4.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2009

dwar l-iffirmar tal-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) mill-Komunità Ewropea

(2009/806/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 paragrafu 1 u l-Artikolu 300 paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi

(1)

Fis-26 ta’ Jannar 2009, l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (1) (“l-Istatut”) ġie ffirmat fil-Konferenza tal-Fondazzjoni f’Bonn minn ħamsa u sebgħin Stat, inkluż għoxrin Stat Membru tal-UE.

(2)

Skont l-Istatut, l-għan tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (“IRENA”) huwa li “tippromwovi adozzjoni mxerrda u ikbar kif ukoll l-użu sostenibbli tal-forom kollha tal-enerġija rinnovabbli, b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet u l-benefiċċji nazzjonali u domestiċi mnisslin minn approċċ magħqud ta’ miżuri ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza fl-enerġija, u l-kontribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-preservazzjoni ambjentali, permezz tal-limitazzjoni tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u t-tnaqqis tad-deforestazzjoni, partikolarment id-deforestazzjoni tropikali, id-deżertifikazzjoni u t-telf tal-bijodiversità; għall-protezzjoni tal-klima; għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; għall-aċċess għal u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; għall-iżvilupp reġjonali u r-responsabbiltà interġenerazzjonali”.

(3)

Kemm il-Komunità Ewropea kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Istatut. Ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatut jistgħu jaffettwaw l-arranġamenti stabbiliti bl-atti Komunitarji adottati li jikkonċernaw l-ambjent u l-enerġija.

(4)

Minħabba li d-dħul fis-seħħ tiegħu huwa biss fit-tletin jum wara d-depożitu tal-ħamsa u għoxrin strument tar-ratifika, u peress li l-Istatut jibqa’ miftuħ għall-iffirmar sa dik id-data, l-Istatut għandu jiġi ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea konformement mal-Artikolu XIX A tiegħu. Il-Konferenza tal-Fondazzjoni tal-IRENA tas-26 ta’ Jannar 2009 stabbilixxiet Kummissjoni ta’ Tħejjija għall-IRENA (2). Konformement mal-punt 3 tar-Riżoluzzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Tħejjija għall-IRENA, adottata mill-Konferenza dwar l-istabbiliment tal-IRENA, il-Kummissjoni ta’ Tħejjija hi magħmula minn rappreżentant ta’ kull wieħed mill-firmatarji tal-Istatut. Il-Kummissjoni ta’ Tħejjija hi intenzjonata biex tiżgura l-istabbiliment rapidu u effettiv tal-IRENA, inkluż bl-istabbiliment ta’ baġit u programm ta’ ħidma proviżorju. Il-parteċipazzjoni sħiħa sa mid-data tal-iffirmar fl-attivitajiet tal-IRENA titqies li hija ta’ benefiċċju. Għalhekk, il-Komunità għandha tkun irrappreżentata u għandha tipparteċipa fil-Kummissjoni tat-Tħejjija tal-IRENA sa mid-data tal-iffirmar.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-President tal-Kunsill permezz ta’ dan qed jiġi awtorizzat biex jaħtar persuna jew persuni awtorizzati li f’isem il-Komunità Ewropea jiffirmaw l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli mwaqqfa fis-26 ta’ Jannar 2009 f’Bonn.

Artikolu 2

Bis-saħħa tal-firma tagħha, il-Komunità ser tkun irrappreżentata fil-Kummissjoni ta’ Tħejjija tal-IRENA mwaqqfa mill-Konferenza għall-istabbiliment tal-IRENA.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  Id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza rigward il-verżjonijiet awtentiċi tal-Istatut tifforma parti integrali mill-Istatut.

(2)  IRENA/FC/res.1: Riżoluzzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Tħejjija għall-IRENA, 26 ta’ Jannar 2009, Bonn.