30.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ottubru 2009

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2009/790/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika tal-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud(VAT), mill-1 ta’ Jannar 2010, lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ EUR 30 000 bir-rati tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ddatata t-22 ta’ Ġunju 2009. B’ittra ddatata t-3 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3)

It-Titolu XII, Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża skema fakultattiva ta’ eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ikun inqas minn ċertu limitu.

(4)

Skont l-Artikolu 287(14) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja tista’ tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex għola mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ EUR 10 000 bir-rata tal-kambju tal-jum tal-adeżjoni tagħha.

(5)

Iż-żieda ta’ dan il-limitu għal EUR 30 000 ser jippermetti lir-Repubblika tal-Polonja biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għal proporzjon iktar wiesgħa tal-impriżi ż-żgħar, filwaqt li tillimita lilha nnifisha għal dawk l-impriżi bl-inqas fatturat, u b’hekk tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tagħhom.

(6)

Fil-proposta tagħha għal Direttiva li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali tal-iskema tal-eżenzjoni tal-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont jiġi aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja hija konformi ma’ din il-proposta.

(7)

Id-deroga ppreżentata mhux ser ikollha impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja hija awtorizzata li tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ EUR 30 000 bir-rata tal-kambju tal-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2012, skont liema data tkun l-aktar kmieni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BORG


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.