20.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Ottubru 2009

dwar talba għal eżenzjoni mir-regoli tat-taxxa fuq il-vetturi mressqa minn Franza skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7761)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/765/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE tas-17 Ġunju 1999, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal vetturi li jużaw okkażjonalment biss it-toroq pubbliċi tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni u li jintużaw minn persuni naturali jew legali li l-okkupazzjoni prinċipali tagħhom mhix it-trasport ta’ merkanzija, sakemm l-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa minn dawn il-vetturi ma jikkawżawx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni. Dan it-tnaqqis jew l-eżenzjoni huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(2)

Franza talbet lill-Kummissjoni biex iġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2014 l-approvazzjoni tagħha għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi ta’ 12-il tunnellata jew aktar li jintużaw esklussivament b’rabta ma’ xogħlijiet pubbliċi u industrijali fi Franza u pprovduta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/449/KE (2) skont id-Direttiva 1999/62/KE.

(3)

Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE huma rispettati, peress li dawn il-vetturi ma jużawx it-toroq pubbliċi b’mod permanenti, ma jintużawx biex iġorru merkanzija u aktar minn hekk peress li l-eżenzjoni ta’ dawn il-vetturi mit-taxxa fuq il-vetturi ma toħloqx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għax ma jistgħux jintużaw għall-ġarr ta’ ebda oġġett ħlief għal dik li hija armata b’mod permanenti fuq il-vettura u użata għall-attività tagħhom stess.

(4)

Sabiex tippermetti lill-Kummissjoni teżamina l-eżenzjoni mir-regoli tat-taxxa fuq il-vetturi, l-approvazzjoni għandha tingħata għal żmien limitat.

(5)

L-eżenzjoni mitluba minn Franza għandha għalhekk tiġi approvata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni b’hekk tagħti l-approvazzjoni tagħha li, skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE, jiġu eżentati mit-taxxa, sal-31 ta’ Diċembru 2014, dawn il-vetturi ta’ 12-il tunnellata jew aktar li jintużaw esklussivament għall-ġarr ta’ tagħmir armat b’mod permanenti għal xogħolijiet pubbliċi u industrijali fi Franza:

(1)

Tagħmir ta’ rfigħ u ġarr li jaħdem b’mod awtonomu (krejnijiet armati fuq xażi tat-triq);

(2)

Pompi mobbli ta’ jew stazzjonijiet għall-ippompjar armati fuq xażi tat-triq;

(3)

Settijiet ta’ kumpressuri bil-magna armati b’mod permanenti fuq xażi tat-triq;

(4)

Miksers tal-konkos u pompi armati b’mod permanenti fuq xażi tat-triq (ħlief għal vetturi bil-bajla għall-ġarr tal-konkos);

(5)

Settijiet mobbli tal-ġenerazzjoni armati b’mod permanenti fuq xażi tat-triq;

(6)

Magni mobbli tat-titqib armati b’mod permanenti fuq xażi tat-triq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42.

(2)  ĠU L 158, 21.6.2005, p. 23.