23.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/54


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ottubru 2009

dwar l-estensjoni tal-użu taż-żejt tal-alka mill-mikroalka Ulkenia sp. bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7932)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2009/777/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Novembru 2004 l-kumpanija Lonza Ltd. (li qabel kienet magħrufa bħala Nutrinova) għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ġermanja għal estensjoni tal-użu bħala ingredjent ġdid tal-ikel taż-żejt mill-mikroalka Ulkenia sp.

(2)

Fid-9 ta’ Frar 2005 l-entità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-ikel fil-Ġermanja ħarġet ir-rapport inizjali tagħha ta’ evalwazzjoni. F’dak ir-rapport din waslet għall-konklużjoni li l-estensjoni tal-użu taż-żejt mill-mikroalka Ulkenia sp. tista’ toħloq riskju li l-konsum ta’ DHA (aċidu docosahexaenoic) jiżdied b’mod mhux aċċettabbli.

(3)

Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ evalwazzjoni inizjali lill-Istati Membri kollha fil-21 ta’ April 2005.

(4)

Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tressqu oġġezzjonijiet motivati għat-tqegħid fis-suq tal-prodott b’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni.

(5)

Fl-oġġezzjonijiet tagħhom l-Istati Membri esprimew tħassib dwar il-livelli għolja ta’ konsum ta’ aċidi xaħmin omega-3 u b’mod partikolari d-DHA (aċidu docosahexaenoic).

(6)

Madankollu, is-sors ewlieni ta’ aċidi xaħmin omega-3 huwa ż-żejt tal-ħut. Illum, fl-ikel tal-kategoriji li għalihom intalbet iż-żieda taż-żejt mill-mikroalka Ulkenia sp., l-aċidi xaħmin omega-3 jistgħu jiġu pprovduti jew miż-żejt tal-ħut jew minflok mill-mikroalka Ulkenia sp.

(7)

Għaldaqstant mhuwiex mistenni li l-użu taż-żejt mill-mikroalka fil-gruppi tal-ikel imsemmija fl-Anness se jwassal għal żieda addizzjonali mhux aċċettabbli fil-konsum ġenerali tal-aċidi xaħmin omega-3.

(8)

Iż-żejt mill-mikroalka Ulkenia sp. jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt mill-mikroalka Ulkenia sp. kif speċifikat fl-Anness I jista’ jitqiegħed fis-suq fil-Komunità bħala ingredjent ġdid tal-ikel għall-użu u fil-livelli massimi kif imsemmi fl-Anness II.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni “żejt mill-mikroalka Ulkenia sp.” trid tidher fil-lista ta’ ingredjenti tal-oġġetti tal-ikel li jkun fihom minn dan iż-żejt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lil Lonza Ltd., Muenchensteinerstrasse 38, CH – 4002 Basel.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAŻ-ŻEJT MILL-MIKROALKA ULKENIA SP.

Valur tal-aċidu

Mhux iktar minn 0,5 mg KOH/g

Valur perossidu (PV)

Mhux iktar minn 5,0 meq/kg żejt

Umdità u volatili

Mhux aktar minn 0,05 %

Sustanzi li ma jistgħux jinbidlu f’sapun

Mhux aktar minn 4,5 %

Aċidi xaħmin trans

Mhux aktar minn 1 %

Kontenut ta’ DHA

Mhux anqas minn 32,0 %


ANNESS II

UŻU TAŻ-ŻEJT MILL-MIKROALKA ULKENIA SP.

Grupp ta’ użu

Kontenut massimu ta’ DHA (Aċidu docosahexaenoic)

Prodotti tal-forn (ħobż u panini)

200 mg/100 g

Bars taċ-ċereali

500 mg/100 g

Xarbiet mhux alkoħoliċi (inklużi xarbiet magħmula mill-ħalib)

60 mg/100 ml