiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Barra minn hekk, skont il-VNO-NCW, jekk is-sempliċi fatt li faċilità tat-taxxa hija sa ċertu punt limitata għal kumpaniji fi grupp iwassal għall-konklużjoni li din hija miżura ta’ għajnuna mill-Istat, is-sistemi tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri mhux ser ikunu konformi mal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE f’ħafna aspetti.

V.2.   Kummenti mill-awtoritajiet Ungeriżi

(67)

L-awtoritajiet Ungeriżi huma tal-fehma li l-iskema mhijiex miżura ta’ għajnuna, u jippreżentaw żewġ argumenti. L-ewwelnett, il-fatt li skema hija limitata għal gruppi ma jagħmilhiex selettiva. Fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni (internazzjonali), ir-regoli għall-gruppi ta’ kumpaniji huma prattika komuni u ma jistgħux jiġu evitati. Ġew ippreżentati ħafna regoli, li l-ambitu tagħhom huwa limitat għal gruppi, mill-OECD (prezzijiet ta’ trasferiment) u mill-Kummissjoni (eż. id-Direttiva dwar l-Interessi u r-Royalties). It-tieni, l-Ungerija ssostni li t-tassazzjoni diretta hija kwistjoni tal-Istati Membri. L-iffissar tar-rati tat-taxxa fir-rigward ta’ ċerti avvenimenti taxxabbli huwa fil-kompetenza domestika tagħhom. Finalment, l-Ungerija ssibha diffiċli biex tara kif l-Olanda tista’ tinżamm responsabbli għat-tnaqqis ogħla ġġenerat mir-rati tat-taxxa ogħla f’pajjiżi oħrajn, f’sitwazzjoni fejn it-tassazzjoni diretta ma ġietx armonizzata. Il-vantaġġ deskritt mill-Kummissjoni huwa ċertament riżultat ta’ diskrepanza li teżisti bejn is-sistemi tat-taxxa.

V.3.   Kummenti mill-awtoritajiet Belġjani

(68)

L-awtoritajiet Belġjani jappoġġjaw ukoll l-opinjoni li l-iskema mhijiex għajnuna mill-Istat, u jippreżentaw argumenti simili għal dawk espressi minn partijiet interessati oħrajn fir-rigward tan-nuqqas ta’ selettività. Il-Belġju jenfasizza li hija ħaġa loġika li impriża li ma tkunx tagħmel parti minn grupp ma jistax ikollha attivitajiet ta’ finanzjament fi ħdan grupp. L-awtoritajiet Belġjani jsostnu wkoll li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jistgħux jiġu applikati f’sitwazzjonijiet fejn id-diskrepanzi bejn is-sistemi tat-taxxa nazzjonali jeżistu minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-UE. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-iskema tal-groepsrentebox hija miżura ġenerali li mhijiex koperta mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u fil-mod kif qed issegwi l-każ, il-Kummissjoni qiegħda tuża l-poteri tagħha ħażin.

VI.   IR-REAZZJONI MILL-OLANDA GĦALL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI

(69)

L-awtoritajiet Olandiżi jinnotaw li l-kummenti tat-tliet partijiet kollha jappoġġaw il-perspettiva tagħhom. Kemm l-Ungerija kif ukoll il-Belġju jenfasizzaw li, fit-tentattiv li jiġi indirizzat it-tfixkil, li huwa l-konsegwenza tad-diskrepanzi li jeżistu bejn is-sistemi tat-taxxa li ma ġewx armonizzati, il-Kummissjoni qiegħda tabbuża mill-poteri tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Dan isaħħaħ l-opinjoni Olandiża li l-groepsrentebox ma tikkostitwixxi ebda miżura ta’ għajnuna pprojbita mill-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

(70)

L-Olanda tenfasizza li hija taqbel b’mod sħiħ mal-analiżi mħejjija minn VNO-NCW. Hija tagħti importanza partikolari lill-argument dettaljat li jikkonċerna l-qafas istituzzjonali, li jispjega b’mod ċar id-diversi forom ta’ tfixkil fis-suq waħdieni, li jistgħu jiġu kkawżati mill-miżuri nazzjonali meħuda mill-Istati Membri u l-istrumenti disponibbli skont it-Trattat tal-KE sabiex jiġi eliminat dan it-tfixkil, fejn ikun meħtieġ.

(71)

Finalment, l-awtoritajiet Olandiżi huma favur l-opinjoni tal-konfederazzjoni li sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx selettività, għandu jiġi aċċertat jekk ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti humiex iffavoriti fuq oħrajn li huma komparabbli de jure u de facto fid-dawl tal-objettiv tal-miżura kkonċernata. Ir-restrizzjoni għas-self fi grupp ma twassalx għas-selettività, għaliex l-objettiv tal-“group interest box” huwa l-prevenzjoni tal-arbitraġġ bejn il-finanzjament mill-kapital u l-finanzjament mis-self fi ħdan il-gruppi. Fil-finanzjament bejn il-kumpaniji li mhumiex konnessi fi grupp, l-arbitraġġ m’għandu assolutament ebda rwol. Ir-restrizzjoni għas-self fi grupp hija għalhekk loġika fid-dawl tal-objettiv tal-iskema, biex b’hekk il-qafas ta’ referenza rilevanti jikkonsisti mill-kumpaniji kollha li jagħmlu parti minn grupp.

VII.   IL-VALUTAZZJONI TAL-ISKEMA

(72)

Sabiex jiġi aċċertat jekk il-miżura li qegħdin nitkellmu dwarha tikkostitwixxix għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk din tiffavorixxix ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti billi tagħti vantaġġ ta’ natura ekonomika, jekk kwalunkwe vantaġġ bħal dan joħloqx distorsjoni jew jheddidx li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, jekk il-vantaġġ jingħatax permezz ta’ riżorsi tal-istat, u jekk il-vantaġġ jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(73)

Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura għandha tkun speċifika jew selettiva, fis-sens li tiffavorixxi biss ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti.

(74)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-miżura inkwistjoni mhijiex limitata għal ċerti setturi, għal ċerti tipi ta’ kumpaniji, jew għal ċerti partijiet tat-territorju Olandiż. Ma hemmx restrizzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-fatturat, id-daqs, in-numru ta’ impjegati, is-sħubija fi grupp multinazzjonali, jew in-natura tal-operazzjonijiet li l-benefiċjarji huma awtorizzati jwettqu.

(75)

Skont il-ġurisprudenza applikabbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex selettiva, huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk, fi ħdan il-kuntest ta’ sistema legali partikolari, dik il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi f’paragun ma’ oħrajn li jkunu f’sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli (9). Għalhekk, jista’ jagħti l-każ li sistema tat-tassazzjoni ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, anki jekk dan ma jkunx jikkorrispondi fil-każijiet kollha mas-sistema ġenerali tat-tassazzjoni korporattiva tal-Istat Membru. F’għadd kbir ta’ okkażjonijiet, il-Qorti sostniet ukoll li l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (10). B’mod partikolari, il-miżuri fiskali li ma jirrappreżentawx adattament għas-sistema ġenerali sabiex jintlaħqu l-karatteristiċi partikolari ta’ ċerti impriżi, iżda li ġew ippreżentati bħala mezz ta’ titjib tal-kompetittività tagħhom, jaqgħu taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE (11).

(76)

Madankollu, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma japplikax għal miżuri ta’ appoġġ mill-Istat, li jiddistingwu bejn l-impriżi fejn id-differenzjar jiġi min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li jifformaw parti minnha. Kif ġie spjegat fl-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli rigward l-għajnuna mill-istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju (12) (“l-avviż ta’ tassazzjoni”), “xi kundizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati minn differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli”.

(77)

L-ewwelnett, għandu jiġi ċċarat fuq liema livell (livell ta’ grupp jew livell ta’ impriża) għandha ssir l-evalwazzjoni. Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni indikat l-opinjoni preliminari tagħha li din l-evalwazzjoni għandha ssir fuq il-livell ta’ grupp, billi sostniet li fejn il-kumpaniji ta’ grupp purament domestiku jkunu għażlu il-groepsrentebox, il-vantaġġ tat-tassazzjoni mnaqqsa fuq l-imgħaxijiet rċevuti mingħand kumpanija ta’ finanzjament Olandiża jiġi mħassar mid-deduċibbiltà aktar baxxa fuq l-imgħaxijiet mħallsa mill-kumpanija ta’ finanzjament Olandiża (13).

(78)

L-awtoritajiet Olandiżi jqisu li, minħabba li l-miżura hija simetrika u sempliċiment tbiddel il-piż tat-taxxa bejn il-persuni taxxabbli, xi kumpaniji sejrin igawdu vantaġġ, filwaqt li oħrajn ser isofru żvantaġġ, skont il-pożizzjoni oġġettiva tagħhom bħala debituri jew kredituri. Għalhekk, il-groepsrentebox ma tinvolvi ebda għajnuna.

(79)

Kif irrimarkaw l-awtoritajiet Olandiżi fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ Diċembru 2008, fejn kumpanija waħda jkollha kontroll effettiv fuq il-finanzjament ta’ kumpanija oħra, din tal-aħħar ma tibqax libera li tieħu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tagħha, jew li tagħżel bejn il-finanzjament permezz ta’ dejn jew ekwità. L-amministrazzjoni ċentrali tal-grupp tiddeċiedi kif il-fondi attirati minn barra għandhom jiġu allokati fi ħdan il-grupp, jew permezz ta’ dejn intern jew inkella permezz ta’ ekwità interna.

(80)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura hija relatata ma’ operazzjoni speċifika (il-finanzjament ta’ kumpaniji relatati) u mhux ma’ konsolidazzjoni fuq livell ta’ grupp. Kwalunkwe rata tat-taxxa mnaqqsa għandha tiġi applikata individwalment għall-kumpaniji fuq il-bażi tal-bilanċ tal-groepsrentebox tagħhom. Anki jekk huwa mistenni li d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament jittieħdu fl-aħjar interess tal-grupp bħala ħaġa sħiħa, analiżi fuq il-livell tal-grupp ma għandha ebda bażi fil-liġi tat-taxxa Olandiża, bħalma rrimarkaw l-awtoritajiet Olandiżi. Skont il-liġi Olandiża, il-konsolidazzjoni tat-taxxa sseħħ biss fil-każ ta’ pussess ta’ ishma ta’ 95 % jew aktar. Fi kliem ieħor, it-taxxa korporattiva Olandiża tiġi intaxxata fuq entitajiet individwali, mhux fuq gruppi. Sa dak il-punt, l-isem mogħti lill-groepsrentebox ma jirriflettix kif jixraq il-fatt li din tapplika għal entitajiet individwali, involuti f’operazzjonijiet speċifiċi ta’ finanzjament. Il-miżura ma tikkonċernax bilanċ tal-ispejjeż/dħul ikkonsolidat fuq il-livell ta’ grupp.

(81)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-valutazzjoni tal-iskema għandha ssir fuq il-livell tal-kumpaniji individwali. L-iskema, kif emendata mill-awtoritajiet Olandiżi, tista’ tiġi deskritta bħala rata mnaqqsa fuq tip speċifiku ta’ dħul (jew spejjeż) fil-forma ta’ imgħax fuq self, meta t-tranżazzjoni sseħħ bejn kumpaniji relatati (14).

(82)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li s-simetrija tal-miżura u l-impatt newtrali tagħha fuq il-livell tal-grupp mhumiex biżżejjed biex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ vantaġġ għal kumpaniji individwali. Bl-istess mod, l-intaxxar tal-imgħaxijiet ta’ entità waħda fil-grupp b’rata aktar baxxa ma jistax jiġi ġġustifikat bl-intaxxar ta’ kumpanija oħra – permezz ta’ deduċibbiltà mnaqqsa tal-imgħaxijiet – b’rata ogħla (15).

Analiżi tan-natura selettiva tal-miżura

(83)

Il-Kummissjoni tqis li, għat-tassazzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ dħul, jista’ jkun importanti li jiġi ddeterminat jekk skema tkoprix kategoriji wiesgħa ta’ operazzjonijiet b’mod mhux diskriminatorju. Kwalunkwe diskriminazzjoni li ma tistax tiġi ġġustifikata b’differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(84)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li hija karatteristika tipika ta’ ħafna sistemi tat-taxxa li jkollhom elementi analitiċi li jikkumplimentaw in-natura sintetika tas-sistema tat-taxxa. Dan huwa partikolarment il-każ fejn tipi speċifiċi ta’ dħul, bħal imgħaxijiet jew dividendi, ikunu soġġetti għal trattament fiskali differenti.

(85)

Dan premess, għandu jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjonijiet ta’ self bejn il-kumpaniji relatati jistgħux jiġu intitolati b’mod oġġettiv għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa. L-awtoritajiet Olandiżi u l-VNO-NCW sostnew li fi ħdan il-gruppi biss jista’ jkun hemm arbitraġġ bejn il-finanzjament permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital u self. B’kuntrast mal-kumpaniji li ma jagħmlux parti minn grupp (‘kumpaniji indipendenti’), il-kumpaniji fi grupp huma kkonfrontati b’arbitraġġ bejn il-kapital ta’ ekwità u l-kapital ta’ self fi ħdan il-grupp tagħhom. Arbitraġġ bħal dan huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu influwenzat minn kunsiderazzjonijiet fiskali aktar milli minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

(86)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżura inkwistjoni ser ikollha l-effett ta’ tnaqqis ta’ dan l-arbitraġġ (f’sitwazzjoni domestika), billi d-differenza bejn it-tassazzjoni tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp u t-tassazzjoni tad-dividendi fi ħdan grupp ser titnaqqas, biex b’hekk tissaħħaħ in-newtralità teknika tas-sistema tat-taxxa.

(87)

Sabiex jiġi ċċarat dan il-punt, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn tliet tipi differenti ta’ sitwazzjonijiet (ara l-figura 1 hawn taħt) li jinvolvu kumpaniji relatati u kumpaniji indipendenti (inklużi istituzzjonijiet finanzjarji fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi indipendenti). Immaġina li A-B-C huwa grupp korporattiv, fejn A tikkontrolla l-finanzjament ta’ B u Ċ; X hija entità li ma tagħmilx parti minn grupp (kumpanija indipendenti) u Y hija istituzzjoni ta’ kreditu, li tipprovdi self lil partijiet indipendenti.

Figura 1

Image

(88)

L-ewwel sitwazzjoni hija dik ta’ operazzjonijiet finanzjarji bejn kumpaniji relatati. Il-kumpanija prinċipali A tipprovdi likwidità lill-kumpaniji sussidjarji tagħha B u Ċ, permezz ta’ self jew ekwità. Dawn l-operazzjonijiet finanzjarji jirriżultaw fil-ħlas (minn B jew Ċ) ta’ imgħaxijiet jew dividendi.

(89)

L-għażla bejn il-finanzjament ta’ self jew ekwità issir fuq il-livell tal-kumpanija prinċipali A fl-aħjar interessi tal-grupp ta’ kumpaniji relatati b’mod ġenerali. Bħala konsegwenza, meta l-kumpanija prinċipali A tiffinanzja waħda mill-kumpaniji sussidjarji (jew affiljati) tagħha, fil-fatt ikun hemm arbitraġġ bejn is-self u l-ekwità fuq il-bażi ta’ diversi kriterji. Waqt li ħtieġa għal likwidità fit-tul jew għal investiment ġeneralment tkun teħtieġ injezzjoni ta’ kapital, ir-rekwiżiti finanzjarji għal żmien qasir ikunu jeħtieġu biss l-għoti ta’ self (għal żmien qasir). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet fiskali jistgħu jinfluwenzaw dawn il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

(90)

Billi tnaqqas id-differenza fit-trattament fiskali tad-dħul minn self (imgħaxijiet) fi ħdan grupp u d-dħul minn kapital (dividendi) fi ħdan grupp, il-miżura ser ikollha l-effett li tillimita l-arbitraġġ tat-taxxa bejn iż-żewġ tipi ta’ operazzjoni f’sitwazzjoni domestika. It-tieni tip ta’ operazzjoni hija dik ta’ operazzjonijiet ta’ self bejn istituzzjoni finanzjarja (bank Y) u waħda mill-kumpaniji li tappartjeni għal grupp (kumpanija B). Fil-prinċipju, sitwazzjoni bħal din isseħħ meta r-rekwiżiti finanzjarji ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati mill-provvediment ta’ likwidità fi ħdan il-grupp. F’sitwazzjoni bħal din, ma jkun hemm ebda arbitraġġ għal Y, billi injezzjoni ta’ kapital f’B mhijiex alternattiva għal Y, li sempliċiment tfisser li din tkompli twettaq in-negozju tagħha li tagħti kreditu lill-partijiet terzi. Lanqas ma hemm xi arbitraġġ bejn is-self u l-ekwità fuq il-livell ta’ B (jew fuq il-livell ta’ grupp).

(91)

L-istituzzjonijiet finanzjarji (li jagħtu self lil partijiet indipendenti) jistgħu jiġu distinti mill-kumpaniji fi grupp (li jipprovdu likwidità lill-kumpaniji affiljati tagħhom) għal raġuni oħra. Fil-każ tal-istituzzjonijiet finanzjarji, id-dħul minn tali operazzjonijiet ta’ self jiġi ġġenerat min-negozju regolari tal-istituzzjonijiet u jista’ jikkostitwixxi parti kbira mid-dħul finanzjarju tagħhom. Fil-każ tal-kumpaniji fi grupp, tali dħul jiġi rriċiklat minn operazzjonijiet ma’ parteċipanti indipendenti fis-suq u jiġi ttrasformat fi dħul fi ħdan grupp, mingħajr ma jiġi ġġenerat ebda dħul fuq il-livell tal-grupp. L-imgħaxijiet mħallsa mill-kumpanija B lill-bank iġibu magħhom spejjeż addizzjonali mhux biss għall-kumpanija B, iżda wkoll għall-grupp b’mod ġenerali, filwaqt li, fl-ewwel sitwazzjoni, l-imgħaxijiet mħallsa mill-kumpanija B (jew Ċ) lill-kumpanija prinċipali tagħha ma jikkostitwixxu ebda dħul jew spejjeż addizzjonali għall-grupp.

(92)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-istituzzjonijiet finanzjarji la lmentaw u lanqas ippreżentaw xi osservazzjonijiet wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambitu tal-iskema tal-interest box.

(93)

Jekk inqisu s-sitwazzjoni mill-perspettiva tad-debitur (B fil-konfront ta’ Y), il-kumpanija tista’ titqabbel aħjar ma’ kumpanija indipendenti bħall-kumpanija X meta din tikkonkludi self mal-bank Y.

(94)

It-tielet sitwazzjoni hija dik ta’ operazzjoni ta’ self bejn istituzzjoni finanzjarja (bank Y) u kumpanija indipendenti (X). Bħal fis-sitwazzjoni preċedenti, Y ma tiġi kkonfrontata b’ebda arbitraġġ, minħabba li injezzjoni ta’ kapital f’B mhijiex alternattiva għal Y.

(95)

Għalkemm, f’xi ċirkostanzi, ir-rekwiżiti finanzjarji tal-kumpanija X jistgħu jiġu ssodisfati permezz tal-għoti ta’ self jew injezzjoni ta’ kapital minn azzjonisti individwali, din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi mqabbla mal-ewwel waħda, billi l-fornituri potenzjali tal-likwidità (persuni fiżiċi) mhumiex soġġetti għal tassazzjoni korporattiva. Minbarra dan, l-inkorporazzjoni ta’ operazzjonijiet bħal dawn ma’ investituri privati fl-ambitu tal-miżura (billi titnaqqas id-deduċibbiltà tal-imgħaxijiet mħallsa mill-kumpanija X lill-azzjonisti tagħha u billi simultanjament titnaqqas it-tassazzjoni ta’ dawn l-imgħaxijiet fuq il-livell tal-azzjonista individwali) għandha tkun estremament diffiċli, billi t-tassazzjoni individwali ma ssegwix l-istess loġika bħat-tassazzjoni korporattiva (16).

(96)

Jekk, mill-perspettiva tad-debitur, ir-rekwiżiti finanzjarji tal-kumpanija X jistgħu jiġu ssodisfati biss permezz ta’ rikors għal self ta’ flus mingħand istituzzjoni finanzjarja, bl-operazzjoni li tirriżulta ma’ Y tkun simili għat-transazzjoni ta’ self bejn il-kumpanija B u Y.

(97)

Ladarba fil-prinċipju, il-kumpaniji indipendenti li mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu mhumiex involuti fin-negozju regolari tal-għoti ta’ self lil partijiet indipendenti, dawn ma jsofrux diskriminazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ self, kif imqabbla mal-kumpaniji relatati li jagħtu self lil kumpaniji affiljati.

(98)

Finalment, l-Olanda biddlet id-definizzjoni ta’ ‘grupp’ għall-iskop tal-miżura tal-groepsrentebox. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li din il-bidla hija r-riżultat ta’ rfinar tal-approċċ tagħhom sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ tat-taxxa.

(99)

Fil-proposta l-ġdida, l-entitajiet sejrin ikunu relatati, biex b’hekk ikollhom l-opportunità li jdaħħlu l-imgħaxijiet fl-groepsrentebox, fejn entità waħda jkollha kontroll effettiv, direttament jew indirettament, fuq il-finanzjament tal-entità l-oħra. Il-Kummissjoni tqis din il-bidla bħala waħda importanti, ladarba jekk kumpanija waħda jkollha kontroll effettiv fuq il-finanzjament tal-kumpanija l-oħra, din tal-aħħar ma tibqax libera li tagħżel bejn il-finanzjament permezz ta’ dejn intern jew b’dejn estern, u lanqas ma tkun libera tagħżel bejn il-finanzjament permezz ta’ dejn jew permezz ta’ ekwità. L-arbitraġġ jitwettaq mill-amministrazzjoni ċentrali fl-aħjar interess tal-grupp b’mod ġenerali.

(100)

Ir-relazzjoni bejn A u B għandha x’taqsam mal-allokazzjoni tal-fondi fi ħdan il-grupp ta’ kumpaniji relatati, filwaqt li r-relazzjoni bejn Y u B (jew X u Y) għandha x’taqsam primarjament mal-finanzjament kummerċjali.

(101)

Il-Kummissjoni hija għalhekk tal-opinjoni li l-kunċett ta’ ‘kontroll effettiv dirett jew indirett fuq il-finanzjament tal-entità l-oħra’ (jew il-kontroll effettiv minn entità terza) miż-żewġ entitajiet involuti fl-operazzjoni ta’ self huwa “determinazzjoni tan-natura tal-miżura bħala għajnuna” relevanti, meta jitqies l-għan li jitnaqqsu l-inċentivi għall-arbitraġġ bejn il-finanzjament permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital u self, u li tiġi assigurata n-newtralità tat-taxxa f’dan ir-rigward.

(102)

Jekk induru għall-kwistjoni dwar jekk jinħoloqx vantaġġ mill-miżura inkwistjoni, jidher ċar li trid issir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet differenti fuq il-livell tal-kumpaniji individwali. L-ewwelnett, kull persuna taxxabbli fl-Olanda li tkun involuta f’operazzjoni ta’ finanzjament ta’ dejn ma’ kumpaniji mhux relatati tiġi ttrattata eżattament bl-istess mod, u tiġi ntaxxata bl-istess rata (25 %). Dan jinkludi kumpaniji li jagħmlu parti minn grupp. It-tieni, meta kumpanija tikseb self mingħand kumpanija relatata, hija tispiċċa ssofri trattament fiskali inqas vantaġġjuż minn kumpanija li tkun involuta f’relazzjoni ta’ self ma’ kumpanija mhux relatata (tnaqqis b’5 % biss). It-tielet – u din hija l-unika sitwazzjoni fejn jista’ jkun hemm vantaġġ ta’ taxxa – kumpanija li tipprovdi self lil kumpanija relatata tiġi ntaxxata fuq il-ħlasijiet tal-imgħaxijiet suċċessivi b’rata aktar baxxa mir-rata miżmuma fuq tranżazzjoni ma’ kumpanija mhux relatata.

(103)

Madankollu, f’termini tal-konsegwenzi tal-miżura, il-vantaġġ akkwistat fuq kumpanija li tipprovdi self lil kumpanija relatata ma jistax jitqies bħala diskriminatorju, peress li self lil kumpanija relatata ma jistax jitqabbel ma’ self lil kumpanija mhux relatata. Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ finanzjament ta’ dejn, il-kumpaniji relatati mhumiex f’sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli ma’ dik tal-kumpaniji mhux relatati. Ir-raġuni hija li l-kumpaniji relatati, kuntrarju għall-kumpaniji mhux relatati, ma jkunux involuti f’operazzjoni sempliċiment kummerċjali meta jipprovaw jiksbu finanzjament ta’ self jew ta’ ekwità fi ħdan il-grupp. Il-kumpanija prinċipali u dik sussidjarja jaqsmu l-istess imgħaxijiet, li mhuwiex il-każ f’operazzjoni kummerċjali ma’ fornitur terz ta’ finanzjament, fejn kull parti tipprova tieħu l-massimu tal-profitti tagħha għall-ispejjeż tal-parti l-oħra. Ma jkun hemm ebda pressjoni kompetittiva mill-kumpanija Y fuq il-kumpanija A meta tipprovdi self lill-kumpanija B, għas-sempliċi raġuni li l-kumpanija A tikkontrolla kwalunkwe deċiżjoni tal-kumpanija B fir-rigward tal-finanzjament.

(104)

Ir-rekwiżit li l-kontroll għandu jiġi eżerċitat fuq kumpanija oħra huwa għalhekk kriterju li japplika b’mod ġenerali għall-kumpaniji kollha, irrispettivament mid-daqs, is-settur jew kwalunkwe distinzjoni oħra. Rata differenti ta’ tassazzjoni għall-finanzjament ta’ dejn bejn kumpaniji relatati tirrifletti biss differenzi oġġettivi u ma taffettwax in-newtralità tat-taxxa.

(105)

Waqt li, fil-mod kif ifasslu r-regoli tat-taxxa, l-Istati Membri huma marbuta bir-regoli dwar il-moviment liberu tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kapital u dwar il-libertà tal-istabbiliment, permezz tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, u permezz ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tirrikonoxxi li d-dritt Komunitarju jħalli lill-Istati Membri diskrezzjoni konsiderevoli fil-qasam tat-tassazzjoni. Kif ġie spjegat b’mod ċar fil-paragrafu 13 tal-avviż dwar it-tassazzjoni, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat ma jirrestrinġux il-poter tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-politika ekonomika li huma jqisu li hija l-aktar waħda xierqa u, b’mod partikolari, li jaqsmu l-piż tat-taxxa skont kif jidhrilhom li huwa xieraq bejn il-fatturi differenti tal-produzzjoni.

(106)

F’dan il-kuntest, ir-restrizzjoni tal-arbitraġġ eżistenti bejn il-finanzjament ta’ dejn u ta’ ekwità fi ħdan grupp (kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe abbuż mit-tnaqqis tal-imgħaxijiet fi ħdan grupp) tista’ tkun ta’ tħassib leġittimu għall-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-arbitraġġ bejn ekwità u dejn jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn kumpanija tkun sfurzata mill-kumpanija prinċipali tagħha biex tieħu self fi ħdan grupp minflok ekwità, u b’hekk ikollha aktar leverage, bil-għan li tnaqqas it-taxxa korporattiva tagħha. Madankollu, minn perspettiva ekonomika, il-leveraging għoli tad-dejn jew l-obbligu li jitħallsu l-imgħaxijiet, minflok li kumpanija tibbenifika minn finanzjament fit-tul fil-forma ta’ kapital, mhux dejjem jistgħu jkunu mixtieqa. Barra minn hekk, l-Olanda tidher li tilfet id-dħul mit-taxxi bħala riżultat tal-arbitraġġ ta’ dejn/ekwità.

(107)

Il-miżura hija miftuħa għal kwalunkwe kumpanija soġġetta għat-taxxa korporattiva u li tirċievi jew tħallas l-imgħaxijiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet fi ħdan grupp, u ma tinkludi ebda element diskriminatorju, bħal limitazzjoni fir-rigward tal-pajjiż fejn trid issir it-tranżazzjoni.

(108)

Il-fatt li l-iskema introdotta trid tkun obbligatorja jassigura li din tkun tapplika għall-kumpaniji kollha fi grupp (b’operazzjonijiet ta’ self fi ħdan grupp) mingħajr ebda possibbiltà li toħroġ minnha u mingħajr ebda trattament differenti bejn il-kumpaniji fi grupp. Barra minn hekk, id-definizzjoni l-ġdida ta’ kumpaniji fi grupp għall-iskop tal-miżura, ibbażata fuq il-kontroll minflok fuq ekwità minima, tnaqqas l-elementi potenzjali ta’ selettività de jure billi twessa’ l-ambitu tal-miżura.

(109)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel deċiżjoni, hija ma rċeviet ebda lment jew osservazzjoni mingħand ir-rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu fl-Olanda li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju mhux ser ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-miżura.

Kuntest transkonfinali versus kuntest nazzjonali

(110)

Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn sitwazzjoni purament nazzjonali, fejn il-kumpaniji kollha li jappartjenu għal grupp kienu stabbiliti fl-Olanda, u sitwazzjoni transkonfinali, fejn kumpanija Olandiża ssellef il-flus lil kumpanija affiljata stabbilita barra l-pajjiż. F’kuntest purament nazzjonali, il-Kummissjoni qalet li l-miżura x’aktarx tkun newtrali mil-lat ta’ taxxa. Min-naħa l-oħra, fl-operazzjonijiet transkonfinali, il-kumpanija Olandiża tkun soġġetta għal tassazzjoni aktar baxxa bir-rata ta’ 5 %, waqt li l-kumpanija affiljata stabbilita barra l-pajjiż ma tkunx soġġetta għar-regoli Olandiżi li jillimitaw id-deduċibbiltà tal-imgħaxijiet mħallsa. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema tista’ tipprovdi vantaġġ selettiv de facto, minħabba li huma biss il-grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali involuti fl-operazzjonijiet transkonfinali ta’ imgħaxijiet fi ħdan grupp f’ġurisdizzjonijiet tat-taxxa b’taxxa korporattiva ogħla minn 5 % li jkollhom inċentiv biex jużaw din l-iskema.

(111)

Il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjoni finali tagħha ma għandha tagħmel ebda distinzjoni bejn sitwazzjonijiet purament nazzjonali u sitwazzjonijiet transkonfinali.

(112)

L-ewwelnett, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-iskema jibqgħu l-istess fis-sitwazzjonijiet nazzjonali u f’dawk transkonfinali. L-iskema ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tiddistingwi bejn dħul jew spejjeż domestiċi u barranin.

(113)

It-tieni, kif ġie rrimarkat tajjeb mill-awtoritajiet Olandiżi u l-partijiet interessati, kwalunkwe vantaġġ miksub f’kuntest transkonfinali lil hinn mill-vantaġġ miksub f’kuntest nazzjonali, huwa r-riżultat mhux tar-rata Olandiża aktar baxxa għall-imgħaxijiet fi ħdan grupp li jkunu ġew irċevuti, iżda r-riżultat ta’ tnaqqis bla limitu għal imgħax fi ħdan grupp imħallsa barra l-pajjiż.

(114)

Ir-rati tat-taxxa korporattiva mhumiex armonizzati fl-UE, u l-Olanda mhijiex fil-kontroll tar-rati applikati minn pajjiżi oħrajn. Jekk l-impriżi jirnexxielhom jieħdu vantaġġ mid-differenza fir-rati tat-taxxi, jiġifieri min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-Olanda mhijiex responsabbli. Kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (17), l-impriżi huma liberi li jieħdu vantaġġ mid-differenzi fil-livelli ta’ tassazzjoni fl-Istati Membri.

(115)

Il-Kummissjoni taqbel li kwalunkwe vantaġġ li jirriżulta minn kuntest internazzjonali dovut għal rata ta’ tassazzjoni baxxa fl-Olanda, li mhuwiex rifless minn rata baxxa ta’ tnaqqis fl-Olanda iżda minflok jikkorrespondi għal rata ta’ tnaqqis normali barra l-pajjiż, mhuwiex attribwibbli għall-Olanda (18).

(116)

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-vantaġġ li jirriżulta mit-tnaqqis bir-rata normali barra l-pajjiż ma jiġix iffinanzjat permezz ta’ riżorsi Olandiżi, u, fil-pajjiż ikkonċernat, it-tnaqqis bir-rata normali jiġi biss mill-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa normali (u mhux minn miżura speċifika li tiddevja minnha).

(117)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe vantaġġi fuq il-livell ta’ grupp multinazzjonali li jirriżultaw minn sitwazzjoni transkonfinali, kif ġie deskritt fl-ewwel deċiżjoni tagħha, huma r-riżultat tad-diskrepanzi tat-taxxa bejn id-diversi ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa u għalhekk għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

Is-settur finanzjarju

(118)

B’mod ġenerali, u għal kwalunkwe miżura ta’ taxxa, ma jistax jiġi injorat li l-kumpaniji li jappartjenu għal grupp li qegħdin joperaw f’setturi speċifiċi jistgħu jibbenifikaw aktar mill-miżura minħabba l-intensità ogħla tal-operazzjonijiet finanzjarji fis-settur tagħhom. Dan huwa partikolarment minnu għall-kumpaniji fis-settur finanzjarju, li l-attività prinċipali tagħhom hija s-self, u li jistgħu jżidu sewwa s-self lil kumpaniji relatati bħala riżultat tal-miżura. Madankollu, qabel xejn għandu jiġi nnotat li sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż mill-miżura, il-miżura Olandiża tinkludi dispożizzjoni li tillimita l-ammont li jista’ jiġi ntaxxat jew imnaqqas b’rata mnaqqsa (ara s-sezzjoni II.3). Din il-limitazzjoni tapplika b’mod partikolari għal kumpaniji fis-settur finanzjarju, biex b’hekk tillimita kwalunkwe riskju ta’ abbuż. Barra minn hekk, l-avviż tat-tassazzjoni tal-Kummissjoni jindika li ‘il-fatt li xi kumpaniji jew xi setturi jibbenifikaw aktar minn oħrajn minn uħud minn dawn il-miżuri ta’ taxxa ma jfissirx neċessarjament li dawn jinqabdu mir-regoli dwar il-kompetizzjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat (19).

Paragun mal-ambitu ta’ dik li kienet l-iskema għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali

(119)

Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni qieset li ma jistax jiġi injorat li l-benefiċjarji ewlenin tal-iskema jistgħu jkunu l-ex benefiċjarji tal-iskema għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali, li kienet meqjusa li tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mill-Istat.

(120)

Għandu jiġi nnotat li sabiex jikkwalifikaw għall-iskema tal-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali, il-kumpaniji riedu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

il-kumpanija li tibbenifika mill-iskema kien ikollha twettaq attivitajiet ta’ finanzjament għal partijiet tal-grupp f’mill-inqas erba’ pajjiżi jew mill-inqas f’żewġ kontinenti,

kienu eliġibbli biss dawk l-operazzjonijiet ta’ finanzjament li setgħu jitwettqu b’mod indipendenti mill-Olanda,

mhux aktar minn 10 % tal-kapital totali (dejn u ekwità) użati mill-kumpanija għall-attivitajiet ta’ finanzjament tagħha setgħu jiġu applikati, direttament jew indirettament, fil-kumpaniji fi grupp ibbażati fl-Olanda.

(121)

Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, u n-numru limitat ta’ benefiċjarji (87), il-Kummissjoni qieset l-iskema għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali bħala miżura selettiva.

(122)

Kif ġie rrimarkat mill-awtoritajiet Olandiżi, fil-miżura tal-groepsrentebox ma hemmx rekwiżiti bħal dawn. Barra minn hekk, il-korp ta’ impriżi li għandhom jibbenifikaw mill-groepsrentebox ser ikun ferm usa’ mis-87 impriża li utilizzaw l-iskema għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali.

(123)

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li l-kumpaniji (multinazzjonali) kbar ser ikollhom aċċess aktar faċli għall-iskema mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għalhekk sejrin jibbenifikaw minnha b’mod sproporzjonat. Skont l-istatistiċi pprovduti mill-awtoritajiet Olandiżi, li jippreżentaw distinzjoni ambigwa bejn l-SMEs u l-impriżi kbar, 200 000 impriża (minn fost 335 000) għandhom kumpanija waħda jew aktar affiljati fi grupp, u għalhekk jistgħu jirċievu jew iħallsu l-imgħaxijiet fi ħdan grupp. 50 000 minn dawn l-impriżi għandhom kumpanija waħda jew aktar li jappartjenu għall-grupp barra l-pajjiż, li 47 000 (95 %) minnhom huma SMEs. Dan diġà jindika b’mod ċar li l-SMEs mhuma ser ibatu minn ebda diskriminazzjoni minħabba l-miżura.

Konklużjoni dwar in-natura tal-miżura bħala għajnuna mill-istat

(124)

Fil-paragrafi 83 sa 123 intwera li l-miżura ma tagħti ebda vantaġġ diskriminatorju fuq l-impriżi f’sitwazzjonijiet simili, u fil-fatt għandha ttejjeb in-newtralità tat-taxxa.

(125)

Instab ukoll li l-vantaġġ de facto għall-kumpaniji multinazzjonali, li jista’ jirriżulta mill-eżistenza ta’ diskrepanzi bejn is-sistemi tat-taxxa f’sitwazzjoni transkonfinali, jaqa’ barra mill-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għaliex dawn id-diskrepanzi ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Olanda.

(126)

Fi kwalunkwe eventwalità, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija ġenwinament miftuħa għal kull impriża fl-Olanda, ladarba ma jeżisti ebda ostakolu legali jew ekonomiku għall-istabbiliment ta’ grupp.

(127)

L-aħħar emenda li ddaħħlet mill-awtoritajiet Olandiżi għandha tagħmilha aktar faċli biex tinħoloq kumpanija fl-Olanda, billi din tneħħi r-rekwiżit kapitali statutarju ta’ EUR 18 000 għal kumpanija kummerċjali b’responsabbiltà limitata. Dan għandu jagħti l-opportunità lil kwalunkwe kumpanija biex faċilment toħloq kumpanija (sekondarja) fl-Olanda, u għalhekk, tkun tista’ toħloq grupp. B’konsegwenza ta’ dan, il-miżura tal-groepsrentebox ser tkun aċċessibbli għal kwalunkwe kumpanija individwali mingħajr ma tkun teħtieġ ċerta saħħa ekonomika jew riżorsi kapitali sinjifikanti. Billi l-ħolqien ta’ grupp ser isir sempliċi kwistjoni ta’ organizzazzjoni, mingħajr spejjeż sproporzjonati, ir-rekwiżit li dan għandu jkun parti minn grupp korporattiv mhux ser jibqa’ jikkostitwixxi ostakolu għal kwalunkwe impriża li turi x-xewqa li tibbenifika mill-groepsrentebox.

VIII.   KONKLUŻJONI

(128)

Il-Kummissjoni ssib li l-miżura tal-groepsrentebox, li qiegħda tippjana li timplimenta l-Olanda, ma tagħti ebda vantaġġ selettiv li jista’ jkun attribwit lill-Olanda fuq kumpaniji stabbiliti fl-Olanda, li jkunu jagħmlu parti minn grupp, jew fuq kumpaniji li jappartjenu għal grupp bi stabbiliment permanenti fl-Olanda, u għalhekk, ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-groepsrentebox li l-Olanda qiegħda tippjana li timplimenta fir-rigward tat-tassazzjoni tal-flussi ta’ imgħaxijiet fi ħdan grupp ma tikkostitwixxix għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

L-implimentazzjoni tal-iskema b’hekk hija awtorizzata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Olanda.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 66, 22.3.2007, p. 30.

(2)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  Rata ta’ 20 % tapplika għal dħul taxxabbli sa EUR 40 000 u 23,5 % għal dħul taxxabbli ta’ bejn EUR 40 000 u EUR 200 000.

(4)  Ikun hemm kostruzzjoni ‘back-to-back’ jekk, minn perspettiva legali, tinħareġ approvazzjoni ta’ self minn bank, iżda r-riskju attwali fir-rigward tad-debitaturi u r-rata tal-iskambju jinġarr minn kumpanija ta’ grupp, pereżempju, permezz ta’ garanzija maħruġa lill-bank ikkonċernat.

(5)  Kontroll effettiv huwa fi kwalunkwe każ preżenti jekk entità waħda jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot f’entità oħra jew jekk individwu jew entità terza jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fiż-żewġ entitajiet involuti fl-arranġament tas-self.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/515/KE (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 52).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/883/KE (ĠU L 330, 18.12.2003, p. 23).

(8)  Verbond van Nederlandse Ondernemingen – Nederlands Christelijk Werkgeversverbond.

(9)  Ara, inter alia, il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni, 2008, li għadha ma ġietx irrapportata, paragrafu 82; il-Kawża C-409/00 Spanja vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-1487, paragrafu 47; il-Kawża C-88/03 Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, [2006] Ġabra I-7115, paragrafu 54; u l-Kawżi Magħquda C-428/06 sa C-434/06 UGT-Rioja et., 2008, li għadhom ma ġewx irrapportati, paragrafu 46.

(10)  Ara pereżempju, il-Kawża C-56/93 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1996] Ġabra I-723, paragrafu 79; il-Kawża C-241/94 Franza vs Il-Kummissjoni, [1996] Ġabra I-4551, paragrafu 20; il-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, [1999] Ġabra I-3671, paragrafu 25; u l-Kawża C-409/00 Spanja vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-10901, paragrafu 46.

(11)  Ara pereżempju, il-Kawża C-66/02 L-Italja vs Il-Kummissjoni, [2005] Ġabra I-10901, paragrafu 101.

(12)  ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3, paragrafu 24.

(13)  Paragrafu 22 tal-ewwel deċiżjoni.

(14)  L-espressjonijiet “kumpaniji relatati” u “grupp” jintużaw f’kull parti ta’ din id-Deċiżjoni biex jirreferu, għall-konvenjenza, għal kumpaniji li huma relatati permezz ta’ kontroll konġunt, direttament jew indirettament – ara l-premessa 98.

(15)  F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-evalwazzjoni tagħha tas-sistema tat-taxxa għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-5479, paragrafi 86 sa 118), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-evalwazzjoni tad-dħul b’rata fissa skont il-metodu “cost-plus” ġabet magħha vantaġġ ekonomiku għall-iskopijiet tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE u li ‘ma tistax titqajjem kwistjoni dwar dik l-analiżi, la minħabba l-fatt li l-inklużjoni tal-ħlasijiet finanzjarji setgħet, f’xi każijiet, twassal għal bażi tat-taxxa li kienet għolja b’mod eżaġerat jew minħabba l-iskala tal-piż tat-taxxa li jista’ jiġi impost fuq il-grupp, u lanqas tista’ titqajjem kwistjoni dwarha minħabba l-fatt li ċentru jista’ jiġi ntaxxat, saħansitra meta ma jkun għamel ebda profitt’. Il-Qorti qieset ukoll li l-eżenzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni mit-taxxa tal-proprjetà tathom vantaġġ ekonomiku. ‘Il-fatt li kienu biss 5 % taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li bbenifikaw minnha fil-prattika, minħabba li ċ-ċentri l-oħrajn kollha għandhom il-bini mogħti lilhom b’kera, ma jaffettwax dik l-evalwazzjoni, ladarba l-għażla bejn li tixtri l-bini u jsir proprjetà tiegħek u li tikrih hija kwistjoni għal kollox fid-diskrezzjoni taċ-ċentri.’

(16)  Biex nieħdu eżempju, il-ħlas tad-dividendi, filwaqt li mhuwiex deduċibbli fuq il-livell tal-kumpanija li tħallas, huwa soġġett għal tassazzjoni fuq il-livell tal-azzjonisti individwali.

(17)  Il-Kawża C-196/04 Cadbury Schweppes vs Il-Kummissarji tat-Taxxi Interni [2006] Ġabra I-7995, ara b’mod partikolari l-paragrafi 36 u 37.

(18)  Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-308/00 Salzgitter vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-1933, fejn il-Qorti ddeċidiet li l-paragun tar-regoli tat-taxxi li huma applikabbli fl-Istati Membri kollha, jew saħansitra xi wħud minnhom, inevitabbilment iwassal għal distorsjoni tal-għan u l-iffunzjonar tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat.

(19)  Nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14.