18.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Awwissu 2009

dwar in-noninklużjoni taż-żejt tal-pitrolju CAS 64742-54-7 fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 6305)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/617/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta' 12-il sena wara n-notifika ta' dik id-Direttiva, jista' jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I ta' dik id-Direttiva u li jkunu diġà fis-suq sentejn wara n-notifika, waqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu investigati gradwalment fil-qafas ta' programm ta' ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba' stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-pitrolju CAS 64742-54-7.

(3)

Għall-pitrolju CAS 64742-54-7, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew evalwati skont id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (EFSA) skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għall-pitrolju CAS 64742-54-7, l-Istat Membru Relatur kien il-Greċja u t-tagħrif relevanti kollu ntbagħat f' April 2008.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat il-pitrolju CAS 64742-54-7 skont l-Artikolu 24a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Abbozz tar-rapport tar-reviżjoni għal dik is-sustanza ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-12 ta' Marzu 2009 fil-format tar-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Waqt l-eżaminazzjoni tal-pitrolju CAS 64742-54-7 mill-Kumitat, ġie konkluż, waqt li tqiesu l-kummenti tal-Istati Membri, li hemm indikazzjonijiet ċari li wieħed jista’ jistenna li s-sustanza attiva jkollha effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u partikolarment fil-każ tal-konsumaturi u l-operaturi għaliex l-evidenza li teżisti mhijiex suffiċjenti li tippermetti li jiġu stabbiliti ADI (Doża Aċċettabbli ta’ Kuljum), ArfD (Doża Akuta ta' Referenza) u AOEL (Livell Aċċettabbli tal-Espożizzjoni tal-Operatur).

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-eżami tal-pitrolju CAS 64742-54-7 u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa jew le lis-sustanza. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib li tqajjem ma setax jiġi eliminat, u l-istimi li saru, imsejsa fuq l-informazzjoni li tressqet, ma wrewx li jista' jkun mistenni li, fil-kundizzjonijiet proposti għall-użu, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artiklu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, il-pitrolju CAS 64742-54-7 m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġux imġedda u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta' konċessjoni mogħti minn xi Stat Membru għar-rimi, għall-ħażna, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ħażniet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 għandu jkun limitat għal perjodu ta' tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati sa staġun ieħor tat-tkabbir, u dan jiżgura li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal-pitrolju CAS 64742-54-7 skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u mħaffa għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' din id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (4), bil-ħsieb ta' inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pitrolju CAS 64742-54-7 m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 ikunu revokati sas-17 ta’ Frar 2010;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 64742-54-7 m’hi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Frar 2011.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.