4.8.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Lulju 2009
dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija
(2009/590/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern. |
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. |
(3) |
Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, kif iċċarat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1), li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat iniżżel aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistabbilixxi regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dak il-Protokoll. |
(4) |
Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kellha l-għan li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Din kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies kompletament fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi fid-dawl tal-qagħda ekonomika. |
(5) |
L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat u b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat, ikkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tar-Rumanija fit-13 ta’ Mejju 2009 (3). |
(6) |
L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq li jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tar-Rumanija, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjoni mniżżla f’din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Skont in-notifika tal-PŻE mill-awtoritajiet Rumeni f’April 2009, li mbagħad ġiet validata mill-Eurostat, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fir-Rumanija laħaq il-5,4 % tal-PDG fl-2008, u b’hekk eċċeda l-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG. L-iżbilanċ ma kienx qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG u dak li jibqa’ ‘l fuq mill-valur ta’ referenza ma jistax jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan ma rriżultax minn avveniment mhux tas-soltu jew minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fl-2008 skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minkejja li t-tkabbir naqas fl-aħħar kwart tas-sena, it-tkabbir ġenerali tal-PDG fl-2008 żdied għal rata ta’ 7,1 %, minn 6 % fl-2007 u sinifikament ‘il fuq mir-rata ta’ tkabbir potenzjali. Barra minn hekk, l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa mistenni jilħaq il-5,1 % tal-PDG fl-2009 u, fuq il-fehma li ma jkunx hemm tibdil fil-politika, għal 5,6 % fl-2010. Din il-previżjoni hija bbażata fuq tkabbir tal-PDG ta’ – 4,0 % fl-2009 u 0 % fl-2010. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tqis il-miżuri għas-sena attwali fil-baġit għall-2009 approvat fi Frar 2009 u l-miżuri addizzjonali adottati mill-gvern f’April 2009. Il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
(8) |
Id-dejn gross ġenerali tal-gvern jibqa’ sew taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG u fl-2008 kien ta’ 13,6 % tal-PDG. Minkejja dan, skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 18 ¼ % fl-2009 u 22 ¾ % fl-2010. |
(9) |
Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ingħata attenzjoni dovuta lejn riformi sistemiċi tal-pensjonijiet bl-introduzzjoni ta’ sistema b’diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kompletament. Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi twassal għal deterjorazzjoni temporanja tal-pożizzjoni baġitarja, huwa ċar li s-sostennibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi titjieb. Fuq il-bażi tal-estimi tal-awtoritajiet Rumeni, l-ispejjeż netti ta’ din ir-riforma jammontaw għal 0,2 % tal-PDG fl-2008, 0,3 % fl-2009, 0,4 % fl-2010, u 0,4 % fl-2011. Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dawn jistgħu jitqiesu fuq bażi degressiva lineari għal perijodu transitorju u biss fejn l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza, li mhuwiex il-każ għar-Rumanija. Fi kwalunkwe każ, l-iżbilanċ tal-gvern aġġustat għall-ispiża tar-riforma tal-pensjonijiet fl-2008 għandu jkun ferm ogħla minn 3 % tal-PDG. |
(10) |
Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju – tiġi osservata kompletament. Fil-każ tar-Rumanija, din il-kondizzjoni doppja mhix osservata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fl-istadji li jwasslu għal din id-Deċiżjoni. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn evalwazzjoni ġenerali, jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
C. BILDT
(2) ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.
(3) Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għar-Rumanija jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2