4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Lulju 2009

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja

(2009/589/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Polonja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, kif iċċarat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1), li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat iniżżel aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistabbilixxi regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kellha l-għan li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Din kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies kompletament fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi fid-dawl tal-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat u b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat, ikkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Polonja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Polonja fl-24 ta’ Ġunju 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq li jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Polonja, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjoni mniżżla f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont in-notifika tal-PŻE mill-awtoritajiet Pollakki f’April 2009, sussegwentement ivvalidata mill-Eurostat, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fil-Polonja laħaq it-3,9 % tal-PDG fl-2008, u għalhekk qabeż it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG. L-iżbilanċ ma kienx qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG u dak li jibqa’ ‘l fuq mill-valur ta’ referenza ma jistax jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan ma jirriżultax minn avveniment mhux tas-soltu fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, dan ma jirriżultax minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fl-2008 fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minkejja li t-tkabbir naqas għal 3,3 % sena wara sena fl-aħħar kwart tal-2008, li affettwa l-ġbir tad-dħul fl-aħħar kwart tas-sena u żied mar-riżultat agħar milli mistenni tal-iżbilanċ, it-tkabbir tal-PDG b’mod globali kien għadu relattivament b’saħħtu b’4,9 % fl-2008.

It-tkabbir potenzjali tal-PDG huwa stmat li jkun tal-ordni ta’ 4 ½ % u d-differenza fil-produzzjoni tilħaq madwar 3 ½ % tal-PDG potenzjali, li tindika kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli. Barra minn hekk, l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jilħaq is-6,6 % tal-PDG fl-2009 u, skont is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta’ politika, 7,3 % fl-2010 kontra tnaqqis tal-PDG ta’ 1,4 % fl-2009 u tkabbir tal-PDG ta’ 0,8 % fl-2010. L-iżbilanċ ser jiżdied fl-2009 anke skont l-awtoritajiet Pollakki li, fit-22 ta’ Ġunju 2009, ħabbru li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern jista’ jeċċedi konsiderevolment l-4,6 % tal-PDG ippjanat għas-sena attwali fin-notifika tal-PŻE tar-Rebbiegħa 2009 (4). Għalhekk, il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Id-dejn gross ġenerali tal-gvern, jibqa’ sew taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG u kien ta’ 47,1 % tal-PDG fl-2008. Madankollu, minħabba żbilanċi li mistennija jkunu għoljin, id-dejn ġenerali tal-gvern x’aktarx jilħaq kważi 60 % skont is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta’ politika fl-2010 skont il-previżjoni tar-Rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

(9)

F’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, għandha tingħata attenzjoni dovuta lejn riformi sistemiċi tal-pensjonijiet bl-introduzzjoni ta’ sistema b’diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kompletament. Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi twassal għal deterjorament temporanju tal-pożizzjoni baġitarja, is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi titjieb b’mod ċar. Ibbażata fuq l-estimi tal-awtoritajiet Pollakki, l-ispiża netta ta’ din ir-riforma tammonta għal 2,9 % tal-PDG fl-2008, li tiżdied għal 3,2 % tal-PDG fl-2009, kif ġie mfakkar mill-awtoritajiet Pollakki fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Ġunju. Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati fuq bażi digressiva lineari għal perijodu tranżitorju u biss fejn l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza. Peress li l-iżbilanċ ma jibqax viċin il-valur ta’ referenza fl-2008-2010, l-ispiża tar-riforma tal-pensjonijiet ma tistax titqies.

(10)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 104(6) tat-Trattat jekk il-kondizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju – tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Polonja, din il-kondizzjoni doppja mhijiex sodisfatta. Għalhekk, il-fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni ġenerali, jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Polonja.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Polonja jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=m2

(4)  Ittra mill-Ministru tal-Finanzi s-Sur Rostowski lill-Kummissarju Almunia.