13.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/35


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Ottubru 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2006/1013/KE li tagħti deroga mitluba mill-Ġermanja skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7703)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(2009/753/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena ikun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, l-istaġuni twal ta’ tkabbir u l-uċuħ b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fit-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/1013/KE (2) li tippermetti l-applikazzjoni ta’ 230 kg nitroġenu minn demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena fuq mergħat għal użu intensiv f’farms speċifiċi tal-ifrat fl-ambitu tal-programm ta’ azzjoni tal-Ġermanja għall-2006-2009. Madankollu, l-applikazzjoni tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fuq għelejjel li jitkabbru f’dawn il-farms ma tistax tkun ogħla minn 170 kg/ha nitroġenu għal kull ettaru fis-sena.

(3)

Fl-20 ta’ Frar 2009, il-Ġermanja talbet estensjoni tad-deroga.

(4)

Abbażi tal-applikazzjonijiet għall-perjodu 2007-2008, ġie stmat li madwar 700 farm mistennija jitolbu għal-deroga li tikkorrispondi għal 16 000 ettaru ta’ art fir-reġjuni tas-Sassonja t’Isfel, ir-Rin tat-Tramuntana-Westphalia, Baden-Württemberg u l-Bavarja.

(5)

Il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE tista’ titqies bħala konformi mad-Direttiva 91/676/KEE u d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw ukoll għad-deroga.

(6)

Il-Ġermanja, f'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, timplimenta programm ta’ azzjoni fit-territorju tagħha kollu. Il-programm ta’ azzjoni għall-perjodu 2010-2013 jagħmel parti mill-Ordinanza dwar il-Fertilizzanti tal-10 ta’ Jannar 2006 kif l-aħħar emendata fis-6 ta’ Frar 2009.

(7)

Id-dejta dwar il-kwalità tal-ilma mressqa mill-Ġermanja flimkien mar-Raba’ Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati 2004-2007 turi tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ ta’ 85 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ u konċentrazzjoni stabbli ta’ 10 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ meta mqabbla mal-perjodu 1991-1994. Għall-ilma ta’ taħt l-art, id-dejta miġbura min-netwerk ta’ monitoraġġ tan-nitrati agrikoli turi li, meta mqabbla mal-perjodu 1991-1994, f’madwar 55 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ ġie rreġistrat tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati filwaqt li dawn il-konċentrazzjonijiet baqgħu stabbli f’madwar 19 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ. L-analiżi tad-dejta fiż-żoni koperti mid-deroga ma turi ebda żieda sinifikanti fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati.

(8)

Il-medja tan-nitroġenu żejjed naqset minn 120 kg N/ha fil-perjodu 1991-1993 għal 94 kg N/ha fl-2007. Fl-istess perjodu, l-użu tan-nitroġenu mid-demel naqas minn 88 kg N/ha għal 76 kg N/ha.

(9)

Id-dokumenti anċillari li tressqu mill-Ġermanja juru li l-proposta għal ammont ta’ 230 kg ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena hija ġġustifikata għall-mergħat għal użu intensiv fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(10)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba tal-Ġermanja u fid-dawl tal-esperjenza miksuba mid-deroga kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/1013/KE, tqis li l-estensjoni tad-deroga ma għandhiex tippreġudika l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu ssodisfati l-istess kundizzjonijiet stretti stabbiliti bid-Direttiva 2006/1013/KE.

(11)

Iż-żmien tad-Deċiżjoni 2006/1013/KE jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2009. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mid-deroga, huwa xieraq li l-validità tagħha tiġi estiża.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2006/1013/KE hu mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2013 fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni tal-Ġermanja (Ordinanza dwar il-Fertilizzanti tal-10 ta’ Jannar 2006)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 382, 28.12.2006, p. 1.